Page contents Page contents Star Stable Entertainment AB Wara lment mill-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Konsumaturi, in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC, Consumer Protection Cooperation), li jmexxuh l-Aġenzija Żvediża tal-Konsumaturi u l-Awtorità Norveġiża tal-Konsumaturi u tikkoordinah il-Kummissjoni, ta bidu għal azzjoni kkoordinata li titlob lill-iStar Stable Entertainment AB tipprovdi informazzjoni dwar prattiki kummerċjali li t-tfal jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-logħba tagħhom, Star Stable Online. Il-valutazzjoni li għamel in-Network CPC tat-tweġiba pprovduta mill-kumpanija identifikat għadd ta’ prattiki li jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u li jistgħu jkunu partikolarment ta’ ħsara għat-tfal, bħal dawn li ġejjin: Stediniet diretti lit-tfal fir-reklami li jħeġġuhom jixtru, jew jipperswadu lill-kbar jixtrulhom, muniti jew affarijiet li jagħmlu parti mil-logħba;l-użu ta’ tekniki ta’ pressjoni bħal “xiri permezz ta’ prattiki li jdumu biss għal żmien limitat” biex it-tfal jiġu influwenzati b’mod mhux xieraq biex jixtru muniti virtwali tal-logħba jew kontenut tal-logħba;nuqqas ta’ informazzjoni ċara u trasparenti, adattata għat-tfal, dwar ix-xiri u l-użu tal-muniti virtwali tal-logħba, li jwassal biex il-konsumaturi jonfqu aktar milli jkollhom il-ħsieb li jagħmlu;nuqqas min-naħa tal-kumpanija milli tiżgura li l-influwenzaturi li jippromwovu l-prodotti tagħha jiżvelaw b’mod ċar il-kontenut kummerċjali u ma jinfluwenzawx eċċessivament lit-tfal bit-tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom.L-iStar Stable Entertainment AB issa għandha ċertu żmien biex tipprovdi tweġiba bil-miktub li tindirizza l-kwistjonijiet enfasizzati fil-pożizzjoni komuni tan-Network CPC u biex tipproponi impenji bħala rimedju. B’din l-azzjoni, in-Network CPC jenfasizza l-ħtieġa li l-logħbiet vidjo u l-prattiki kummerċjali tagħhom ikunu adattati għat-tfal u ma jisfruttawx il-vulnerabbiltajiet tagħhom. 21 MARZU 2025Common Position on Star Stable Online Il-prinċipji ewlenin dwar il-muniti virtwali li jintużaw fil-logħob In-Network CPC, li jmexxuh l-Awtorità għall-Konsumaturi u għas-Swieq tan-Netherlands u l-Awtorità Norveġiża tal-Konsumaturi u tikkoordinah il-Kummissjoni Ewropea, adotta prinċipji ewlenin biex jippromwovi t-trasparenza u l-ġustizzja fl-użu tal-muniti virtwali mill-industrija tal-logħob tal-azzard online. Il-prinċipji ewlenin jiddeskrivu r-rekwiżiti minimi u juru l-aħjar prattiki għax-xiri u l-użu tal-muniti virtwali, inklużi:ipprezzar ċar u trasparenti u informazzjoni prekuntrattwali;l-evitar ta’ prattiki li jaħbu l-ispejjeż tal-kontenut u tas-servizzi diġitali fil-logħba, kif ukoll prattiki li jġiegħlu lill-konsumaturi jixtru l-muniti virtwali;ir-rispett tad-dritt tal-konsumaturi li jirtiraw;ir-rispett tal-vulnerabbiltajiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal.Il-prinċipji ewlenin huma mfasslin biex jgħinu lill-industrija tal-logħob tal-azzard tadatta l-prattiki u l-kodiċijiet ta’ kondotta tagħha, tipproteġi aħjar lill-konsumaturi, u toħloq esperjenza aktar sikura u trasparenti għall-min ikun qed jilgħab. Il-prinċipji ewlenin jindirizzaw ukoll it-tħassib li qajmet l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC).In-Network CPC u l-Kummissjoni Ewropea qed jistiednu lill-industrija tal-logħob tal-azzard tippreżenta azzjonijiet konkreti biex tikkonforma mal-prinċipji ewlenin u biex tiżgura li dawn il-prinċipji ewlenin jiġu implimentati. In-Network CPC se jsegwi l-progress u jista’ jikkunsidra miżuri ta’ infurzar jekk il-prattiki dannużi jissuktaw. 21 MARZU 2025Key principles on in-game virtual currencies Il-mudell tan-negozju “ħallas jew ikkonsenti”, użat mill-Meta F’Novembru 2023, il-Meta talbet lill-konsumaturi fl-UE/fiż-ŻEE biex jabbonaw u jkunu jistgħu jużaw il-Facebook u l-Instagram bi ħlas jew inkella jkomplu jużaw is-servizzi tal-Meta mingħajr ħlas iżda l-Meta tkun tista’ ddaħħal il-flus billi ttellgħalhom reklami personalizzati fuq il-bażi tad-data personali tagħhom (“ħallas jew ikkonsenti”). Wara t-tnedija ta’ dan il-mudell tan-negozju ġdid u twissija mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC) u l-assoċjazzjonijiet membri tagħha [1], l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi (l-awtoritajiet tas-CPC), bil-koordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u t-tmexxija tad-Direttorat Ġenerali Franċiż għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumaturi, u l-Prevenzjoni tal-Frodi (DGCCRF), bagħtu ittra lill-Meta dwar prattiki potenzjalment inġusti u l-użu ta’ termini inġusti tas-servizz meta ppreżentaw lill-konsumaturi l-karatteristiċi ewlenin ta’ din l-għażla li jħallsu jew jikkonsentu. It-tħassib ewlieni tan-Network CPC jiffoka fuq jekk il-Meta pprovdietx lill-konsumaturi bil-quddiem b’informazzjoni vera, ċara, u suffiċjenti li ppermettitilhom jivvalutaw x’implikazzjonijiet kien se jkollha d-deċiżjoni tagħhom li jħallsu jew li jaċċettaw l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għal finijiet kummerċjali fuq id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tas-CPC huma mħassbin li ħafna konsumaturi setgħu ġew esposti għal pressjoni żejda biex jagħżlu malajr bejn iż-żewġ mudelli, bil-biża’ li setgħu jitilfu minnufih l-aċċess għall-kontijiet tagħhom u għan-netwerk tal-kuntatti tagħhom.L-elementi ewlenin tal-azzjoniL-awtoritajiet tas-CPC iqisu li l-prattiki li ġejjin jistgħu jiksru d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar Klawżoli Kuntrattwali Inġusti kif trasposti fl-ordni legali intern tal-Istati Membri:Li wieħed iqarraq bil-konsumaturi billi juża l-kelma “free” filwaqt li l-Meta tesiġi li l-utenti li ma jridux jabbonaw bi ħlas biex jużaw il-Facebook/l-Instagram jaċċettaw li l-Meta tkun tista’ taqla’ l-flus mill-użu tad-data personali tagħhom biex ittellgħalhom reklami personalizzati;Li l-utenti jintalbu jinnavigaw fi skrins differenti fl-app jew fil-verżjoni web tal-Facebook/tal-Instagram u jikklikkjaw fuq iperlinks li jidderiġuhom lejn partijiet differenti tat-termini tas-servizz jew tal-politika dwar il-privatezza biex isiru jafu kif il-preferenzi tagħhom, id-data personali tagħhom, u d-data li jiġġeneraw bħala utent se jintużaw mill-Meta biex ittellgħalhom reklami personalizzati;L-użu ta’ termini u lingwaġġ impreċiżi, bħal “l-informazzjoni tiegħek”, biex issir referenza għad-“data personali” tal-konsumaturi jew l-għoti tal-impressjoni li lill-konsumaturi li jiddeċiedu li jħallsu ma jitlagħlhom l-ebda reklam, meta fil-fatt xorta jista’ jagħti l-każ li jitilgħulhom reklami meta jmissu ma’ kontenut ixxerjat permezz tal-Facebook jew tal-Instagram minn membri oħrajn tal-pjattaforma;Il-pressjoni fuq konsumaturi li għalihom il-Facebook/l-Instagram spiss jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-ħajja u mill-interazzjonijiet soċjali tagħhom biex jagħmlu għażla immedjata, mingħajr ma jkunu ngħataw twissija minn qabel, biżżejjed żmien, u opportunità reali biex jevalwaw kif dik l-għażla tista’ taffettwa r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-Meta, billi ma jħalluhomx jaċċessaw il-kontijiet tagħhom qabel ma jagħmlu l-għażla tagħhom.Din l-azzjoni tiffoka fuq il-valutazzjoni tal-prattiki tal-Meta skont il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u hija distinta mill-investigazzjonijiet li għaddejjin kontra l-kumpanija mill-Kummissjoni dwar ksur potenzjali mill-mudell tagħha ta’ “ħallas jew ikkonsenti” tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (Digital Markets Act - DMA), it-talba formali tal-Kummissjoni għal informazzjoni skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (Digital Services Act - DSA), u l-valutazzjoni mill-Kummissjoni Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data fl-ambitu tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation - GDPR). Il-Meta issa hija mistiedna tipproponi impenji lin-Network CPC u lill-Kummissjoni dwar kif il-Meta tiżgura li l-prattiki kummerċjali u t-termini tas-servizz tagħha jikkonformaw mal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur. WhatsApp Wara djalogu man-Network CPC, li jmexxuh l-Aġenzija Żvediża tal-Konsumaturi u l-Kummissjoni Irlandiża għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur, u tikkoordinah il-Kummissjoni Ewropea, il-WhatsApp impenjat ruħha li tinforma aħjar lill-konsumaturi dwar aġġornamenti għat-termini tas-servizz tagħha u li tispjega b’mod ċar kif dawn jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti. Barra minn hekk, il-WhatsApp se toffri dejjem lill-utenti l-possibbiltà li jirrifjutaw it-termini tas-servizz aġġornati, anki jekk dan ikun ifisser li l-utenti ma jkunux jistgħu jkomplu jużaw is-servizzi tal-WhatsApp. Il-WhatsApp ikkonfermat li ma għaddietx u ma tgħaddix data personali tal-utenti tagħha għal finijiet ta’ reklamar lil partijiet terzi jew lil kumpaniji oħrajn tal-Meta, inkluż il-Facebook. Ħarsa ġenerali lejn l-impenji: Għal kwalunkwe aġġornament futur tal-politika tagħha, il-WhatsApp se:tispjega x’bidliet tkun biħsiebha tagħmel fil-kuntratti tal-utenti u kif dawn jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;toffri l-possibbiltà li utent jirrifjuta t-termini tas-servizz aġġornati bl-istess prominenza daqs dik li tingħata lill-possibbiltà li jaċċettahom;tiżgura li n-notifiki li jinfurmaw lill-utenti dwar l-aġġornamenti jkunu jistgħu jiġu rrifjutati jew li l-utenti jkunu jistgħu jaraw l-aġġornamenti aktar tard, kif ukoll li jiġu rrispettati l-għażliet tal-utenti u li ma jintbagħtux notifiki rikorrenti.L-awtoritajiet tas-CPC se jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ hawn fuq fir-rigward ta’ kwalunkwe aġġornament futur tat-termini tas-servizzi u tal-politiki tal-kumpanija u se jieħdu miżuri ta’ infurzar f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. In-Network CPC l-ewwel bagħat ittra lill-WhatsApp f’Jannar 2022 wara twissija mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC) u tmienja mill-assoċjazzjonijiet membri tagħha* dwar allegati prattiki inġusti fil-kuntest tal-aġġornamenti tal-WhatsApp fit-termini tas-servizz u fil-politika tal-privatezza tagħha. Il-WhatsApp wieġbet għal din l-ewwel ittra tan-Network CPC f’Marzu 2022. Madankollu, wara valutazzjoni bir-reqqa tas-sottomissjoni tal-WhatsApp, in-Network CPC ma kienx konvint mill-kjarifiki tal-kumpanija dwar it-tħassib imqajjem min-Network. Wara talbiet min-naħa tan-Network CPC, il-WhatsApp ipprovdiet informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fl-ittri ta’ Lulju 2022 u Jannar 2023, u dawn ippermettew lin-network jaċċetta l-impenji tal-WhatsApp. * APC (ir-Rumanija), Consumentenbond (in-Netherlands), dTest (ir-Repubblika Ċeka), Forbrukerrådet (in-Norveġja), KEPKA (il-Greċja), EKPIZO (il-Greċja), S.O.S. Poprad (is-Slovakkja), u UFC-Que choisir (Franza). Google Wara djalogu li nbeda fl-2021 man-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea u mmexxi mill-Awtorità għall-Konsumaturi u s-Swieq tan-Netherlands u d-Direttorat Ġenerali Belġjan għall-Ispezzjoni Ekonomika, il-Google qablet li tindirizza kwistjonijiet marbutin mal-prattiki tagħha u li tintroduċi bidliet fil-Google Store, fil-Google Play Store, fil-Google Hotels, u fil-Google Flights biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-konsumaturi.Ħarsa ġenerali lejn l-impenji: Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-konsumaturi, il-Google qablet li:Tillimita s-setgħa tagħha, prevista fit-termini tal-bejgħ, li tikkanċella ordnijiet unilateralment jew li tbiddel il-prezz ta’ xi ħaġa ordnata li tkun ġiet reklamata bi prezz żbaljatToħloq indirizz tal-email li jistgħu jużawh biss l-awtoritajiet tal-ħarsien tal-konsumaturi biex jikkomunikaw direttament mal-kumpanija, u jirrapportaw u jitolbu t-tneħħija rapida ta’ kontenut illegali mill-pjattaforma tal-Google.Google Flights u Google Hotels:Jippreżentaw il-mudell tan-negozju tagħhom b’mod ċar, bis-saħħa ta’ sett ta’ għodod ġdid inkluż ħdejn l-għażliet tal-prenotazzjoni kif ukoll taqsima “Learn more” aktar ċara. Id-divulgazzjonijiet il-ġodda għenu lill-konsumaturi jifhmu, meta jagħmlu prenotazzjoni, li jkunu qed jikkuntrattaw direttament mal-kumpanija tat-titjiriet jew tal-lukandi u mhux mal-Google (peress li m’għadx hemm il-possibbiltà li jiġu bbukkjati titjiriet jew lukandi permezz tal-Book on Google)Jgħinu lill-konsumaturi jidentifikaw b’mod ċar il-prezzijiet użati bħala referenza għall-kalkolu ta’ skont, meta l-iskontijiet jiġu promossi fuq il-pjattaforma Jiċċaraw il-fatt li ma jivverifikawx ir-reċensjonijiet fuq il-Google Hotels.Jaċċettaw l-istess impenji għat-trasparenza bħal pjattaformi kbar oħrajn tal-akkomodazzjoni (Booking.com, Expedia, Airbnb) fir-rigward tal-mod kif jippreżentaw l-informazzjoni lill-konsumaturi (eż. dwar il-prezzijiet u l-iskontijiet)Google Play Store u Google Store:Jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni dwar il-kumpanija (l-isem ġuridiku, l-indirizz tal-entità, in-numri tar-reġistrazzjoni u tal-VAT) fil-Google Store, kif ukoll mezzi ta’ komunikazzjoni diretti u effettivi biex jikkuntattjaw lill-kumpanija (eż. persuna li tista’ tkellimha bit-telefown, l-indirizz tal-fornitur tas-servizz fl-UE, indirizz tal-email) fil-Google Play Store u link għall-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim (Online Dispute Resolution - ODR) fiż-żewġ stores;Qabel il-konklużjoni tal-ordni jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti u s-servizzi tagħhom li huma essenzjali għall-konsumaturi (informazzjoni prekuntrattwali), bħal jekk ikunx hemm spejjeż jew le għall-konsenja, għal kemm żmien il-konsumatur ikollu d-dritt li jirtira mill-kuntratt, u l-garanziji legali disponibbli għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni ta’ prodotti li jirriżulta li ma jkunux skont l-ordni)Jippermettu lill-konsumaturi jużaw mezzi ta’ ħlas minn kwalunkwe pajjiż tal-UE meta jixtru minn verżjonijiet tal-Google Store maħsubin għall-pajjiżi differenti. Jiċċaraw kif tibbrawżja verżjonijiet maħsubin għall-pajjiżi differenti tal-Google Play Store u jinfurmaw lill-iżviluppaturi dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku biex jagħmlu l-apps tagħhom aċċessibbli fl-UE kollha kemm hi, dment li wieħed ma jkunx jista’ jinvoka eċċezzjoni speċifika tar-Regolament.Fir-rigward tal-Google Ads u Search, il-kjarifiki offruti mill-Google irrimedjaw it-tħassib imqajjem fil-Pożizzjoni Komuni mill-Awtoritajiet tas-CPC.Madankollu, waħda mill-prattiki tal-Google għadha ma tikkonformax bis-sħiħ mar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku. Il-Google tapplika limitazzjonijiet tekniċi għall-użu tal-apps li normalment ikunu disponibbli fil-pajjiż fejn ikun jinsab temporanjament l-utent. Il-Google iġġustifikat ruħha bl-argument li meta utenti minn Stat Membru jżuru Stat Membru ieħor, il-Play jippermettilhom jibdlu l-pajjiż tar-residenza tagħhom darba fis-sena biex ikollhom aċċess għall-apps u l-logħob lokali tal-pajjiż li fih ikunu qed jivvjaġġaw. Madankollu, minbarra l-limiti arbitrarji ta’ din l-għażla (darba fis-sena biss), f’każ ta’ bidla bħal din il-bilanċ pendenti jkun marbut biss mal-verżjoni tal-Google Play tal-pajjiż ta’ qabel. Dan jitqies bħala ksur tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.In-Network CPC se jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji, u l-awtoritajiet nazzjonali se jissorveljaw u jinfurzaw il-konformità fejn għad hemm tħassib. 26 JANNAR 2023Common position of national authorities of the CPC Network concerning the commercial practices and terms and conditions of Google 26 JANNAR 2023Table of changes agreed by Google TikTok Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tas-CPC nedew djalogu formali mat-TikTok biex tirrevedi l-prattiki u l-politiki kummerċjali tagħha, wara twissija mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC) fi Frar 2022 dwar każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE min-naħa tal-app tal-ixxerjar tal-filmati. L-azzjoni ġiet iffaċilitata mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumaturi tal-Irlanda u l-Konsumentverket, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Iżvezja, kienu qed imexxuha flimkien f’isem l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istati Membri kollha. Oqsma ta’ tħassib speċifiku jinkludu kummerċjalizzazzjoni moħbija, tekniki ta’ reklamar aggressiv immirati lejn it-tfal, u ċerti termini kuntrattwali fil-politiki tat-TikTok li jistgħu jitqiesu bħala li jqarrqu bil-konsumaturi u jifxluhom. Wara djalogi mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi, it-TikTok impenjat ruħha li tallinja l-prattiki tagħha mar-regoli tal-UE dwar ir-reklamar u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Il-miżuri meħudin mit-TikTok se jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw ir-reklami fuq il-pjattaforma tagħhom u se jiġu implimentati bis-sħiħ sa tmiem il-Q3 2022. In-Network CPC se jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji, fl-2022 u wara, filwaqt li l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data se jżommu l-kompetenza biex jivvalutaw il-konformità tal-politiki u l-prattiki l-ġodda tal-kumpanija mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.L-awtoritajiet tas-CPC, b’mod partikolari, se jissorveljaw u jivvalutaw il-konformità fejn għad hemm tħassib, bħal jekk hemmx biżżejjed ċarezza dwar kemm it-tfal jifhmu l-aspetti kummerċjali tal-prattiki tat-TikTok, inkluż fir-rigward tar-reklamar personalizzat, filwaqt li jqisu l-“5 prinċipji ewlenin ta’ reklamar ġust għat-tfal”. 21 ĠUNJU 2022List of commitments by TikTok to improve their practices Il-midja soċjali Hekk kif aktar u aktar konsumaturi qed jisfaw fil-mira ta’ frodi u intrigi diżonesti permezz tal-midja soċjali, azzjoni konġunta tas-CPC wasslet biex il-Facebook u t-Twitter iġibu t-termini tas-servizz tagħhom f’konformità mal-liġi Ewropea tal-konsumaturi; u jikkooperaw malajr mal-awtoritajiet tas-CPC meta dawn jirrapportaw u jitolbu t-tneħħija ta’ kontenut illegali online. 9 APRIL 2019Factsheets on changes implemented by Facebook Stqarrija għall-istampa 09/04/2019Stqarrija għall-istampa 15/02/2018 Ix-xiri fl-applikazzjoni stess In-Network CPC talab lill-fornituri tal-pjattaformi tal-Internet Apple u Google, kif ukoll lill-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi tal-logħob online, l-ISFE, biex jipproponu li x-xiri fl-applikazzjoni stess jiġi identifikat b’mod ċar fil-logħob online u biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma’ riklamar qarrieqi ta’ logħob li jiġi ppreżentat bħala "free"; appelli diretti lit-tfal biex jixtru meta dan ikun ipprojbit; kif il-ġenituri jistgħu jikkontrollaw aħjar ix-xiri mhux intenzjonat li jsir waqt il-logħob. 6 APRIL 2018Common Position of the national consumer enforcement authorities on consumer protection in games apps from July 2014 13 ĠUNJU 2017Common Position of the national consumer enforcement authorities on consumer protection in games apps from December 2013 Il-kaxex tal-lottin Bi tweġiba għat-tkabbir rapidu fl-użu tal-kaxex tal-lottin (loot boxes) fil-logħob online, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra, f’Settembru 2022, liż-żewġ organizzazzjonijiet umbrella ewlenin tal-logħob online għall-iżviluppaturi u l-edituri, jiġifieri l-Federazzjoni Interattiva tas-Software tal-Ewropa (ISFE) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Iżvilupp tal-Logħob (EGDF).Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni talbithom ifakkru lill-membri tagħhom dwar il-liġijiet u l-prinċipji applikabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-kaxex tal-lottin jew forom oħrajn ta’ kontenuti aleatorji mħallsin li jiġu offruti bi ħlas fl-app. Għalhekk, il-bejgħ ta’ kaxex tal-lottin fil-logħob irid jikkonforma mal-obbligi kollha dwar l-informazzjoni skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (Consumer Rights Directive - CRD) u d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (Unfair Commercial Practices Directive - UCPD) fejn jirrigwarda l-prezz u l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott. Barra minn hekk, il-fornituri m’għandhomx jippromwovu l-logħbiet bħala “free” sakemm ma jkunux bla ħlas fl-intier tagħhom. Fl-aħħar nett, il-logħob m’għandux ikun fih appelli diretti lit-tfal biex jixtru supplimenti bi ħlas, bħall-kaxex tal-lottin. 5 LULJU 2023Commission letter to ISFE EGDF on loot boxes from September 2022