
Id-19 ta’ Awwissu hu l-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, opportunità biex jiġu ċċelebrati l-isforzi indispensabbli u bla heda li jsalvaw il-ħajjiet tal-ħaddiema umanitarji madwar id-dinja. Meta jfaqqgħu l-kriżijiet u l-kunflitti, il-ħaddiema umanitarji jkunu minn tal-ewwel fuq il-post li jwasslu assistenza ta’ emerġenza lil dawk affettwati.
L-UE għadha wieħed mid-donaturi ewlenin globali tal-għajnuna umanitarja
Ħafna ħaddiema umanitarji jiġu skjerati fil-qafas tal-impenn tal-UE biex jipprovdu assistenza umanitarja lil persuni milquta minn diżastri kkawżati mill-bniedem u perikli naturali fid-dinja kollha. L-UE ilha twettaq dan l-impenn ta’ għajnuna umanitarja mill-1992, f’iktar minn 110 pajjiżi, u laħqet miljuni ta’ nies fid-dinja kollha kull sena. L-UE u l-pajjiżi tal-UE attwalment jipprovdu l-akbar sehem ta’ finanzjament umanitarju globali. Il-Kummissjoni Ewropea waħedha allokat kważi €2 biljun għall-għajnuna umanitarja fl-2026.
L-għajnuna umanitarja tal-UE tkopri oqsma ta’ intervent bħall-ikel u n-nutrizzjoni, il-kenn, il-kura tas-saħħa, l-ilma u s-sanità, u l-edukazzjoni f’emerġenzi. Network ta’ esperti umanitarji tal-UE f’iktar minn 40 pajjiż fid-dinja kollha jippermetti monitoraġġ mill-qrib ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u operazzjonijiet ta’ sokkors.
Il-ħtiġijiet umanitarji qed jilħqu livelli mingħajr preċedent
Is-sistema umanitarja internazzjonali tinsab taħt pressjoni qawwija. Il-kunflitti fil-Lvant Nofsani, fl-Ukrajna u fis-Sudan, kif ukoll id-diżastri relatati mal-klima, ikkontribwew biex il-ħtiġijiet umanitarji jilħqu l-ogħla livell li qatt kien hemm fl-2026, b’iktar minn 240 miljun persuna fil-bżonn ta’ assistenza. Sitwazzjonijiet umanitarji diżastrużi flimkien ma’ tnaqqis qawwi fil-finanzjament ifissru prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta’ kif titwassal l-għajnuna. Sabiex tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja, il-Kummissjoni Ewropea qed tadatta l-mod kif taħdem biex timmassimizza l-effettività u l-impatt tal-għajnuna umanitarja tal-UE madwar id-dinja.
Il-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji lokali madwar id-dinja
Il-ħidma umanitarja saret iktar perikoluża f’dawn l-aħħar snin, u huwa għalhekk li l-UE stabbiliet l-inizjattiva Protect Aid Workers (Nipproteġu l-Ħaddiema Umanitarji). Dan il-mekkaniżmu ta’ rispons rapidu jipprovdi assistenza lil dawk li sfaw vittmi ta’ attakki jew inċidenti oħra tas-sigurtà waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, inkluż għajnuna legali u għotjiet finanzjarji rapidi. Dan l-appoġġ hu vitali: il-ħaddiema umanitarji lokali jirrappreżentaw 90 % ta’ dawk li jkunu fil-mira, filwaqt li sikwit ma jkollhomx il-protezzjonijiet disponibbli għall-persunal internazzjonali. Fl-2025, il-programm għen lil 782 ħaddiem umanitarju f’25 pajjiż.
L-għajnuna umanitarja tibqa’ parti ewlenija mill-azzjoni esterna tal-UE u espressjoni ta’ solidarjetà man-nies fi kriżi.
Għal iktar informazzjoni
Dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Kallas u l-Kummissarju Lahbib
- Data tal-pubblikazzjoni
- 19 Awwissu 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni