Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti: opportunitajiet finanzjarji aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 19 Marzu 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Close-up of a senior man counting money in European Union currency

 

Il-Kummissjoni adottat strateġija ġdida biex tidderieġi t-tfaddil f’investimenti produttivi. Hija tfittex li żżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fis-swieq kapitali b’għażliet ta’ investiment usa’ u litteriżmu finanzjarju mtejjeb, trawwem il-ġid tagħhom u tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE. 

Madwar 70 % tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi fl-UE — b’valur ta’ EUR 10 triljun— jinżamm bħala depożiti bankarji. Id-depożiti bankarji huma sikuri u faċli biex jiġu aċċessati, iżda dawn normalment jaqilgħu inqas flus minn investimenti fi swieq kapitali. L-istrateġija l-ġdida tista’ tappoġġja liċ-ċittadini tal-UE biex isawru l-ġid tal-unitajiet domestiċi tagħhom u jiffrankaw aħjar għall-futur. Bis-saħħa tal-unjoni tat-tfaddil u l-investimenti, iċ-ċittadini li jixtiequ jinvestu jkollhom opportunitajiet aħjar biex jinvestu fis-swieq kapitali. Dan ifisser li jkun hemm aċċess faċli, sempliċi u bi prezz baxx għal varjetà wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ investiment. 

Aktar investimenti fis-swieq kapitali jappoġġaw l-ekonomija billi jippermettu lill-kumpaniji tal-UE jikbru u jirnexxu. Dan jista’ joħloq impjiegi aħjar b’salarji ogħla għall-ħaddiema, u jixpruna l-investiment u t-tkabbir fis-setturi ekonomiċi kollha. 

Fl-aħħar nett, għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni u l-kompetittività tas-settur bankarju tal-UE, inkluż permezz tal-approfondiment tal-unjoni bankarja.  

L-istituzzjonijiet tal-UE, il-pajjiżi tal-UE, u l-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha se jkollhom jaħdmu flimkien biex jiksbu l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti. L-istrateġija se tiġi żviluppata aktar, u se jittieħdu miżuri f’oqsma speċifiċi biex tingħata spinta lill-kompetittività fl-ekonomija tal-UE, b’enfasi qabelxejn fuq l-aktar azzjonijiet li jħallu impatt fl-2025. 

L-UE jeħtiġilha tisfrutta l-potenzjal tagħha biex tikseb l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-kompetittività, is-sigurtà u t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Bl-iżvilupp ta’ sistema bankarja u swieq kapitali integrati, l-unjoni tat-tfaddil u l-investimenti tista’ tnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet tat-tfaddil u tal-investiment. 

Għal aktar informazzjoni 

Il-kompetittività 

Stqarrija għall-istampa: unjoni tat-tfaddil u l-investimenti 

Mistoqsijiet u Tweġibiet: unjoni tat-faddil u l-investimenti 

Skeda informattiva: unjoni tat-faddil u l-investimenti 

Data tal-pubblikazzjoni
19 Marzu 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni

Aħbarijiet relatati

  • News article

The Commission is advancing the savings and investments union to deliver tangible benefits for all EU citizens. Two new proposals focus on improving financial literacy at all stages of life and introducing a blueprint for an easy and accessible investment tool.

2 min qari