Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Panels taċ-Ċittadini: ikkontribwixxi għat-tfassil tal-politiki tal-UE li huma importanti għalik

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 23 Settembru 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
EU citizens taking part in the Citizens' panel on Democratic resilience

Ma tafx meta jista’ jdoqqlok it-telefown... Raġel kien bilqiegħda mal-mejda tal-kamra tal-ikel meta daħlitlu telefonata u ġie mistieden jipparteċipa f’panel taċ-ċittadini tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika. “Kellmuni dwar l-UE u Panel taċ-Ċittadini”. Huwa aċċetta l-istedina, u d-dibattitu fil-Panel imlieh b’entużjażmu għax “bdejt nagħraf xi tfisser li tkun ċittadin Ewropew.”

Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, li jlaqqgħu flimkien 150 ruħ magħżulin b’mod aleatorju mis-27 pajjiż tal-UE biex jiddiskutu wiċċ imb wiċċ tema ta’ politika tal-UE, huma bbażati fuq prattika demokratika li ġejja mill-Greċja tal-qedem. Elfejn sena ilu, iċ-ċittadini Griegi ordinarji kienu jiltaqgħu fi gruppi biex jiddiskutu l-kwistjonijiet li kienu jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-Panels taċ-Ċittadini tal-UE qabdu din l-idea u għaġnuha mill-ġdid għas-seklu 21, iżda l-prinċipju jibqa’ l-istess: li ċ-ċittadini jaqsmu u jiddiskutu l-fehmiet tagħhom fil-livell Ewropew dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom.  

Il-weekend li għadda beda staġun ġdid ta’ panels taċ-ċittadini, meta fi Brussell saret l-ewwel sessjoni tal-Panel taċ-Ċittadini dwar ir-Reżiljenza Demokratika. Wara li joħroġ b’ideat dwar it-tema u jeżaminahom, il-Panel se jiżviluppa sett ta’ rakkomandazzjonijiet li se jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea biex jikkontribwixxu direttament għall-ħidma tal-Kummissjoni ħalli ssaħħaħ id-demokrazija. 

Il-panels taċ-ċittadini ilhom isiru regolarment għal dawn l-aħħar ħames snin. Diġà ħadu sehem fihom aktar minn 1,000 ċittadin tal-UE, li kienu ta’ għajnuna fl-elaborazzjoni tal-politika dwar suġġetti bħat-tħejjija għall-kriżijiet, il-baġit tal-UE, u l-ġlieda kontra l-mibegħda. Terz tal-parteċipanti huma żgħażagħ iżda l-għażla hija kompletament aleatorja. B’dan il-mod, id-diskussjonijiet jirriflettu varjetà wiesgħa ta’ perspettivi u opinjonijiet, u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw ikunu demokratiċi. 

Min jaf? Meta jerġa’ jċempillek it-telefown, jista’ jkun imissek int. 

Għal iktar informazzjoni 

Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej 

Ir-Reżiljenza demokratika — Panel taċ-Ċittadini Ewropej 

 

Data tal-pubblikazzjoni
23 Settembru 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni