Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Niċċelebraw is-setgħa tal-lingwi

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 26 Settembru 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 1 min qari
European Day of Languages logo

Fl-Ewropa hemm aktar minn 200 lingwa. L-Unjoni Ewropea waħedha għandha 24 lingwa uffiċjali u aktar minn 60 lingwa reġjonali jew minoritarja. Fis-26 ta’ Settembru niċċelebraw ir-rikkezza tal-ħafna lingwi u kulturi tagħna fil-Jum Ewropew tal-Lingwi. L-istituti lingwistiċi u kulturali, l-assoċjazzjonijiet, l-universitajiet u l-iskejjel se jieħdu sehem f’firxa wiesgħa ta’ avvenimenti madwar l-UE.

Id-diversità lingwistika hija parti mill-identità tagħna u l-wirt Ewropew komuni tagħna u t-tagħlim tal-lingwi jgħin biex jinbnew pontijiet bejn in-nies u l-kulturi. Barra minn hekk, il-multilingwiżmu jagħti spinta lis-sodisfazzjon personali, itejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u jħeġġeġ iċ-ċittadinanza attiva.

Għalhekk, l-għan tal-Jum Ewropew tal-Lingwi mhux biss iċ-ċelebrazzjoni tad-diversità lingwistika li teżisti fl-UE, iżda wkoll l-enfasi fuq il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi. 

It-tema ta’ din is-sena,“il-lingwi jgħaqqduna”, tiffoka fuq l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi fl-interess tal-inklużjoni, id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali. Tista’ tingħaqad maċ-ċelebrazzjonijiet u titgħallem aktar dwar kif il-lingwi jsawru l-inklużjoni billi tirreġistra u tattendi l-konferenza virtwali tagħna tat-30 ta’ Settembru. Tista’ tipparteċipa wkoll f’wieħed mill-avvenimenti madwar il-pajjiżi tal-UE.

Il-jum Ewropew tal-Lingwi tnieda fl-2001 u huwa ċċelebrat fl-UE u lil hinn minnha. Is-sena l-oħra, biex jitfakkar il-25 anniversarju, tnieda l-Manifest tal-Motivazzjoni, li jispjega għaliex il-motivazzjoni hija daqshekk importanti fil-proċess tat-tagħlim tal-lingwi.

Għal iktar informazzjoni

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi 2026

Għaliex il-multilingwiżmu jgħodd daqshekk

 

Data tal-pubblikazzjoni
26 Settembru 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni