
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ġdid ta’ miżuri biex tappoġġa s-settur awtomobilistiku fit-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa.
Is-settur awtomobilistiku Ewropew ilu għal għexieren ta’ snin kruċjali għall-ekonomija tal-Ewropa, peress li jimpjega miljuni ta’ persuni u jixpruna l-innovazzjoni teknoloġika. Illum, dan is-settur wasal f’punt kruċjali għax qed iħabbat wiċċu ma’ bidliet teknoloġiċi rapidi u ma’ kompetizzjoni dejjem akbar. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-miżuri l-ġodda jistabbilixxu regoli ambizzjużi u prammatiċi biex l-industrija u l-pajjiżi tal-UE jadattaw għall-mobbiltà nadifa u għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jiżguraw il-kompetittività tal-industrija.
Il-proposti ewlenin jinkludu
- reviżjoni tal-istandards tas-CO2 għall-karozzi, għall-vannijiet u għall-vetturi heavy-duty biex il-manifatturi jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom għall-2035
- l-ekoloġizzazzjoni tal-flotot korporattivi biex titħaffef l-adozzjoni tal-vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi
- l-istrateġija “battery booster” b’investiment ta’ €1.8 biljun biex ikollna katina tal-valur tal-batteriji magħmula kompletament fl-UE
- omnibus awtomobilistiku biex jittaffew il-piżijiet amministrattivi, jitnaqqsu l-ispejjeż u tiġi introdotta l-kategorija ġdida ta’ vetturi “karozzi żgħar affordabbli”
- regoli riveduti dwar it-tikkettar tal-karozzi biex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni kompluta dwar l-emissjonijiet tal-karozzi sabiex jagħmlu għażliet aktar infurmati meta jkunu se jixtru karozza
Il-proposti huma bbażati fuq il-pjan ta’ azzjoni għas-settur awtomobilistiku u d-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-industrija awtomobilistika. Id-djalogu, li tnieda f’Jannar 2025, ilaqqa’ flimkien lir-rappreżentanti tal-industrija, lis-sħab soċjali, lill-pajjiżi tal-UE, lir-reġjuni, u lis-soċjetà ċivili. S’issa saru tliet laqgħat ta’ djalogu, li pprovdew pjattaforma biex jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċja s-settur.
Għal aktar informazzjoni
Skeda informattiva – settur awtomobilistiku Ewropew nadif u kompetittiv
Skeda informattiva – Proposta dwar l-istandards tas-CO2 u l-vetturi korporattivi
- Data tal-pubblikazzjoni
- 16 Diċembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni