Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tiddeskrivi l-isfidi politiċi u baġitarji ewlenin li se jsawru l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Il-baġit fit-tul – magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali – jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-infiq tal-UE għal diversi snin. Il-baġit jappoġġa miljuni ta’ nies, bdiewa, riċerkaturi, negozji, u reġjuni madwar l-UE u lil hinn minnha. Huwa essenzjali biex intejbu ħajjitna, u m’ilux wisq għenna negħlbu pandemija u kriżi tal-enerġija filwaqt li salvajna miljuni ta’ impjiegi meta konna bil-lockdown. Il-pajjiżi, in-negozji, u ċ-ċittadini tal-UE jridu jerġgħu jaħsbuha dwar il-mod kif jaħdem il-baġit tal-UE sabiex jagħmluh adattat għall-futur. Biex inkomplu nsostnu Ewropa ħielsa, demokratika, sigura, prospera, u kompetittiva, il-baġit fit-tul irid ikun aktar sempliċi, aktar effikaċi, u aktar speċifiku fil-miri tiegħu. Il-mod ġdid kif isir baġit modern tal-UE għandu jkun jinkludi: - pjan għal kull pajjiż, b’riformi u investimenti ewlenin, imfasslin fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, u lokali - Fond Ewropew għall-Kompetittività li jistabbilixxi kapaċità ta’ investiment biex jiġu sostnuti setturi strateġiċi u teknoloġiji kritiċi - finanzjament għal azzjoni esterna li tħalli impatt akbar, tkun iktar speċifika fil-miri tagħha, u tkun allinjata mal-interessi strateġiċi - salvagwardji addizzjonali li jipproteġu l-istat tad-dritt Il-Kummissjoni issa qed tistieden lill-Ewropej kollha biex jgħidu tagħhom dwar il-baġit li jmiss u dwar il-politiki li għandha tappoġġja, qabel ma tippreżenta proposta formali f’Lulju 2025. Hija tat bidu għal sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li se jibqgħu miftuħin għat-12-il ġimgħa li ġejjin. Hawn taħt issib il-links għal dawn il-konsultazzjonijiet. Madwar 150 Ewropew se jkollhom ukoll l-opportunità li jiddibattu u jagħmlu rakkomandazzjonijiet konkreti għall-baġit tal-UE li jmiss f’panel taċ-ċittadini. Se jkun hemm ukoll pjattaforma online li se toffri lil kulħadd l-opportunità li jipparteċipa fid-dibattitu. Ladarba jintlaħaq qbil aktar tard din is-sena, il-baġit fit-tul li jmiss jidħol fis-seħħ f’Jannar 2028. Għal aktar informazzjoni Konsultazzjonijiet pubbliċi L-implimentazzjoni tal-Fondi tal-UE mal-Istati Membri u mar-reġjuniIl-finanzjament tal-UE għall-kompetittivitàIl-finanzjament tal-UE għall-azzjoni esternaIl-finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni transfruntiera, it-taħriġ u s-solidarjetà, iż-żgħażagħ, il-media, is-setturi kulturali u kreattivi, il-valuri, u s-soċjetà ċiviliIl-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni ċivili, it-tħejjija, u r-rispons għall-kriżijietIl-finanzjament tal-UE għas-suq uniku, u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonaliIl-prestazzjoni tal-baġit tal-UEPanel taċ-Ċittadini Ewropej dwar Baġit Ewropew ġdid Il-baġit fit-tul tal-UE Stqarrija għall-istampa: It-tiswir tal-futur tal-UE flimkien: il-Kummissjoni tistabbilixxi t-triq lejn il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE Dettalji Data tal-pubblikazzjoni12 Frar 2025AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni