
Il-kultura għandha rwol ċentrali fit-tiswir tal-identità Ewropea billi tiċċelebra d-diversità u tgħaqqadna lkoll flimkien. Tgħinna nsaħħu d-demokrazija u r-reżiljenza tagħna, u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Illum, il-Kummissjoni ressqet il-Boxxla kulturali għall-Ewropa. Dan hu pjan imfassal biex isawwar il-politika kulturali tal-UE.
Il-Boxxla kulturali se tiggwida l-politika tal-UE lejn UE li
- tħares u ssaħħaħ il-valuri u d-drittijiet kulturali Ewropej
- tempanċipa lill-artisti u lill-professjonisti kulturali
- tislet mill-kultura u l-wirt kulturali biex issir aktar kompetittiva, reżiljenti u koeżiva
- tħeġġeġ ir-relazzjonijiet u s-sħubijiet kulturali internazzjonali.
Fil-prattika, dan se tagħmlu billi tippromwovi l-ħafna assi kulturali tal-Ewropa. Se tindirizza wkoll l-ostakli li jfixklu l-industriji kulturali u kreattivi bħar-restrizzjonijiet fuq l-espressjoni artistika, l-għajxien prekarju tal-artisti, l-opportunitajiet mhux indaqs, u l-impatt trasformattiv tal-intelliġenza artifiċjali (IA).
Rapport ġdid dwar l-istat tal-kultura fl-UE se jsegwi l-progress fis-settur kulturali u kreattiv, b’enfasi partikolari fuq il-libertà artistika.
Se jitnedew ukoll diversi inizjattivi ġodda, inkluż
- Karta ġdida tal-UE tal-artisti għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-artisti u l-ħaddiema kulturali
- premju Ewropew għall-arti tal-ispettaklu
- ċentru tad-data kulturali tal-UE u network tal-ambaxxaturi kulturali taż-żgħażagħ biex itejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura
- strateġija tal-IA għas-setturi kulturali u kreattivi
- aġġornament tal-istrateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali
Issa l-Kummissjoni qed tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta li se sservi ħalli jkompli jissaħħaħ l-impenn politiku tal-UE għall-kultura.
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa – Il-Kummissjoni tniedi Boxxla kulturali ġdida għall-Ewropa
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-Boxxla kulturali għall-Ewropa
- Data tal-pubblikazzjoni
- 12 Novembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni