Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 21 Ottubru 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

It-tiswir tal-futur tal-agrikoltura tal-UE b’enfasi fuq il-bdiewa żgħażagħ

Young female farmer pushes a wheelbarrow with a child in it

 

L-agrikoltura fl-Ewropa qed tiffaċċja sfida kbira, b’popolazzjoni li qed tixjieħ. Minkejja dan, il-bdiewa żgħażagħ huma kruċjali għas-sigurtà tal-ikel tal-UE u biex iż-żoni rurali jinbqgħu ħajjin. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura. Għandha l-għan li tappoġġa lill-bdiewa żgħażagħ u tattira aktar nies lejn il-biedja.

Bħalissa, l-età medja ta’ bidwi fl-UE hija ta’ 57 u 12 % biss għandhom inqas minn 40 sena. Biex il-biedja tibqa’ reżiljenti u attraenti, iż-żgħażagħ irid ikollhom il-kundizzjonijiet it-tajba biex jibnu ħajjithom u l-karrieri tagħhom fiż-żoni rurali. Din l-istrateġija l-ġdida tistabbilixxi pjan direzzjonali ċar dwar kif dan jista’ jinkiseb, bl-għan li jiġi rduppjat is-sehem tal-bdiewa żgħażagħ fl-Ewropa sal-2040

L-istrateġija tidentifika ħames lievi ewlenin għall-azzjoni — l-aċċess għall-art, il-finanzi, il-ħiliet, l-istandards tal-għajxien ġusti fiż-żoni rurali, u l-appoġġ għas-suċċessjoni. Inizjattivi konkreti jinkludu

  • l-introduzzjoni ta’ “starter pack” għall-bdiewa żgħażagħ fil-politika agrikola komuni li jmiss, inkluża somma f’daqqa sa € 300,000, biex jiġu ffaċilitati d-dħul u l-istabbiliment tagħhom fis-settur
  • l-immirar aħjar tal-fondi b’mod li jiffavorixxu lill-bdiewa żgħażagħ
  • ħidma mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi
  • l-iffaċilitar għal parteċipanti ġodda biex jidħlu għall-biedja, bis-saħħa ta’ Osservatorju Ewropew tal-Artijiet, li se jgħin lill-bdiewa jaċċessaw l-art disponibbli, jappoġġa s-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli, jinforma l-politika, u jipprevjeni l-ispekulazzjoni tal-art
  • stedina lill-bdiewa żgħażagħ ħalli jipparteċipaw fl-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ biex ikunu jistgħu jitgħallmu prattiki tal-biedja tajbin barra minn pajjiżhom jew jiddiversifikaw id-dħul tagħhom billi jitgħallmu minn setturi oħra
  • il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien tajbin fiż-żoni rurali filwaqt li jiġu appoġġati l-iżvilupp lokali u l-involviment taż-żgħażagħ u tan-nisa
  • il-kofinanzjament tas-servizzi ta’ għajnuna għall-azjendi agrikoli li jissostitwixxu lill-bdiewa meta jkunu morda jew waqt il-vaganzi jew l-indukrar, biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom.

L-istrateġija se tiġi implimentata f’diversi livelli: permezz tal-politika agrikola komuni attwali u futura, il-politiki komplementari tal-UE, l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati, u l-azzjonijiet nazzjonali.

L-isforzi fil-livell nazzjonali se jkunu kruċjali biex tirnexxi. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE jinvestu mill-inqas 6 % tal-infiq agrikolu f’miżuri li jippromwovu t-tiġdid ġenerazzjonali. Barra minn hekk, l-istrateġija tinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali sal-2028 li għandhom jindirizzaw l-isfidi u jiddefinixxu miżuri ta’ appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ.

Għal aktar tagħrif

Stqarrijiet għall-istampa - Il-Kummissjoni tipproponi miżuri maħsuba biex jappoġġaw it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura ħalli jiġi żgurat il-futur tal-ikel, tal-biedja u taż-żoni rurali tal-Ewropa

It-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
21 Ottubru 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni