Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Nirriformaw l-għajnuna umanitarja tal-UE biex negħlbu sfidi dinjin ta’ żmienna

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 27 Mejju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

 

Minn kemm ilhom li faqqgħu il-kunflitti f’Gaża, fl-Ukrajna u fis-Sudan, is-sistema umanitarja internazzjonali ġarrbet pressjoni qawwija. Fl-2026, il-ħtiġijiet umanitarji laħqu l-ogħla livelli ta’ kull żmien b’239 miljun persuna jeħtieġu xi tip ta’ assistenza. Sitwazzjonijiet umanitarji diżastrużi flimkien ma’ tnaqqis qawwi fil-finanzjament ifissru prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta’ kif titwassal l-għajnuna. Biex tindirizza l-isfidi quddiema, il-Kummissjoni Ewropea se tadatta l-mod kif taħdem biex timmassimizza l-effettività u l-impatt tal-għajnuna umanitarja tal-UE madwar id-dinja. 

L-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE bħalissa qed jagħtu l-akbar sehem ta’ finanzjament umanitarju fid-dinja. Waħedha, din is-sena l-Kummissjoni Ewropea allokat kważi €2 biljun għall-għajnuna umanitarja.  

L-approċċ il-ġdid dwar l-għajnuna umanitarja jipprovdi soluzzjonijiet konkreti biex niżguraw li l-għajnuna umanitarja tasal għand in-nies fil-bżonn madwar id-dinja. L-UE se: 

tipproteġi: taħdem aktar mill-qrib mas-sħab biex l-għajnuna umanitarja titwassal b’mod sikur, tipproteġi lill-ħaddiema umanitarji, u tiżgura li l-appoġġ jasal għand kulħadd, inkluż b’involviment lokali aktar b’saħħtu 

twettaq: tagħmel l-għajnuna umanitarja aktar effiċjenti ħalli l-appoġġ jingħata fejn hu l-aktar meħtieġ u jkun juża aħjar il-fondi tal-UE 

taħdem id f’id: tikkollabora ma’ aktar organizzazzjonijiet biex tgħin lill-komunitajiet isiru aktar reżiljenti, inaqqsu d-dipendenza fit-tul fuq l-għajnuna, u jiġbru flimkien ir-riżorsi għal impatt akbar 

L-UE se tkompli tipprovdi assistenza skont il-ħtiġijiet, inklużiva u nondiskriminatorja biex issalva l-ħajjiet u tħares id-dinjità tal-bniedem.  

Għal iktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u tweġibiet 

L-Għajnuna Umanitarja tal-UE 

Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Għajnuna Umanitarja 

Stqarrija għall-istampa: Id-difiża tal-valuri, l-ixprunar tar-riforma, it-twettiq tal-impatt: miżuri ġodda biex tissaħħaħ l-azzjoni umanitarja tal-UE 

Data tal-pubblikazzjoni
27 Mejju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni