Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet19 April 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Il-mexxejja tal-UE jappellaw għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE

Participation of  Ursula von der Leyen, President of the European Commission, in the Brussels Special European Council

 

Fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fi Brussell il-mexxejja tal-UE ddiskutew l-importanza tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u s-Suq Uniku tagħha. Huma ddiskutew ukoll il-Lvant Nofsani, l-Ukrajna u t-Turkija.  

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen enfasizzat erba’ oqsma ewlenin ta’ azzjoni biex inkomplu napprofondixxu s-Suq Uniku tagħna u nittrasformawh f’suq Ewropew reali:

  1. It-titjib tal-aċċess għall-kapital għall-kumpaniji Ewropej
  2. It-tnaqqis tal-ispiża tal-enerġija
  3. It-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħna
  4. It-tisħiħ tal-kummerċ mal-bqija tad-dinja

L-aċċess għall-kapital huwa kruċjali biex naffaċċjaw l-isfidi li ġejjin. “Jeħtieġ li nnaqqsu l-ispejjeż għall-kumpaniji għas-swieq kapitali u l-investituri. It-tieni, jeħtieġ li nsaħħu u nallinjaw is-superviżjoni tal-aktar atturi importanti. U t-tielet, nagħtu prevedibbiltà lill-investituri dwar suġġetti bħall-insolvenzi”, spjegat il-President von der Leyen.

Biex intejbu l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE jeħtieġ ukoll li nkomplu nnaqqsu l-ispiża tal-enerġija. Minkejja li laħqu livelli tal-prezzijiet simili għal dawk ta’ qabel l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna, dawn għadhom strutturalment għoljin wisq. Hekk kif mis-sena d-dieħla jsiru disponibbli proġetti ġodda tal-LNG u nkomplu nibnu l-kapaċitajiet għall-produzzjoni ta’ enerġija nadifa fl-UE, il-prezzijiet għandhom jonqsu strutturalment.

Il-President von der Leyen enfasizzat ukoll li l-livelli rekord għoljin ta’ impjieg (75% fl-2023) u rekord ta’ qgħad baxx (6% f’Diċembru li għadda) joħolqu sfida biex tinstab il-forza tax-xogħol. “Jeħtieġ li nħarrġu l-akbar għadd possibbli miż-żgħażagħ qiegħda tagħna. Jeħtieġ li ntejbu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol. U neħtieġu l-migrazzjoni legali”, qalet.

Il-kummerċ ġust u miftuħ huwa kruċjali għall-kompetittività tal-UE, peress li sehem sinifikanti tal-prosperità tagħna jiġi minn ftehimiet kummerċjali. Bis-saħħa tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada (CETA), is-sena l-oħra l-produtturi tagħna setgħu jesportaw €4.5 biljun ta’ prodotti agroalimentari, 53% aktar minn qabel il-ftehim. Indirizzajna wkoll ir-riskji assoċjati mal-kummerċ ħieles billi ħadna aktar minn 170 miżura ta’ difiża tal-kummerċ. Dan ipproteġa aktar minn 500,000 impjieg fl-UE.

Fl-aħħar nett, il-President von der Leyen enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar Ewropew għall-bażi industrijali tad-difiża tal-UE. B’kont meħud tal-kompetenza nazzjonali ċara fuq l-istruttura, l-iskjerament u t-taħriġ tal-forzi armati, il-President appellat għall-iżvilupp tas-suq uniku tad-difiża. Dan għandu jippermetti ekonomiji ta’ skala u effiċjenza, kapaċitajiet ta’ difiża aħjar u interoperabbiltà akbar tal-forzi armati nazzjonali.

 

Għal aktar informazzjoni

Kummenti tal-ftuħ mill-President von der Leyen fil-konferenza stampa konġunta mal-President Michel wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew

Dikjarazzjoni mill-President von der Leyen fil-konferenza stampa konġunta mal-Prim Ministru Belġjan De Croo u Enrico Letta

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 April 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni