
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan biex nilqgħu għat-theddid dejjem jikber għas-sigurtà kkawżat mid-droni madwar l-UE.
F’dawn l-aħħar snin, l-UE affrontat sfidi dejjem akbar relatati mad-droni, bħal titjiriet ostili li jgħaddu minn fuqna, vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru, tfixkil lill-ajruporti, u riskji għall-infrastruttura kritika, għall-fruntieri esterni, u għall-ispazji pubbliċi.
Il-pjan il-ġdid jirrappreżenta proġett ambizzjuż għal kooperazzjoni u solidarjetà aktar b’saħħithom fl-UE u jwitti t-triq għal strateġija waħda tal-UE kontra t-theddid mid-droni. Jiffoka fuq is-sigurtà interna ċivili, filwaqt li jikkomplementa l-isforzi li qed isiru fil-qasam tad-difiża. Barra minn hekk, il-pjan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq Ewropew tad-droni kompetittiv, li jisfrutta l-potenzjal għall-innovazzjoni, għat-tkabbir, u għall-ħolqien tal-impjiegi.
Il-pjan se jappoġġa lill-pajjiżi tal-UE billi jikkomplementa l-miżuri nazzjonali u jiffoka fuq erba’ prijoritajiet ewlenin
- it-titjib tal-preparatezza permezz ta’ aktar żvilupp teknoloġiku u produzzjoni industrijali aktar rapida
- l-għoti ta’ spinta lid-detezzjoni b’teknoloġiji tas-software tal-IA u networks 5G biex issir detezzjoni aħjar tad-droni
- il-koordinazzjoni u r-rinfurzar tar-risponsi permezz ta’ sistemi tal-UE kontra d-droni u skwadri ta’ rispons f’emerġenza
- it-tisħiħ tal-prontezza fil-qasam tad-difiża permezz tal-innovazzjoni u tal-kooperazzjoni industrijali
Il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi diskussjonijiet mal-pajjiżi tal-UE abbażi tal-prinċipju tas-sjieda konġunta. Se taħdem ukoll mill-qrib mal-industrija u mal-Parlament Ewropew biex tmexxi l-pjan ’il quddiem.
Il-pjan il-ġdid jibni fuq il-komunikazzjoni tal-2023 dwar il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali mid-droni u jissostitwixxi r-rieżami ta’ nofs it-terminu tiegħu u l-istrateġija 2.0 dwar id-droni. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li ssaħħaħ is-sigurtà tal-UE, u hija involuta b’mod attiv fir-riċerka u fl-attivitajiet tekniċi relatati mad-droni, mas-sistemi kontra d-droni, u mal-pjattaformi awtonomi.
Għal aktar tagħrif
Stqarrija għall-istampa — is-sigurtà tad-droni
Skeda informattiva — is-sigurtà tad-droni
Pjan ta’ azzjoni dwar is-sigurtà tad-droni u ta’ kontra d-droni
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Frar 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni