Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija tal-missjoni tas-Segretarjat Ġenerali

Is-Segretarjat Ġenerali jinsab fil-qalba tal-Kummissjoni Ewropea. Taħt l-awtorità tal-President, hu jservi lill-Kulleġġ u jiżgura l-kolleġġjalità, il-konsistenza u l-effiċjenza tal-azzjoni tal-Kummissjoni. Is-Segretarjat Ġenerali jmexxi u jikkoordina l-ħidma tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-inizjattivi u l-operazzjonijiet tagħha jkunu allineati mal-linji gwida politiċi tal-President.

Is-Segretarjat Ġenerali jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni, f’koordinazzjoni mas-servizzi presidenzjali u ċentrali l-oħrajn.

B'mod partikolari, is-Segretarjat Ġenerali:

  • jappoġġja lill-President, kif ukoll lill-Viċi Presidenti Eżekuttivi u lill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni fil-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħhom;
  • isawwar l-objettivi strateġiċi, il-politiki trasversali u l-prijoritajiet operazzjonali tal-Kummissjoni;
  • jippromwovi l-kompetenzi istituzzjonali u l-governanza tajba tal-Kummissjoni, u jrawwem l-iżvilupp ta’ amministrazzjoni tal-UE moderna, orjentata lejn is-servizzi u trasparenti li taħdem bl-ogħla standards ta’ etika u integrità;
  • jiżgura t-tmexxija bla xkiel tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni;
  • jipprovdi pariri u sorveljanza, flimkien mal-Kabinett tal-President, dwar l-applikazzjoni tar-regoli etiċi għall-Membri tal-Kummissjoni;
  • imexxi u jikkoordina l-ħidma ta’ politika tal-Kummissjoni, mill-bidu tagħha san-negozjati interistituzzjonali, biex tiżgura l-koerenza, il-kwalità u t-twettiq f’waqtu, f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza;
  • jikkoordina l-politika tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi tal-UE;
  • jaġixxi bħala l-interface bejn il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-amministrazzjonijiet l-oħrajn tal-UE;
  • jassisti lill-President tal-Kummissjoni bħala membru tal-Kunsill Ewropew, u bħala parteċipant f’laqgħat oħrajn tal-Mexxejja;
  • jappoġġja lill-President għal summits ma’ pajjiżi terzi, kuntatti ma’ sħab internazzjonali u parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet u fora internazzjonali (inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, il-G7 u l-G20); jaġixxi bħala l-post komuni tal-Kummissjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
  • jikkoordina l-ħidma tal-Kummissjoni dwar politiki b’dimensjoni internazzjonali, inklużi l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-ftehimiet rilevanti mar-Renju Unit;
  • jidderieġi l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jikkoordina s-Semestru Ewropew, permezz tat-Task Force għall-Irkupru u r-Reżiljenza u f’kooperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali rilevanti;
  • jikkoopera ma’ entitajiet indipendenti u speċjalizzati, inklużi l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, il-Bord Fiskali Ewropew u s-segretarjat tiegħu, is-Servizz ta’ Medjazzjoni u l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni.