
L-2025 kienet l-agħar staġun tan-nirien fis-selvaġġ fl-Ewropa minn mindu bdew jinżammu r-rekords. Bit-tibdil fil-klima, ir-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ qed jiżdied, f’termini kemm ta’ intensità kif ukoll ta’ frekwenza. Il-Kummissjoni ppreżentat approċċ ġdid għall-ġestjoni tar-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ, bi strateġija li tipprovdi gwida dwar modi aħjar kif nistgħu nipprevjenu n-nirien fis-selvaġġ, inħejju u nirreaġixxu għalihom, u nirkupraw minnhom. Dan se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa għan-nirien fis-selvaġġ u se jgħin biex jiġu protetti kemm in-nies kif ukoll l-ambjent.
Ir-restawr tan-natura tal-Ewropa huwa kruċjali, peress li ekosistemi b’saħħithom u ġestiti tajjeb jistgħu jnaqqsu r-riskju u l-impatti tal-avvenimenti estremi. Huwa hawn fejn tidħol l-enfasi fuq il-prevenzjoni, u għaliex il-Kummissjoni qed
- toffri pariri dwar kif għandu jiġi indirizzat l-adattament għat-tibdil fil-klima fis-siti tan-Natura 2000, u dwar kif għandu jiġi promoss l-ippjanar reżiljenti tal-pajsaġġ
- tispjega kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jimmaniġġjaw is-siti tan-Natura 2000 f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza
- tipproponi lill-pajjiżi tal-UE biex jintegraw il-prevenzjoni tan-nirien fis-selvaġġ u l-preparatezza għalihom fl-ippjanar tal-ispazju
Barra minn hekk, biex tgħin fit-tħejjija, il-Kummissjoni se
- tassisti lill-pajjiżi tal-UE fl-ippjanar fit-tul tagħhom b’linji gwida aġġornati dwar il-valutazzjoni tar-riskji
- tfittex li tinvolvi liċ-ċittadini fil-preparatezza għan-nirien fis-selvaġġ f’konformità mal-istrateġija għal unjoni tal-preparatezza
- tkompli tippożizzjona minn qabel lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar f’żoni ta’ riskju u tippromwovi l-iskambju ta’ esperti tat-tifi tan-nar
- tkompli tiżviluppa s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien Forestali, biex ittejjeb l-għodod tagħha ta’ twissija bikrija u ta’ monitoraġġ tan-nirien
- tibni mmudellar tar-riskju Ewropew, inkluża l-prijoritizzazzjoni tal-għodod ta’ mmudellar tan-nirien fil-foresti assistiti mill-IA
Naturalment, l-ippjanar aħjar se jgħin ukoll biex ikun hemm rispons aħjar għan-nirien fis-selvaġġ. Biex jingħata aktar sostenn lill-isforzi tar-rispons, il-flotta tat-tifi tan-nar tar-rescEU se tiġi estiża bl-akkwist ta’ 12-il ajruplan tat-tifi tan-nar, kif ukoll b’ħames ħelikopters.
F’termini ta’ rkupru wara n-nirien fis-selvaġġ, il-Kummissjoni tipproponi li tiġbor data biex tifhem aħjar ir-riskji fit-tul għas-saħħa li jiffaċċjaw il-ħaddiema tat-tifi tan-nar, minħabba kundizzjonijiet perikolużi u sustanzi tossiċi. Se taħdem ukoll biex taqsam l-aħjar prattiki b’rabta mal-metodi ta’ rkupru wara n-nirien, u se tappoġġa r-restawr ta’ wara d-diżastri lejn ekosistemi aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
Biex timplimenta dawn il-miżuri kollha, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE, mar-reġjuni, mal-komunità tal-protezzjoni ċivili, mal-awtoritajiet li jiġġestixxu l-artijiet, u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Il-progress se jiġi rieżaminat u rrappurtat regolarment lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE.
Għal iktar informazzjoni
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-ġestjoni integrata tar-riskju tan-nirien fis-selvaġġ
Skeda informattiva — Ġestjoni integrata tar-riskju tan-nirien fis-selvaġġ
- Data tal-pubblikazzjoni
- 25 Marzu 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni