Il-prijoritajiet u l-valuri tal-UE fis-sistema multilaterali
L-isfidi tas-seklu 21 jitolbu aktar u mhux inqas governanza multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.
L-UE ddefiniet prijoritajiet strateġiċi ċari dwar kwistjonijiet li l-ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja waħdu: il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika jew il-klima.
Issa trid tavvanza dawn il-prijoritajiet b’mod multilaterali f’approċċ strateġiku biex tiżgura dinja aktar sikura u rkupru globali sostenibbli u inklużiv.

L-UE trid tintensifika t-tmexxija tagħha u taġixxi f’unità biex tirnexxi f’unità. Għal dan il-għan l-UE se tippromwovi mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni aktar effiċjenti b’rabta ma’ prijoritajiet konġunti u tagħmel użu aħjar mis-saħħa kollettiva tagħha, inkluż billi tibni fuq l-approċċ ta’ Tim Ewropa. Permezz tal-qawwiet regolatorji uniċi u demokratiċi tagħha l-UE tista’ tikkontribwixxi għall-bini ta’ dinja aħjar; bis-saħħa tal-istrutturi tas-sigurtà u tad-difiża tagħha tista’ tappoġġja l-isforzi globali għaż-żamma u għas-sostenn ta’ paċi u sigurtà fid-dinja.
L-UE fuq il-mejda tan-negozjar
L-UE ser tkompli tappoġġja l-modernizzazzjoni tas-sistema multilaterali, inklużi l-isforzi ta’ riforma tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, kif ukoll ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
L-UE se tibni alleanzi ġodda ma’ pajjiżi terzi, issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra.


