It-teknoloġija diġitali tista’ tgħin lit-tfal jitgħallmu, jikkollegaw u jesploraw id-dinja, iżda l-ġenituri jew l-indokraturi jridu jifhmu wkoll ir-riskji biex ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom jinnavigaw id-dinja online b’mod sikur.
Il-pjattaformi tal-lum joħolqu dipendenza kbira u huma mfassla biex iżommu lit-tfal involuti għall-itwal żmien possibbli. Bl-iskrolljar infinit, bil-videos qosra, u bil-feeds personalizzati ħafna, faċli wieħed jitlef il-kont taż-żmien. Aktar ma t-tfal iqattgħu ħin online, aktar jiżdied ir-riskju li jkunu esposti għal kontenut dannuż jew illegali u l-predaturi online.
L-UE qed taħdem biex tagħmel l-internet aktar sikur għat-tfal filwaqt li tagħtihom is-setgħa li jibbenefikaw minn għodod u opportunitajiet diġitali.
Lil uliedek spjegalhom kif jevitaw ir-riskji online biex tirresponsabbilizzahom u tgħinhom jieħdu vantaġġ sħiħ mid-dinja diġitali. B’miżuri sempliċi u prattiċi dawn il-konverżazzjonijiet isiru aktar faċliment u jkunu aktar effettivi għall-familji.

Kif tinforza drittijietek u titlob l-għajnuna
Kif tista’ tipproteġi lil uliedek minn kontenut vjolenti jew espliċitu online?
Xi miżuri prattiċi jistgħu jgħinu biex uliedek ikunu inqas esposti għal kontenut dannuż, pereżempju billi tuża konfigurazzjonijiet ta’ privatezza b’saħħithom, tagħżel pjattaformi adattati għall-età, u tinkoraġġixxi esperjenzi online aktar sikuri. Tista’ ssib rakkomandazzjonijiet aktar dettaljati fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-minorenni.
Kif tirrapporta mġiba perikoluża online?
Madwar l-Ewropa, it-timijiet ta’ esperti fin-network taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur jistgħu jitkellmu miegħek dwar bosta suġġetti, fosthom l-estorsjoni sesswali, il-bullying ċibernetiku, u l-kontenut vjolenti. Skopri kif tista’ tikkuntattjahom fuq is-sit web Internet aħjar għat-tfal.
Kif tista’ tgħallem lill-minorenni jipproteġu l-privatezza, il-passwords u d-data personali tagħhom?
Fuq is-sit web Internet aħjar għat-tfal hemm diversi riżorsi edukattivi u videos li jgħinu kemm lill-adulti u kemm lit-tfal jinnavigaw id-dinja online b’mod sikur.
Kif tista’ tirrapporta kontenut illegali online?
L-UE tirrikjedi li l-pjattaformi jistabbilixxu miżuri biex jiġġieldu t-tixrid ta’ oġġetti, servizzi jew kontenut illegali online. Tista’ tirrapporta kontenut illegali b’mekkaniżmu li jintuża faċilment fuq il-pjattaformi stess.
Kif l-UE tipproteġi t-tfal online
Ir-regoli tal-UE jeħtieġu li l-pjattaformi online jieħdu passi addizzjonali biex iżommu t-tfal sikuri, pereżempju jitnaqqsu r-rakkomandazzjonijiet dannużi, jittejbu l-għodod biex tirrapporta abbuż jew kontenut mhux sikur, u jiġu offruti għażliet aktar ċari biex tikkontrolla dak li t-tfal tiegħek jaraw online.
Fl-2026, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqqfet bord speċjali ta’ esperti biex jgħin fl-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew b’saħħtu u prattiku għas-sikurezza tat-tfal online.
Skopri l-ħidma tal-bord →
Għodod prattiċi u protezzjonijiet
L-UE tappoġġjak ukoll b’għodod prattiċi u protezzjonijiet biex tgħinek iżżomm lil uliedek sikuri online, tipproteġi l-privatezza tagħhom, u tiżgura li jkollhom esperjenzi diġitali adattati għall-età tagħhom.
📱 Tgħin lit-tfal jibnu drawwiet tajbin meta jużaw l-iskrins
Il-kampanja li tippromwovi ħin ekwilibrat fuq l-iskrin tgħinek tistabbilixxi rutini, tnaqqas il-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin, u ttejjeb is-saħħa u l-benesseri mentali ta’ wliedek online.
🪪 Tiżgura li wliedek jużaw apps u siti adattati għall-età tagħhom
Il-pajjiżi tal-UE dalwaqt se jintroduċu app ġdida li tivverifika l-età biex jikkonfermaw l-età online mingħajr ma jikkondividu data personali mhux meħtieġa. Din se tagħmilha aktar faċli li t-tfal jaċċessaw kontenut adattat għall-età tagħhom u tgħin biex it-tfal ma jitħallewx jaċċessaw servizzi li mhumiex adattati għalihom.
👧 Iżżomm id-data personali ta’ wliedek sikura online
Tista’ tillimita kif l-apps jiġbru u jużaw id-data ta’ wliedek. Is-servizzi online jridu jispjegaw b’mod ċar liema data jiġbru u tista’ titlob li jħassruha. It-tfal irid ikollhom mill-inqas 16-il sena (jew 13-il sena f’xi pajjiżi) biex jagħtu l-kunsens għall-kondiviżjoni tad-data personali tagħhom.
⚠️ ️Tipprevjeni l-abbuż sesswali tat-tfal online
L-UE stabbiliet sistemi aktar b’saħħithom biex tidentifika materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, tneħħih u tirrapportah aktar malajr. Dan jgħin biex jitnaqqas l-esponiment għal kontenut dannuż u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet biex it-tfal jinżammu aktar sikuri.
🛡️ Ittemm il-bullying ċibernetiku
Il-bullying ċibernetiku jista’ jseħħ permezz ta’ messaġġi, telefonati, emails, chats ta’ theddid, jew billi jiġu kondiviżi ritratti jew filmati umiljanti fuq il-media soċjali, il-fora jew kullimkien online. L-inizjattiva tal-UE biex jintemm il-bullying ċibernetiku tagħtik l-għodod li teħtieġ biex tipprevjeni, tirrapporta u ttemm il-bullying ċibernetiku.
▶️ Videos u servizzi ta’ streaming aktar sikuri għat-tfal
Uliedek huma protetti aħjar kontra l-vjolenza, id-diskors ta’ mibegħda, u l-kontenut mhux xieraq meta jużaw pjattaformi tal-istreaming.
📢 Reklami xierqa għat-tfal
It-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-prattiki problematiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jgħinu biex jitnaqqas ir-reklamar moħbi, id-dark patterns, u l-immirar inġust tat-tfal. Uliedek huma protetti minn reklami qarrieqa u disinji manipulattivi li jistgħu jagħmlu pressjoni fuqhom biex jixtru jew jinvolvu ruħhom f’kontenut, filwaqt li miżuri addizzjonali jipprojbixxu reklamar immirat lejn il-minorenni.
🧠 Tistabbilixxi regoli dwar l-IA
Ir-regoli tal-UE jipprojbixxu sistemi li jimmanipulaw jew iqarrqu b’persuni vulnerabbli, fosthom it-tfal, u jirregolaw it-tikkettar tad-deepfakes biex jipprevjenu l-qerq.
💡 Trawwem il-litteriżmu diġitali u tissielet kontra d-diżinformazzjoni
L-UE ppubblikat suġġerimenti prattiċi li tista’ tuża biex tappoġġa l-litteriżmu diġitali u l-ħsieb kritiku tat-tfal. Dawn jgħinuk tgħallem lit-tfal dwar il-bullying ċibernetiku, id-diżinformazzjoni, l-IA, il-kontenut qarrieqi, u riskji diġitali oħra.
Linji gwida biex nippromwovu l-litteriżmu diġitali u nissieltu kontra d-diżinformazzjoni
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 17 Ġunju 2026
