
Il-Kummissjoni Ewropea kompliet tippubblika gwida politika bħala appoġġ lill-pajjiżi tal-UE biex jippreservaw l-istabbiltà makroekonomika filwaqt li jippromwovu t-tkabbir u jtejbu l-kompetittività tagħhom. Dan huwa essenzjali biex jgħin lill-UE tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi tas-sena d-dieħla. L-aħħar gwida tinkludi l-politiki dwar iż-żona tal-euro, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2025.
Skont il-proposta tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, is-suq tax-xogħol tal-UE għadu relattivament robust. Ir-rata tal-impjiegi fl-UE laħqet livell rekord ta’ 75.3% fl-2023 u kompliet tiżdied għal 75.8% fit-tieni kwart tal-2024. Fl-istess ħin, ir-rata tal-qgħad naqset għal-livell storikament baxx ta’ 6.1% fl-2023, xejra li ssuktat fl-2024.
Iżda l-isfidi hemm għadhom. Għalkemm il-pagi reali qed jirkupraw, għadhom ma reġġgħux lura għalkollox il-kapaċità tal-akkwist li ntilfet fis-snin preċedenti. Anki n-nuqqasijiet mifruxin ta’ ħaddiema u ħiliet qed ixekklu t-titjib fil-produttività, l-innovazzjoni, u l-kompetittività. Il-proposta tirrakkomanda aktar promozzjoni lill-iżviluppar tal-ħiliet madwar l-UE kif ukoll il-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità u strateġija kontra l-faqar sabiex jintlaħqu l-miri tal-2030 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Il-proposta tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija għall-2025 tidentifika żbilanċi makroekonomiċi potenzjali li jista’ jkollhom impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżi individwali tal-UE jew tal-UE kollha kemm hi. Fl-2025, se jitħejjew analiżijiet fil-fond għad-disa’ pajjiżi li fl-2024 ġew identifikati bħala li qed jesperjenzaw żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi: Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Se titħejja wkoll analiżi fil-fond addizzjonali għall-Estonja minħabba riskji speċifiċi ta’ żbilanċi ġodda li qed jitfaċċaw.
Ir-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro ta’ din is-sena tappella lill-pajjiżi tal-UE biex jaġixxu kemm individwalment, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, kif ukoll kollettivament fil-Grupp tal-Euro biex itejbu l-kompetittività u jinkoraġġixxu r-reżiljenza ekonomika.
Is-Semestru Ewropew se jkompli jidentifika l-isfidi soċjoekonomiċi u jipprovdi gwida dwar l-azzjoni ta’ politika meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati. Fl-2025, il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew se jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-pajjiżi biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin speċifiċi għal kull pajjiż identifikati fir-Rapporti tal-Pajjiżi.
Għal aktar informazzjoni
It-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2024
Niksbu r-riżultati flimkien u nħejju l-Unjoni tagħna għall-futur
Domandi u Risposti dwar it-tieni parti tal-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew għall-2025
- Data tal-pubblikazzjoni
- 18 Diċembru 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni