
Il-Ġimgħa Ewropea għall-Enerġija Sostenibbli 2025 se ssir mill-10 sat-12 ta’ Ġunju 2025, fi Brussell u online. Din tlaqqa’ personalitajiet ewlenin mill-komunità tal-enerġija nadifa u kelliema ta’ livell għoli biex jiskambjaw ideat, jikkollaboraw, u jgħinu fit-tiswir tal-futur tal-enerġija sostenibbli tal-Ewropa.
Huwa wkoll mument biex jitqiesu l-isforzi li l-Kummissjoni għamlet dan l-aħħar biex tagħti spinta lill-enerġija sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli. Fl-2022, meta l-Ewropa ffaċċjat tfixkil fis-suq globali tal-enerġija, il-Kummissjoni nediet REPowerEU, pjan biex tiġi ffrankata l-enerġija, jiġu ddiversifikati l-provvisti tagħna u tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija nadifa. B’riżultat ta’ dan, l-UE naqqset id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi u 47% tal-elettriku tal-UE issa ġej minn sorsi rinnovabbli.
Fl-istess sena, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tiżgura biżżejjed provvisti tal-gass f’każijiet ta’ tfixkil għal għarrieda. Dawn ir-regoli l-ġodda dwar il-ħżin tal-gass jiżguraw li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-pajjiżi tal-UE jimtlew kif suppost, filwaqt li l-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE tgħin lill-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien fis-swieq globali.
Fl-2023, l-UE rrieżaminat id-Direttiva tagħha dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u żiedet il-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 għal minimu ta’ 42.5%. Dan ifisser li kważi jirdoppja s-sehem eżistenti tal-enerġija rinnovabbli fl-UE.
Element importanti biex niżguraw enerġija sigura u bi prezzijiet raġonevoli huwa billi niddiversifikaw ir-rotot tal-provvista. Mill-2022, il-Kummissjoni stabbiliet ftehimiet ġodda ma’ diversi sħab internazzjonali għall-importazzjoni tal-gass naturali minn sorsi differenti.
Fl-2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija, titlesta l-Unjoni tal-Enerġija, jiġi attirat l-investiment u tkun imħejjija aħjar għal kriżijiet potenzjali tal-enerġija. Dan il-pjan għandu l-għan li jiffranka €45 biljun fl-2025 biss, u l-iffrankar mistenni jikber fis-snin ta’ wara.
Fl-aħħar nett, għall-perjodu 2024–29, il-Kummissjoni stabbiliet enerġija nadifa u bi prezzijiet raġonevoli bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività. Il-Patt għal Industrija Nadifa jappoġġa dan l-għan billi jixpruna d-dekarbonizzazzjoni u jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija.
Sir af aktar:
- Data tal-pubblikazzjoni
- 10 Ġunju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni