
Regoli sempliċi u ċari huma vitali għal ekonomija Ewropea b’saħħitha. Dawn jgħinu lin-negozji jattiraw l-investiment, jikbru u joħolqu impjiegi ta’ kwalità, u fl-istess waqt jiffrankaw il-ħin u l-flus taċ-ċittadini.
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat żewġ proposti omnibus ġodda bħala parti mill-isforzi usa’ tagħha biex tnaqqas il-burokrazija u tagħti spinta lill-kompetittività tal-Ewropa:
- Prodotti tal-enerġija: din il-proposta se tissimplifika r-regoli dwar it-tikkettar tal-enerġija u tat-tajers, billi tagħmel ir-rekwiżiti aktar faċli għall-fornituri u għall-bejjiegħa bl-imnut filwaqt li tiżgura li l-konsumaturi xorta jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu.
- Tassazzjoni: din il-proposta se tissimplifika r-regoli tat-taxxa tal-UE, tnaqqas il-piżijiet tar-rapportar u tal-konformità u tagħmilha aktar faċli għan-negozji biex joperaw fl-UE.
X’inhi proposta omnibus?
Proposta omnibus hija pakkett leġiżlattiv li jaġġorna diversi liġijiet relatati tal-UE fl-istess ħin, normalment fl-istess qasam ta’ politika. Dan l-approċċ jiżgura li l-bidliet li saru jkunu koerenti u jgħin lill-UE tagħmel progress malajr fir-rigward tal-għanijiet tagħha.
B’dawn iż-żewġ proposti l-ġodda, il-Kummissjoni ppreżentat 12-il proposta omnibus f’diversi setturi. Flimkien ma’ miżuri oħra ta’ simplifikazzjoni, dawn l-isforzi jissarrfu fi ffrankar amministrattiv annwali ta’ €18-il biljun.
Għaliex għandna bżonn nissimplifikaw ir-regoli?
In-negozji tal-UE ta’ kull daqs enfasizzaw kif il-piż amministrattiv huwa ostaklu għat-tkabbir. B’reazzjoni għal dan it-tħassib, l-UE qed tipproponi miżuri ta’ simplifikazzjoni biex jitnaqqas dan il-piż, filwaqt li jinżammu standards soċjali, ambjentali u ta’ protezzjoni tal-konsumatur għoljin.
Billi tissimplifika aktar ir-regoli tal-UE, il-Kummissjoni għandha l-għan li tgħin lin-negozji jqattgħu inqas ħin fuq il-burokrazija amministrattiva u aktar ħin fuq l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
Sal-2029, il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-piż b’mill-inqas 25 % għan-negozji kollha u b’mill-inqas 35 % għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bi ffrankar mistenni ta’ €37.5 biljun.
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa — tassazzjoni
Stqarrija għall-istampa — prodotti tal-enerġija
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Ġunju 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni