
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali. Ir-rapport juri l-progress lejn l-objettivi u l-miri deskritti għall-2030 fil-programm ta’ politika dwar id-Deċennju Diġitali.
L-UE qed iġġedded l-isforzi tagħha biex tixpruna trasformazzjoni diġitali aktar kompetittiva, reżiljenti, inklużiva u sovrana. Madankollu, hija meħtieġa azzjoni urġenti u soda biex jintlaħqu l-miri tal-2030.
Il-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport huma dawn:
- Infrastrutturi diġitali: minkejja ċerti avvanzi, it-tnedija tal-infrastruttura tal-konnettività, bħan-networks awtonomi tal-fibra u tal-5G, qegħdin bil-mod jagħmlu progress
- Diġitalizzazzjoni tan-negozji: l-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA), il-cloud u l-big data mill-kumpaniji tjiebet, iżda għad trid taċċellera
- Ħiliet diġitali: 55.6 % biss tal-Ewropej għandhom livell bażiku ta’ ħiliet diġitali, filwaqt li d-disponibbiltà tal-ispeċjalisti tal-ICT b’ħiliet avvanzati għadha baxxa, b’distakk qawwi bejn il-ġeneri, li jxekkel il-progress fiċ-ċibersigurtà u l-IA
- Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi: fl-2024, l-UE għamlet progress kostanti fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi ewlenin, iżda porzjon sostanzjali tal-infrastruttura diġitali governattiva għadha tiddependi fuq il-fornituri tas-servizzi barra mill-UE.
Id-data turi sfidi persistenti, bħal swieq frammentati, regolamenti kumplessi żżejjed, sigurtà, u dipendenza strateġika. Ir-rapport jisħaq dwar il-benefiċċji potenzjali ta’ azzjoni soda, li tista’ tagħti spinta lill-PDG tal-Unjoni Ewropea.
Il-pajjiżi tal-UE se jirrevedu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jilħqu l-miri tal-2030 u jitħaddtu dwar it-triq ’il quddiem mal-Kummissjoni.
Għal aktar informazzjoni
- Data tal-pubblikazzjoni
- 16 Ġunju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni