Interpretazzjoni u traduzzjoni
Ħafna drabi ssir konfużjoni bejn l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. Id-differenza hi li l-interpreti jaħdmu bil-lingwa mitkellma filwaqt li t-tradutturi jaħdmu fuq testi miktuba.
Tipi ta’ interpretazzjoni
L-interpreti tal-konferenzi jaħdmu b’modi differenti, li kollha huma użati mill-interpreti tal-Kummissjoni:
Konsekuttiva
L-interpretu jitkellem wara li jkun spiċċa l-kelliem, ġeneralment bl-għajnuna tan-noti.
Simultanja
L-interpretu jitkellem waqt li l-persuna tkun qed titkellem, bl-użu ta’ tagħmir partikolari (eż. kabini, earphones, mikrofonu)
Minn taħt l-ilsien jew Chuchotage
L-intrepretu jkun bilqiegħda jew bilwieqfa mal-parteċipanti u l-interpreti jitkellmu b'mod simlutanju direttament f’widnejn il-parteċipanti.
Terminoloġija
- lingwa attiva: il-lingwa li fiha qed jinterpreta l-interpretu
- lingwa passiva: il-lingwa li minnha qed jinterpreta l-interpretu
- sistema ridotta: meta hi pprovduta l-interpretazzjoni iżda minn inqas mill-għadd totali tal-lingwi uffiċjali
- sistema simetrika: tfisser li d-delegati jistgħu jitkellmu u jisimgħu interpretazzjoni mill-istess lingwi
- sistema asimetrika: il-parteċipanti jistgħu jitkellmu b’numru ta’ lingwi iżda l-interpretazzjoni tiġi pprovduta biss b’numru limitat ta’ dawk il-lingwi
- lingwa tas-sinjali: l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jaħdmu bejn lingwa mitkellma u lingwa tas-sinjali jew bejn żewġ lingwi tas-sinjali.
- retour: taħdem mil-lingwa materna tiegħek għal lingwa attiva sekondarja.
- cheval: interpretu jaħdem f’żewġ kabini fl-istess laqgħa.
- relay: xi kultant din tissejjaħ “interpretazzjoni indiretta”. L-interpreti jaħdmu minn lingwa li m’għandhomx fil-kombinazzjoni tagħhom permezz ta’ lingwa li sservi ta’ pont bejn iż-żewġ lingwi.
Eżempju: interpretazzjoni mill-Finlandiż għas-Slovakk permezz ta’ interpretazzjoni inizjali fil-Franċiż