Aktar minn 3,000 mara jinqatlu kull sena fl-Ewropa minn sħab jew membri tal-familja, u ħafna aktar qed iweġġgħu u jiġu ffastidjati. Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija theddida għal nofs l-umanità, online u offline. Dan jaffettwa lin-nisa kollha u jieħu ħafna forom, inkluż vjolenza fiżika, sesswali jew psikoloġika, kif ukoll abbuż u sfruttament ekonomiku. Mara minn kull tlieta kemm fl-UE kif ukoll globalment esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali mill-inqas darba f’ħajjitha. Mill-inqas żewġ nisa fil-ġimgħa jinqatlu fl-UE minn sieħeb intimu jew membru tal-familja. 32% tal-awturi ta’ fastidju sesswali fl-UE jiġu mill-kuntest tal-impjieg. Dan għandu jieqaf. Kull sena fil-25 ta’ Novembru, l-UE tfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa biex iġġedded l-impenn tagħha li teqred il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-UE u lil hinn minnha, u tappella għal azzjoni biex tkun f’solidarjetà mal-vittmi u s-superstiti. L-UE tipproteġi lin-nisa u lit-tfal mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika permezz ta’ leġiżlazzjoni, miżuri prattiċi, u appoġġ finanzjarju. Fl-2022, il-Kummissjoni adottat proposta għall-ewwel liġi fl-UE kollha biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-aktar forom serji ta’ vjolenza kontra n-nisa jiġu kriminalizzati fl-UE, bħall-istupru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, inkluż is-cyber-stalking u l-kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ immaġnijiet intimi. L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-2023 hija pass ewlieni ieħor biex tinqered il-vjolenza kontra n-nisa. Dan juri b’mod ċar l-impenn tagħna li nżidu l-azzjonijiet kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fis-27 Stat Membru. Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex aċċettabbli. Il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ impenjata li tibni soċjetà fejn il-vjolenza kontra n-nisa tiġi evitata, ikkundannata u mħarrka meta sseħħ. Għal aktar informazzjoni It-tmiem tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru Strateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 Proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul: Linji telefoniċi għall-għajnuna fl-Ewropa Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President qabel il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza (25 ta’ Novembru 2023) Finanzjament għal proġetti u organizzazzjonijiet biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru Riżorsi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru Il-Eurostat: Data dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru Dettalji Data tal-pubblikazzjoni24 Novembru 2023AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni