Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 4 Ġunju 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Il-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jsaħħu l-kompetittività tal-UE

student measuring the thickness of a cut piece of wood in a highly specialised lab

 

Il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2025, li janalizza l-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin madwar l-UE kollha. Ipprovdiet gwida lill-pajjiżi tal-UE dwar kif jistgħu jsaħħu l-kompetittività, il-prosperità u r-reżiljenza tagħhom. Din il-gwida waslet fi żmien fejn il-kummerċ u s-sigurtà huma instabbli, u hija marbuta mill-qrib mal-boxxla għall-kompetittività, il-pjan tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tittejjeb il-pożizzjoni tagħha fix-xena dinjija. 

Fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għamlet, il-Kummissjoni tipprovdi gwida mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż tal-UE fi tliet oqsma ewlenin:  

  • il-politika fiskali,
  • l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, u
  • l-isfidi strutturali mhux indirizzati u/jew emerġenti, b’enfasi fuq il-boxxla għall-kompetittività.  

Il-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2025 jirrappreżenta wkoll l-ewwel valutazzjoni li saret skont il-qafas ta’ governanza ekonomika rivedut, li tevalwa l-progress tal-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju li ppreżentaw il-ħarifa li għaddiet.  

Wara l-pjan ReArm Europe/Prontezza 2030, 16-il pajjiż tal-UE talbu li temporanjament jonfqu aktar mis-soltu biex jinvestu fid-difiża. Dan huwa possibbli skont l-hekk imsejħa klawżola liberatorja nazzjonali. Il-Kummissjoni issa tirrakkomanda lill-Kunsill japprova din it-talba għal dawn il-pajjiżi.   

Fir-rigward tal-pajjiżi soġġetti għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni hi tal-fehma li Franza, l-Italja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja m’għandhomx jieħdu miżuri ulterjuri. Għall-Belġju rrakkomandat perkors korrettiv ġdid. Fir-rigward tar-Rumanija, li t-tkabbir tan-nefqa netta tagħha huwa ogħla mil-limitu massimu stabbilit fil-perkors korrettiv tagħha, tirrakkomanda lill-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi li l-pajjiż ma ħax miżuri effettivi. 

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-eżistenza tal-iżbilanċi makroekonomiċi f’10 Stati Membri magħżula għal rieżamijiet fil-fond fl-ambitu tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025.  Ċipru, l-Estonja u l-Ġermanja mhumiex qed jesperjenzaw żbilanċi, filwaqt li l-Ungerija, il-Greċja, l-Italja, in-Netherlands, is-Slovakkja u l-Iżvezja għadhom qed jesperjenzaw żbilanċi, peress li l-vulnerabbiltajiet tagħhom għadhom rilevanti b’mod kumplessiv. Ir-Rumanija għadha qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi minħabba ż-żieda fid-defiċit fiskali u fil-kont kurrenti u d-deterjorament tal-kompetittività tal-kostijiet irreġistrati fl-2024.  

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssuġġeriet li jiġu aġġornati l-linji gwida rigward il-politiki tal-impjiegi. Dawn huma bbażati fuq dawk adottati f’Diċembru 2024, li ffukaw fuq in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema bi ħtieġa partikolari għal aktar ħiliet diġitali. L-għan tal-linji gwida l-ġodda huwa li jippromwovu swieq tax-xogħol aktar ġusti u aktar inklużivi, b’mod konsistenti mal-unjoni tal-ħiliet u l-boxxla għall-kompetittività.  

 

Għal aktar informazzjoni 

Stqarrija għall-istampa dwar il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2025 

Questions and answers on the 2025 European Semester Spring Package 

2025 European Semester: Spring package 

Is-Semestru Ewropew 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Ġunju 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni