Dott. Lindsay Bassman Oftelie hija xjenzata fil-fiżika komputazzjonali li xogħolha huwa li tiżviluppa kompjuters kwantistiċi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fl-2022, għażlet l-Ewropa. Hija telqet minn Berkeley Lab fl-Istati Uniti biex marret CNR Nano f’Pisa permezz ta’ fellowship tal-Postdottorali tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Dr Bassman-Ofteile ngħatat rikonoxximent mill-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin għall-isforzi tagħha fil-komunikazzjoni xjentifika u d-diplomazija.

QuantumDiamonds, kumpanija li għaddejja minn fażi ta’ espansjoni u li hija bbażata fi Munich, żviluppat l-ewwel sistema ta’ spezzjoni tas-semikondutturi disponibbli kummerċjalment fid-dinja abbażi tar-rilevament kwantistiku. Il-magni tagħha jidentifikaw difetti fil-mikroċipep moderni li l-ebda teknoloġija oħra ma setgħet tara qabel u diġà ġew varati mal-klijenti fl-Istati Uniti u fit-Tajwan. Biż-żieda fil-kumplessità taċ-ċipep, din l-innovazzjoni mill-aktar avvanzata tiżgura l-pedament tas-semikondutturi li fuqu hija mibnija l-IA u tagħti lill-Ewropa vantaġġ kompetittiv ġenwin fit-tellieqa globali tal-IA.

“Caffé Aktywni”, li tinsab f’Gdańsk ġewwa l-Polonja, hija intrapriża soċjali mmexxija minn Fundacja “Świat Wrażliwy” (Il-Fondazzjoni Dinja li Jimpurtaha) li timpjega żgħażagħ b’diżabilità intellettwali u anzjani li jservu bħala l-mentors tagħhom. Hija toħloq spazju għas-soċjalizzazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u fl-istess ħin tintegra fiha lil dawk li spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol. Bis-saħħa tal-appoġġ minn NextGenerationEU, il-kafetterija setgħet timmodernizza l-kċina tagħha u tixtri għodod adattati għas-servizzi tal-catering.

Il-gżira ta’ Bornholm, fil-Baħar Baltiku, għandha potenzjal enormi ta’ enerġija mir-riħ. Il-proġett tal-Gżira tal-Enerġija ta’ Bornholm huwa l-ewwel riżultat tanġibbli fil-programm tal-Awtostradi tal-Enerġija. Se jiżviluppa parks eoliċi lil hinn mill-kosta u jgħaqqad 3 GW ta’ elettriku mal-grilji nazzjonali Daniżi u Ġermaniżi. Dan se jittrasforma l-enerġija mir-riħ minn riżorsa nazzjonali f’riżorsa Ewropea kondiviża u għandu l-potenzjal li jbiddel il-Baħar Baltiku f’ċentru lil hinn mill-kosta li jservi bħala mudell għal proġetti madwar l-UE, hekk kif qed nistinkaw biex niksbu indipendenza enerġetika. Il-proġett huwa appoġġat minn EUR 645 miljun taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Jackie Fox sofriet traġedja meta fl-2018 tilfet lil bintha Nicole “Coco” ta’ 21 sena minħabba suwiċidju wara li din sofriet abbuż ripetut kemm fuq l-Internet kif ukoll fid-dinja reali. Wara l-mewt ta’ Nicole, Jackie għamlet kampanja biex jingħalqu l-lakuni legali li kienu jeżistu l-Irlanda u li minħabba fihom il-bulijiet ta’ fuq l-Internet jaħarbu milli jagħtu rendikont ta’ għemilhom. Il-kampanja bla heda tagħha fl-2020 wassal għall-adozzjoni storika tal-Liġi Coco, li għamlet il-bullying fuq l-Internet reat kriminali. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tiġġieled il-bullying fuq l-Internet. Tnieda Pjan ta’ Azzjoni kontra l-Bullying fuq l-Internet u, barra minn hekk, Bord Speċjali dwar is-Sikurezza tat-Tfal Online li se joħroġ rakkomandazzjonijiet ħalli jservu ta’ bażi għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tagħhom.

Ir-residenti tar-reġjun tal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Litwanja spiss jiffaċċjaw ħinijiet twal ta’ stennija u aċċess limitat għal kura speċjalizzata u għal dijanjostika preventiva. Permezz tal-finanzjament ta’ koeżjoni tal-UE, l-isptar Pro-Medica f’Ełk, il-Polonja, immodernizza s-swali tal-operazzjonijiet tiegħu u introduċa tagħmir tal-ogħla teknoloġija għal kirurġija minimament invażiva, filwaqt li żviluppa servizzi konġunti ma’ sptar sieħeb fil-Litwanja. Il-pazjenti issa jistgħu jirċievu dijanjożi aktar bikrija, trattament kirurġiku aktar sikur u kura speċjalizzata ta’ kwalità għolja fir-reġjun li joqogħdu fih. Il-proġett espanda wkoll l-iskrinjar preventiv, u b’hekk ippermetta dijanjożi aktar bikrija u trattament f’waqtu. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-politika ta’ koeżjoni u l-prijoritajiet il-ġodda li ġew inklużi matul ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha, qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant.

Miroslav, ċittadin Ċek ta’ 59 sena, kien ilu aktar minn għaxar snin jgħix fit-toroq qabel ma l-ħaddiema tas-servizzi soċjali rnexxielhom isibulu appartament u offrewlu l-għajnuna, taffewlu l-inkwiet u għenuh jerġa’ jsib saqajh. L-inizjattiva Housing First, appoġġata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, tlaqqa’ l-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli ma’ gwida dwar is-saħħa, l-impjiegi u l-bini mill-ġdid tar-rabtiet familjari. Miroslav iħoss li għandu x’joffri biex ipatti u issa huwa ffukat fuq l-għajnuna lil oħrajn li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali.

Géza Buzás-Habel huwa attivist Ungeriż ta’ oriġini Rom li huwa d-Direttur Maniġerjali tan-Network taż-Żgħażagħ Diversi. Il-ħidma tiegħu tiffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-difiża tal-ugwaljanza u l-libertà ta’ għaqda paċifika. Ilu żmien twil jgħin fl-organizzazzjoni tal-marċ ta’ Pécs Pride, l-uniku avveniment Pride li jsir barra Budapest. Minkejja li l-gvern Ungeriż preċedenti kien ipprojbixxa l-Pécs Pride fl-2025, Géza xorta mexxa l-attività. Ħames xhur wara nbdew proċedimenti kriminali kontrih talli allegatament organizza assemblea pprojbita. Minn dak iż-żmien lil hawn l-akkużi ġew irtirati. Huwa għadu jaħdem permezz tan-Network taż-Żgħażagħ Diversi biex iżid il-viżibbiltà tar-Rom, tal-LGBTQ+ u ta’ komunitajiet emarġinati oħra, u biex jibni solidarjetà fost dawn il-komunitajiet.

Wara li ġriet il-kelma li x-xbieki tas-sajd kienu utli immens biex iwaqqfu d-droni milli jilħqu l-infrastrutturi u jikkawżaw ħsara, xi komunitajiet tas-sajd mill-Finlandja, Franza u l-Italja bagħtu xbieki eluf ta’ kilometri ’l bogħod biex jipproteġu d-djar, l-iskejjel, l-isptarijiet, it-toroq u l-ħajjiet. Permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, xi sajjieda taw 110 tunnellati ta’ xbieki tas-sajd li bihom jaqilgħu l-għajxien tagħhom sabiex isalvaw ħajjet in-nies fl-Ukrajna.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 11 Settembru 2026
