
Illum il-Kummissjoni enfasizzat il-progress li sar fil-politika tas-saħħa tal-UE matul dawn l-aħħar erba’ snin.
Fl-2020, il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-solidarjetà, il-kollaborazzjoni u l-azzjoni deċiżiva tal-UE huma t-triq ’il quddiem. L-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE kellhom aċċess ugwali għall-vaċċini, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ppermetta l-ftuħ mill-ġdid sikur tal-attività ekonomika u soċjali, u x-SURE għen lil 31 miljun ħaddiem jegħlbu l-impatt ekonomiku tal-pandemija. Permezz tal-approċċ tat-Tim Ewropa tagħna, l-UE saret l-akbar donatur tal-vaċċini u pprovdiet kważi €54 biljun f’appoġġ ta’ emerġenza lill-pajjiżi sħab.
L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, li nbniet fuq l-esperjenza tal-kriżi tal-COVID-19, ħarġet f’Novembru 2020, bi skop ewlieni – li tpoġġi liċ-ċittadini u lill-pazjenti fiċ-ċentru, tipproteġi saħħithom u tbiddel ħajjithom.
Il-kisbiet ewlenin:
- Miżuri aktar b’saħħithom dwar is-sigurtà tas-saħħa, biex tkun tista’ tipprepara u tirrispondi aħjar waqt kriżijiet futuri
- Aċċess ugwali u f’waqtu għal mediċini affordabbli għaċ-ċittadini kollha bis-saħħa tar-riforma proposta tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE
- Pjan dwar il-Kanċer fuq quddiem nett fid-dinja, appoġġjat minn €4 biljun f’finanzjament tal-UE
- Inizjattivi innovattivi biex niddiġitalizzaw il-kura tas-saħħa
- Azzjonijiet komprensivi għal saħħa mentali aħjar, mill-promozzjoni tal-benesseri mentali, għat-titjib tas-servizzi ta’ prevenzjoni u appoġġ
- Regoli biex nagħtu spinta lis-sikurezza tal-pazjenti u niżguraw il-provvista ta’ prodotti mediċinali
- Approċċ “Saħħa Waħda” li jindirizza riskji kbar għas-saħħa
L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa tiżgura li l-Istati Membri jkunu aktar lesti biex fil-futur jirrispondu għall-kriżijiet tas-saħħa u jappoġġjaw politiki tas-saħħa moderni u innovattivi għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Hi appoġġjata minn finanzjament sostanzjali mill-programm l-UE għas-Saħħa.
L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa se tkompli tippromwovi l-innovazzjoni u l-kompetittività Ewropea fis-settur tal-kura tas-saħħa, sabiex il-ħtiġijiet tal-pazjenti jiġu indirizzati bis-sħiħ. L-UE se tkompli wkoll tkun sieħba globali b’saħħitha u tikkontribwixxi biex ittejjeb is-saħħa tan-nies fid-dinja kollha.
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa: L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa: b’saħħitna u ppreparati aħjar għall-futur
Skeda informattiva dwar Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha għal kulħadd
Skeda informattiva dwar il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer
Skeda informattiiva dwar il-Pharma – Pazjenti
Skeda informattiva dwar Approċċ komprensiv għas-saħħa mentali
Skeda informattiva dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa
Skeda informattiva dwar l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata saħħa aħjar
- Data tal-pubblikazzjoni
- 22 Mejju 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni