Fl-10 ta’ Settembru 2025, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, għamlet l-ewwel diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni għall-mandat tagħha li jkopri l-perjodu 2024–2029. Fih, ippreżentat aġenda kuraġġuża għax-xhur li ġejjin. Spjegat viżjoni li tvarja mit-tisħiħ tal-kompetittività u tar-reżiljenza tal-Ewropa għall-approfondiment tas-sħubijiet tagħna u t-tisħiħ tas-sisien demokratiċi tagħna.
Dan għandu jkun il-mument tal-indipendenza tal-Ewropa. Nemmen li din hija l-missjoni tal-Unjoni tagħna. Li nkunu nistgħu nieħdu ħsieb id-difiża u s-sigurtà tagħna stess. Li nieħdu kontroll fuq it-teknoloġiji u l-enerġiji li se jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħna. Li niddeċiedu x’tip ta’ soċjetà u demokrazija rridu ngħixu fihom. Li nkunu miftuħa għad-dinja u li nagħżlu li niffurmaw sħubijiet ma’ alleati – antiki u ġodda. L-għan huwa li jkollna l-libertà u s-setgħa li niddeterminaw id-destin tagħna stess. U nafu li dan kapaċi nagħmluh. Għax flimkien urejna x’inhu possibbli meta jkollna l-istess ambizzjoni, unità, u urġenza.”
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen