
Is-sena l-oħra, l-UE intensifikat il-ġlieda tagħha kontra l-prodotti mhux sikuri, u t-twissijiet permezz tas-sistema ta’ twissija rapida tagħha żdiedu bi 13% għal 4,671, l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat. Dawn iċ-ċifri huma mislutin mir-rapport annwali tas-Safety Gate tal-Kummissjoni Ewropea. Is-Safety Gate hija s-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għall-prodotti perikolużi mhux tal-ikel, li tippermetti lill-awtoritajiet mill-UE u miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jiċċirkolaw l-informazzjoni malajr u jieħdu azzjoni minnufih.
Aktar minn nofs il-każijiet irrappurtati kellhom x’jaqsmu mal-kożmetiċi u mal-ġugarelli. Fl-istess perjodu ġiet irreġistrata wkoll żieda ta’ 35% fl-azzjonijiet ulterjuri rrappurtati, b’miżuri li jinkludu l-irtirar jew is-sejħa lura tal-prodotti, it-twaqqif tagħhom fil-fruntieri, u t-tneħħija tal-elenkar tal-prodotti mis-swieq online. Iż-żieda fit-twissijiet u fl-azzjonijiet irrappurtati turi l-effettività dejjem tikber tas-sistema ta’ twissija.
Matul dawn l-aħħar snin, l-UE mmodernizzat il-liġijiet tagħha dwar is-sikurezza tal-prodotti, speċjalment permezz tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, li daħal fis-seħħ fl-2024. Ir-Regolament jirrikjedi li s-swieq online attivi fl-UE jirreġistraw fil-Portal tas-Safety Gate u jipprovdu l-punt uniku ta’ kuntatt tagħhom. Sa tmiem l-2025, kienu rreġistraw aktar minn 1,200 suq online.
Għal aktar tagħrif
- Data tal-pubblikazzjoni
- 9 Marzu 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni