Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Settembru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-kopertura ta’ ambjenti mingħajr duħħan

Electronic cigarettes, E-cigarettes

 

Kull sena fl-UE, 700,000 persuna jitilfu ħajjithom minħabba l-konsum tat-tabakk, li fosthom għexieren ta’ eluf huma dovuti għal duħħan mingħand ħaddieħor. Ir-reviżjoni proposta għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti mingħajr duħħan hija tentattiv dirett biex jipproteġi aħjar lin-nies mill-effetti tad-duħħan mingħand ħaddieħor u l-aerosols. Hija timmarka wkoll pass ieħor ’il quddiem fl-isforzi ġenerali tal-UE biex jitnaqqas l-użu tat-tabakk u tal-prodotti emerġenti, tiġi miġġielda d-dipendenza fuq in-nikotina, u tittejjeb is-saħħa preventiva.

Ir-reviżjoni tistieden lill-pajjiżi tal-UE biex:

  • jestendu l-kopertura tal-politiki kontra t-tipjip għal żoni ewlenin fuq barra, inklużi żoni ta’ rikreazzjoni fuq barra għat-tfal bħal playgrounds pubbliċi, parks tad-divertiment u pixxini, kif ukoll binjiet pubbliċi u waqfiet u stazzjonijiet tat-trasport.
  • jestendu l-politiki dwar l-ambjenti mingħajr duħħan għal prodotti emerġenti bħall-prodotti tat-tabakk imsaħħan u s-sigaretti elettroniċi, li kulma jmur qed jilħqu dejjem aktar utenti ta’ età żgħira ħafna. Dan l-aħħar l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa enfasizzat l-effetti negattivi tal-esponiment għall-emissjonijiet mingħand ħaddieħor waqt li jkunu qed jintużaw dawn il-prodotti, fosthom problemi respiratorji u kardjovaskulari sinifikanti.

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer stabbilixxa l-għan li sal-2040 tinħoloq “Ġenerazzjoni Ħielsa mit-Tabakk”, fejn inqas minn 5% tal-popolazzjoni tuża t-tabakk. L-imwiet u indikaturi oħra tas-saħħa, bħal attakki tal-qalb fil-popolazzjoni ġenerali u t-titjib fis-saħħa respiratorja, tjiebu permezz ta’ ambjenti mingħajr duħħan. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip ġiet adottata fl-2009 u appellat lill-pajjiżi tal-UE biex:

  • jimplimentaw liġijiet li jipproteġu bis-sħiħ liċ-ċittadini tagħhom mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk f’postijiet pubbliċi magħluqa, postijiet tax-xogħol u trasport pubbliku
  • isaħħu l-liġijiet kontra t-tipjip b'miżuri ta' sostenn, bħalma huma dawk li jinkuraġġixxu l-isforzi biex wieħed jieqaf juża t-tabakk u t-twissijiet bi stampi fuq pakketti tat-tabakk
  • isaħħu l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE billi jistabbilixxu network ta’ punti nazzjonali ta’ ffukar għall-kontroll tat-tabakk.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni kurrenti qed tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE jiskambjaw l-aħjar prattiki u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jimmassimizzaw l-impatt tal-miżuri meħuda fl-UE kollha. 

Għal aktar informazzjoni

Ambjenti mingħajr duħħan

L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

Il-Programm l-UE għas-Saħħa

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri aktar b’saħħithom dwar ambjenti mingħajr duħħan biex tipproteġi aħjar is-saħħa pubblika.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Settembru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni