
Il-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE. Għandha rwol ewlieni li tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE biex tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali, u territorjali, u biex l-UE ssir aktar kompetittiva, sostenibbli, u ekwa.
Fl-ambitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi emendi tal-liġijiet eżistenti u qed tistieden lill-pajjiżi tal-UE jaġġustaw il-programmi ta’ koeżjoni tagħhom biex jinvestu fil-prijoritajiet strateġiċi tal-UE. Il-prijoritajiet jirriflettu l-aktar sfidi urġenti tal-UE u jinkludu t-tisħiħ tal-kompetittività, tad-difiża, tas-sigurtà, u tal-appoġġ tal-UE għar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant kif ukoll għall-akkomodazzjoni affordabbli, għar-reżiljenza tal-ilma, u għat-tranżizzjoni tal-enerġija.
B’mod speċifiku, qed tipproponi li:
- issaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u xxejjen id-diskrepanza fl-innovazzjoni billi toffri lill-intrapriżi l-kbar appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali f’oqsma kritiċi bħad-difiża, it-teknoloġiji strateġiċi, u d-dekarbonizzazzjoni
- tagħti sostenn lill-industrija tad-difiża u tappoġġa lir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant billi tkompli tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jużaw il-finanzjament ta’ koeżjoni attwali biex jibnu infrastruttura reżiljenti biex jiffaċilitaw il-mobbiltà militari. Se tappoġġa wkoll il-kapaċitajiet produttivi tal-intrapriżi żgħar u kbar fis-settur tad-difiża fir-reġjuni kollha tal-UE.
- iżżid l-akkomodazzjoni affordabbli billi tgħin lill-pajjiżi tal-UE jindirizzaw id-diskrepanza fl-investiment fil-qasam tal-akkomodazzjoni, billi tirdoppja l-ammont ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ddedikat għall-akkomodazzjoni affordabbli
- issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ilma billi tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jinvestu aktar fir-reżiljenza tal-ilma, inkluż fid-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma u fit-tnaqqis tal-impatt tan-nixfiet u tad-deżertifikazzjoni
- tappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija billi tippromwovi l-interkonnetturi tal-enerġija (kejbils tal-art u ta’ taħt il-baħar li jgħaqqdu flimkien is-sistemi tal-elettriku ta’ pajjiżi ġirien) u tistabbilixxi infrastruttura tal-irriċarġjar
Bħala inċentiv finanzjarju għall-investiment fi prijoritajiet strateġiċi, fl-2026 il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE se jkunu jistgħu jantiċipaw fondi b’mod li jibbenefikaw minn sa 30 % tal-prefinanzjament għal proġetti żviluppati fl-ambitu tal-prijoritajiet strateġiċi.
Il-Kummissjoni qed tfittex li fl-2025 tikkonkludi l-eżerċizzju ta’ riprogrammazzjoni tal-koeżjoni mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE, biex il-programmi l-ġodda jkunu jistgħu jibdew jiġu implimentati kmieni fl-2026.
Għal aktar informazzjoni
Kohesio: skopri proġetti tal-UE fir-reġjun tiegħek
Il-kisbiet tagħna u t-tħejjija tal-Unjoni tagħna għall-futur
Filmat: Kif nistgħu nsaħħu r-reġjuni tal-Ewropa? Il-politika ta’ koeżjoni modernizzata
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta’ koeżjoni
- Data tal-pubblikazzjoni
- 1 April 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni