❤️Iltqajt ma’ xi ħadd. X'inhu l-pass li jmiss?
L-imħabba tista’ tiftaħlek il-bibien. L-UE tgħinek tasal.
Kultant, l-aħjar mod biex tiltaqa’ ma’ nies ġodda huwa li tibdel il-kodiċi postali tiegħek. L-Erasmus+ jagħti opportunitajiet biex wieħed jistudja, jitħarreġ, jagħmel il-volontarjat, u jikseb esperjenza barra minn pajjiżu fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Tista’ titlaq għal semestru u tiġi lura titkellem lingwa ġdida, bi ħbieb ġodda, b’fiduċja ġdida fik innifsek — jew b’kuntatti li qatt ma bsart li kont se tagħmel.

Li żżomm kuntatt ma’ xi ħadd barra minn pajjiżek m’għandux ifisser kont tar-roaming. Meta tivvjaġġa fl-UE, tista’ tuża l-mowbajl bħalma tużah f’pajjiżek: it-telefonati, il-messaġġi, u d-data mobbli huma inklużi skont ir-regoli tal-UE dwar ir-“roaming daqslikieku f’pajjiżek”, fir-rispett tal-limiti tal-użu raġonevoli.
Għalhekk, żomm il-konverżazzjoni għaddejja minn Liżbona għal Ljubljana, minn Pariġi għal Praga, jew fi kwalunkwe post ieħor fl-Ewropa.

L-UE qed tagħmel l-USB-C l-istandard komuni tal-iċċarġjar għal ħafna apparati elettroniċi, u b’hekk qed tnaqqas il-ħtieġa li jinġarru ċarġers differenti u tgħin biex jitnaqqas l-iskart elettroniku.
Ċarġer wieħed jista’ jfisser li jkollok xi ħaġa inqas fuqiex tħabbel rasek meta tkun qed tippakkja għal xi weekend ta’ btala.

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fil-pajjiżi kollha tal-UE, b’ċerti kundizzjonijiet skont is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun.
Dan ifisser li, meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd għal skop romantiku, mhux bilfors se tagħmel dan f’pajjiżek. Il-kapitlu li jmiss ta’ ħajtek jista’ jinkiteb f’pajjiż ieħor.

Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) tagħti lir-residenti eliġibbli tal-UE aċċess għal kura tas-saħħa statali li tkun medikament neċessarja waqt żjara temporanja f’pajjiż ieħor tal-UE, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess spiża bħall-persuni assigurati hemmhekk.
Għalhekk, jekk fil-weekend meta tkun qed tivvjaġġa xi ħaġa tmurlek żmerċ, għandek ftit aktar serħan il-moħħ.

L-imħabba m’għandhiex bżonn permessi. Ilkoll kemm aħna jistħoqqilna li niġu ttrattati ndaqs.
Fl-UE kollha kemm hi, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali. Il-liġi tal-UE tipproteġi lin-nies mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet li jinkludu l-orjentazzjoni sesswali, filwaqt li l-UE qed tkompli taħdem favur l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+.
