Fit-18 u d-19 ta’ Novembru, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen kienet fl-Eġittu u l-Ġordan biex tara l-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja diretti, tagħti l-provvisti umanitarji tal-UE għaċ-ċivili f’Gaża u tiddiskuti l-kriżi mal-mexxejja reġjonali. Matul iż-żjara, il-President enfasizzat li hemm bżonn ta’ aktar għajnuna biex jintlaħaq il-poplu Palestinjan f’Gaża. Hija kkundannat ukoll, għal darb’oħra, il-vjolenza inaċċettabbli mill-estremisti fix-Xatt tal-Punent u appellat għal waqfa fiċ-ċiklu tal-vjolenza. Meta tħares lejn kif l-Iżraeljani u l-Palestinjani “jistgħu jerġgħu jiksbu tama u perspettiva”, il-President von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa għal “orizzont politiku, is-soluzzjoni ta’ żewġ stati”. Fil-Kajr, il-President iltaqgħet mal-President tal-Eġittu u f’Amman, hija tkellmet mal-Maestà Tiegħu r-Re tal-Ġordan. L-Eġittu u l-Ġordan għandhom rwol kruċjali fl-għoti u l-iffaċilitar tal-għajnuna umanitarja lill-Palestinjani vulnerabbli. L-UE se tipprovdi appoġġ loġistiku u tagħmir mediku addizzjonali lill-Eġittu għat-trattament ta’ persuni ċivili midruba minn Gaża. Kemm il-Ġordan kif ukoll l-Eġittu għandhom ukoll rwol ta’ stabbilizzazzjoni ewlieni f’dawn iż-żminijiet diffiċli, biex jipprevjenu t-tixrid tal-vjolenza. Fl-ajruport ta’ Al-Arish fl-Eġittu, il-President għaddiet provvisti umanitarji tal-UE li twasslu mill-15-il titjira tal-pont umanitarju bl-ajru tal-UE. Hija rringrazzjat lill-awtoritajiet Eġizzjani, lis-Soċjetà Eġizzjana tan-Nofs Qamar l-Aħmar u lill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) għall-kooperazzjoni li tagħmel dawn il-konsenji possibbli. Matul l-aħħar xahar, il-Kummissjoni kkwadruplikat l-għajnuna umanitarja tagħha għal aktar minn €100 miljun, minbarra €260 miljun ipprovduti mill-Istati Membri tal-UE. Tim Ewropa huwa l-akbar donatur ta’ għajnuna lill-poplu Palestinjan. Tim Ewropa huwa magħmul mill-UE, l-Istati Membri tagħha, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Għal aktar informazzjoni Il-kriżi tal-Lvant Nofsani Aqra u ara d-dikjarazzjoni tal-President von der Leyen Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja Dettalji Data tal-pubblikazzjoni20 Novembru 2023AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni