Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta

Rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Sfond

Fl-2010 l-Kummissjoni Ewropea bdiet tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta.  Wara l-Istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE tal-2020, ir-rapporti dwar il-Karta bdew jiffukaw fuq oqsma tematiċi differenti ta’ rilevanza strateġika rregolati mid-dritt tal-UE. Ir-rapporti jagħtu stampa ġenerali tal-kisbiet u l-isfidi identifikati fil-qasam ta’ politika partikolari.

Ir-rapporti dwar il-Karta jħeġġu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u s-soċjetà ċivili, biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar is-suġġett partikolari. 

Rapport dwar il-Karta tal-2024

Aqra r-rapport tal-2024

Ir-rapport dwar il-Karta tal-2024 jiffoka fuq il-finanzjament tal-UE mmirat lejn il-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali madwar l-UE. 

Matul dan il-mandat tal-2019-2024, il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha biex tindirizza l-finanzjament lejn inizjattivi li jsaħħu l-valuri tal-UE u li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali, inkluż permezz tal-ġestjoni tal-baġit sostanzjalment miżjud tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-Karta għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jintefaq b’mod konformi mal-Karta. 

Ir-rapport dwar il-Karta jenfasizza l-impenn tal-UE fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ finanzjament immirat u speċifiku għas-setturi. B’mod partikolari, permezz tal-programm CERV, ingħata finanzjament immirat lejn proġetti u organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-promozzjoni tal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE. L-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali ġiet appoġġata wkoll permezz ta’ finanzjament tal-UE maħruġ minn programmi ta’ finanzjament settorjali, bħall-programm dwar il-Ġustizzja, Ewropa Diġitali, Erasmus+, u Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kkontribwiet għall-finanzjament ta’ inizjattivi rilevanti għad-drittijiet fundamentali. Ir-rapport jagħti stampa ġenerali tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar l-applikazzjoni effettiva tal-Karta

Ir-rapport u l-anness tiegħu jinkludu eżempji ta’ prattika tajba ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tal-Karta f’diversi oqsma ta’ politika. 

Ir-rapport tal-Karta jiddeskrivi wkoll l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, id-donaturi privati u pubbliċi internazzjonali, l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-korpi tal-ugwaljanza u l-ombudspeople biex jappoġġaw l-applikazzjoni prattika tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-finanzjament. Huwa jirrikonoxxi kif diversi Stati Membri stabbilew skemi ta’ għotjiet ta’ proġetti mmirati biex jappoġġaw l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Ir-rapport isib li filwaqt li għad fadal punti li jirrikjedu l-iżvilupp, l-UE u donaturi oħra żviluppaw mekkaniżmi biex iqisu l-feedback tal-benefiċjarji fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tagħhom, u qed jittieħdu aktar sforzi biex l-attivitajiet jiġu allinjati. B’mod partikolari, l-isforzi ta’ finanzjament tal-UE u ta’ donaturi oħra rriflettew tħassib dwar it-tnaqqis tal-ispazju ċiviku u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili baqgħu il-benefiċjarji ċentrali tal-finanzjament.

Huwa jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tkun disponibbli għall-benefiċjarji potenzjali, li l-finanzjament jasal għand il-benefiċjarji fil-livelli reġjonali u lokali, u li t-tnaqqis fil-finanzjament ma jillimitax il-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili u tal-korpi tad-drittijiet fundamentali li jikkontribwixxu għal diskors miftuħ u demokratiku. 

Aqra r-rapport tal-2024 fil-lingwi kollha tal-UE

Anness tar-Rapport tal-2024

Konsultazjonijiet immirati

Ir-rapport iserraħ fuq il-valutazzjoni kwalitattiva li tagħmel il-Kummissjoni mill-feedback mill-konsultazzjonijiet, u minn sorsi oħra. Ingħata input mill-Istati Membri, mill-punti fokali tal-Karta, mid-donaturi pubbliċi u privati internazzjonali, min-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI) u min-Network Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet) u l-membri tagħhom. Ir-rapport jibbaża wkoll fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni online tal-OSĊ mmexxija permezz tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll fuq kontributi għal rapporti oħra tal-Kummissjoni, bħar-rapporti dwar l-Istat tad-Dritt.

Rapport tal-2024 — Sommarju tal-FRA tal-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-finanzjament għad-drittijiet fundamentali 

 

Rapporti preċedenti