Mur għall-kontenut ewlieni

Mill-bidu nett tan-negozjati tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-UE rrikonoxxew iċ-ċirkostanzi uniċi tal-gżira tal-Irlanda. Huma rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) tal-1998, li tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda u li tkun protetta l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

Din is-soluzzjoni nstabet fil-forma tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, li:

  • jevita fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, u b'hekk jippermetti l-funzjonament bla xkiel tal-ekonomija tal-gżira kollha u jissalvagwardja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu;
  • jiżgura l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE għall-oġġetti, flimkien mal-garanziji kollha li joffri f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali, u l-ġlieda kontra l-frodi u t-traffikar.

Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq ġie kkonċeput bħala soluzzjoni stabbli u fit-tul, u se japplika flimkien ma’ kwalunkwe ftehim dwar is-sħubija futura.

Id-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu jibdew japplikaw fl-1 ta’ Jannar 2021.

31 JANNAR 2020
Protokoll rivedut dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq

Elementi ewlenin tal-Protokoll

  • Allinjament mar-regoli tal-UE: mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Irlanda ta' Fuq hi soġġetta għal sett limitat ta’ regoli tal-UE relatati mas-Suq Uniku għall-oġġetti u l-Unjoni Doganali. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, pereżempju, japplika għall-oġġetti kollha li jidħlu jew joħorġu mill-Irlanda ta’ Fuq.
  • Iridu jsiru verifiki u kontrolli neċessarij fil-Punti ta’ Dħul fuq l-oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit jew kwalunkwe pajjiż terz ieħor. Dan ifisser ukoll li r-Renju Unit, li jaġixxi fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, irid jiżgura li, fost affarijiet oħra, jitwettqu l-kontrolli sanitarji u fitosanitarji (“SPS”) rilevanti.
  • Id-dazji doganali tal-UE japplikaw għall-oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn kwalunkwe parti oħra tar-Renju Unit jew xi pajjiż terz ieħor ħlief għal dawk l-oġġetti ma jkunux f’riskju li jibqgħu deħlin fl-UE. Il-Protokoll fih preżunzjoni li l-oġġetti kollha li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn pajjiż terz (jiġifieri minn kwalunkwe parti oħra tar-Renju Unit jew minn pajjiżi terzi oħrajn) huma f’riskju li jidħlu fl-Unjoni. Oġġetti bħal dawn jistgħu b’mod eċċezzjonali jitqiesu bħala “mhux f’riskju” li jidħlu fl-Unjoni, jekk l-oġġetti kkonċernati (i) mhumiex soġġetti għall-ipproċessar kummerċjali fl-Irlanda ta’ fuq u (ii) jissodisfaw kondizzjonijiet addizzjonali biex jitqiesu “mhux f’riskju” kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt bħala “oġġetti mhux f’riskju”. Fejn, abbażi ta’ dawn il-kondizzjonijiet, hu stabbilit li oġġetti minn kwalunkwe parti oħra tar-Renju Unit li mhijiex l-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jitqiesu bħala “mhux f’riskju”, mhu applikabbli ebda dazju doganali; u fejn, abbażi ta’ dawn il-kondizzjonijiet, hu stabbilit li oġġetti minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor jistgħu jitqiesu bħala “mhux f’riskju”, huma applikabbli d-dazji doganali tar-Renju Unit.
  • L-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Protokoll hi r-responsabbiltà unika tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jaġixxu fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (Artikolu 12 (1)).
  • Sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Artikolu 12 tal-Protokoll, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jridu jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Protokoll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Għalhekk l-Artikolu 12 (2) jipprovdi għal “preżenza tal-Unjoni” matul kwalunkwe attività ta’ implimentazzjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.
  • Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 6/2020 tistipula l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma li għandhom l-għan li jiżguraw eżerċizzju effettiv tal-“preżenza tal-Unjoni” stabbilita mill-Artikolu 12 tal-Protokoll.

X’inhu l-mekkaniżmu ta’ kunsens?

Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq jipprovdi għal mekkaniżmu ġdid dwar il-“kunsens”, li jagħti vuċi deċiżiva lill-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq dwar l-applikazzjoni fit-tul tal-liġi tal-UE rilevanti li hi applikabbli skont il-Protokoll fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Dan il-mekkaniżmu ta’ kunsens jikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fuq l-oġġetti u d-dwana, is-Suq Uniku tal-Elettriku, il-VAT u l-għajnuna mill-Istat, kif attwalment previst mill-Protokoll.

Fil-prattika, dan ifisser li erba’ snin wara l-bidu tal-applikazzjoni tal-Protokoll fl-1 ta’ Jannar 2021, l-Assemblea tista’, b’maġġoranza sempliċi, tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjoni kontinwa tal-liġi tal-Unjoni rilevanti, jew tivvota biex twaqqaf l-applikazzjoni tagħha. Jekk jiġri dan, il-Protokoll jieqaf japplika sentejn wara.

Kull erba’ snin wara dan, l-Assemblea tista’ tivvota dwar it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-liġi rilevanti tal-Unjoni. F’każ li votazzjoni tal-Assemblea tiġbor appoġġ transkomunitarju għall-applikazzjoni kontinwa tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-votazzjoni li jmiss tista’ ssir biss tmien snin wara dan. 

Aktar informazzjoni

Documents