Skip to main content

Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus

X’inhuma l-fatti

Flimkien ma’ din il-pandemija kien hemm mewġa enormi ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, inklużi tentattivi biex atturi barranin jinfluwenzaw id-dibattiti domestiċi fl-UE, li sabet triq imwittija minħabba l-iktar ansjetajiet bażiċi tan-nies u ċ-ċiklu ta’ aħbarijiet li jinbidel malajr. Informazzjoni qarrieqa dwar il-kura tas-saħħa, inganni perikolużi b’dikjarazzjonijiet foloz, teoriji ta’ kospirazzjoni u frodi tal-konsumaturi lkoll jipperikolaw is-saħħa pubblika.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma ddeterminati li jegħlbu l-isforzi ta’ atturi li jippruvaw jisfruttaw il-kriżi u jqiegħdu l-ħajjiet taċ-ċittadini f’riskju, jew li jxerrdu propaganda jew mibegħda. Filwaqt li tibni fuq il-pjan ta’ azzjoni tal-2018 kontra d-diżinformazzjoni, tappella għal iktar azzjoni kkoordinata, f’konformità mal-valuri demokratiċi tagħna.

F’Komunikazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed jipproponu azzjonijiet konkreti għal UE iktar b’saħħitha u reżiljenti. Dawn se jikkontribwixxu għall-ħidma futura tal-UE dwar id-diżinformazzjoni, b’mod partikolari l-Pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-demokrazija u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Il-kriżi saret test li juri kif l-UE u s-soċjetajiet demokratiċi tagħha qed jindirizzaw l-isfida tad-diżinformazzjoni. Diversi aspetti huma kruċjali biex ikollna UE iktar b’saħħitha u iktar reżiljenti.

Il-fehim

Informazzjoni falza jew qarrieqa dwar il-coronavirus tista’ tagħmel ħsara lill-koeżjoni soċjali, iżda fuq kollox, hi theddida għas-saħħa pubblika.

Narrattivi foloz jew qarrieqa jiġu f’forom differenti li jirrikjedu risponsi differenti.

  • il-kontenut jaf ma jkunx illegali kif definit mil-liġi, iżda xorta jista’ jagħmel ħsara
  • jista’ jvarja minn diżinformazzjoni (definita bħala intenzjonata) sa miżinformazzjoni
  • jista’ jinkludi informazzjoni qarrieqa dwar il-kura tas-saħħa, frodi tal-konsumatur, diskors ta’ mibegħda illegali kif ukoll operazzjonijiet immirati ta’ influwenzar minn atturi barranin.
  • il-motivazzjoni warajh tista’ tvarja minn gwadann ekonomiku (scam online) li jikkawża ħsara pubblika, sa raġunijiet politiċi
  • atturi barranin u ċerti pajjiżi terzi, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, kienu involuti f’kampanji ta’ diżinformazzjoni u f’operazzjonijiet immirati ta’ influwenzar fl-UE, fil-viċinat tagħha, u globalment.

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) se jkomplu jissorveljaw in-narrattivi foloz jew qarrieqa u l-operazzjonijiet ta’ influwenzar minn atturi barranin.

Eżempji ta’ diżinformazzjoni

Dikjarazzjonijiet foloz bħal “Jekk tixrob il-bliċ jew l-alkoħol pur tfiq mill-infezzjonijiet tal-coronavirus”: għall-kuntrarju, jekk tixrob il-bliċ jew l-alkoħol pur tista’ tagħmel ħsara kbira lilek innifsek. Iċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Veleni tal-Belġju rreġistra żieda ta’ 15% fl-għadd ta’ inċidenti relatati mal-bliċ.

It-teoriji ta’ kospirazzjoni, bħad-dikjarazzjoni li l-coronavirus hu “infezzjoni kkawżata mill-eliti tad-dinja għat-tnaqqis tat-tkabbir tal-popolazzjoni”. L-evidenza xjentifika hija ċara: il-virus ġej minn familja ta’ viruses li joriġinaw fl-annimali li jinkludu viruses oħra bħal SARS u MERS.

Dikjarazzjonijiet li “l-installazzjonijiet 5G qed ixerrdu l-virus”. Dawn it-teoriji ma kellhom l-ebda prova speċifika u wasslu għal attakki fuq arbli.

Il-komunikazzjoni

L-Ewropej jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni awtorevoli u verifikabbli dwar is-saħħa.
L-UE tikkondividi informazzjoni minn sorsi uffiċjali u verifikabbli maċ-ċittadini u tikkoopera ma’ sħab internazzjonali.

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jkomplu jinvestu fil-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika tagħhom.

Il-Kummissjoni nediet sit web apposta ta’ rispons għall-coronvirus li jipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar il-virus u r-rispons tal-UE. Taqsima apposta li tittratta d-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus fiha konfutazzjonijiet regolari – bil-lingwi kollha tal-UE – tal-iktar miti prominenti dwar il-coronavirus.

Il-Kummissjoni tippromwovi kontenut mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Is-SEAE flimkien mal-Kummissjoni skjera – u se jkompli jsaħħaħ – komunikazzjonijiet strateġiċi u diplomazija pubblika fil-viċinat immedjat tal-UE u fid-dinja kollha.

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri se jkomplu jippromwovu informazzjoni bbażata fuq il-fatti mfassla apposta għas-sitwazzjoni lokali.

Il-kooperazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem mas-sħab tagħha fid-dinja kollha u fi ħdan l-UE.

Bl-użu ta’ kanali stabbiliti bħas-Sistema ta’ Twissija Rapida. Se tinħoloq taqsima speċjali biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ materjal ta’ komunikazzjoni relatat mal-coronavirus bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-Parlament Ewropew.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, inklużi d-WHO, il-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal-G7, jew in-NATO.

L-UE se żżid ukoll l-appoġġ u l-assistenza tagħha lill-atturi tas-soċjetà ċivili u lill-media indipendenti f’pajjiżi terzi, inkluż fil-viċinat.

Il-kooperazzjoni mal-pjattaformi u man-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur permezz tal-iskrinjar u t-tneħħija ta’ prodotti bi prezz eċċessiv, ineffettivi jew potenzjalment perikolużi

Ir-riżultati tal-ħidma mal-pjattaformi

Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni

Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib l-azzjonijiet tal-pjattaformi online skont il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni - l-impenn awtoregolatorju tal-pjattaformi online, in-networks soċjali ewlenin, dawk li jirreklamaw u l-industrija tar-reklamar biex jindirizzaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni online u l-aħbarijiet foloz.

Fis-16 ta’ Ġunju 2022, issaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni. Il-Kodiċi l-ġdid jistabbilixxi l-impenji estensivi u preċiżi tal-pjattaformi u tal-industrija li jiġġieldu d-diżinformazzjoni, u huwa pass importanti ieħor lejn ambjent online aktar trasparenti, sikur u affidabbli. Il-Kodiċi għandu l-għan li jiġi rikonoxxut bħala Kodiċi ta' Kondotta skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Fost l-34 firmatarju hemm pjattaformi online kbar bħal Meta, Google, Twitter, TikTok u Microsoft, minbarra diversità ta’ atturi oħrajn, bħal pjattaformi aktar żgħar, jew pjattaformi speċjalizzati, l-industrija tar-reklamar online, kumpaniji tat-teknoloġija tar-reklamar, verifikaturi tal-fatti, is-soċjetà ċivili jew nies li joffru għarfien espert u soluzzjonijiet li jiġġieldu d-diżinformazzjoni.

Tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni

Il-firmatarji tal-kodiċi huma mħeġġa jirrapportaw kull xahar dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni relatata mal-coronavirus. Aqra ir-rapporti l-aktar riċenti.

Punti ewlenin:

  • F’Marzu u April, Twitter issospenda 527 kont bi ksur tal-Politika ta’ Informazzjoni Qarrieqa tiegħu dwar il-COVID-19.
  • TikTok irrapporta li x-xejra li diġà dehret fi Frar għadha viżibbli fid-data ta’ Marzu-April, jiġifieri tnaqqis fil-metriċi flimkien mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet f’ħafna pajjiżi fl-UE.
  • Fl-4 ta’ Mejju, Google ppubblikat ir-Rapport dwar is-Sikurezza tar-Riklami tal-2021, ir-rapport annwali dwar l-isforzi biex jiġi evitat l-użu malizzjuż tal-pjattaformi tar-reklami ta’ Google, li jinkludi numri ta’ tneħħija globali għar-reklami relatati mal-COVID-19. Fir-rigward ta’ Marzu u April, huma jirrapportaw li 33,882,679 (+267,048) reklami relatati mal-coronavirus ġew imblukkati.
  • Meta tirrapporta li ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19 fuq Facebook kellu 3.1 viżitatur f’Marzu u aktar minn 2 miljun f’April, li jfisser tnaqqis ta’ kważi 21.8 miljun viżitatur meta mqabbel ma’ Jannar u Frar.
  • Microsoft tirrapporta tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ viżitaturi tal-esperjenza ta’ Bing COVID-19, jiġifieri 1,795,676 żjara, li jfisser 1,220,020 inqas f’Marzu u April meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Microsoft Advertising tkompli tinforza politiki, li jipprevjenew total ta’ 9,022,800 (+8.200.933) sottomissjonijiet ta’ dawk li jirreklamaw diretti lejn swieq Ewropej, inkluż kontenut relatat mat-tilqim.

Verifika tal-fatti

L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-verifikaturi tal-fatti u lir-riċerkaturi Ewropej dwar id-diżinformazzjoni. L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali li għadu kif ġie stabbilit se jikkontribwixxi għal fehim aktar profond tal-atturi, il-vetturi, l-għodod, il-metodi, id-dinamika tat-tixrid, il-miri prijoritizzati u l-impatt fuq is-soċjetà relatati mad-diżinformazzjoni. L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali għandu l-għan li jsir iċ-ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online. Eżempji oħra ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jindirizzaw l-informazzjoni huma: PROVENANCESocialTruthEUNOMIA u WeVerify.

L-indirizzar ta’ scams tal-konsumaturi online

Il-Kummissjoni taħdem ma’ pjattaformi online li jipparteċipaw fid-djalogu strutturat dwar l-indirizzar ta’ scams tal-konsumatur relatati mal-pandemija tal-coronavirus, flimkien mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni u n-Network ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur huma f’kuntatt regolari mal-11-il pjattaforma online ewlenin: Allegro, Amazon, Alibaba/AliExpress, CDiscount, Ebay, Facebook, Google, Microsoft/Bing, Rakuten, Verizon Media/Yahoo u Wish biex jiddiskutu xejriet u prattiki kummerċjali ġodda marbuta mal-pandemija. B’riżultat ta’ dan, il-pjattaformi online rrappurtaw it-tneħħija ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ offerti u riklami illegali u kkonfermaw tnaqqis kostanti f’listi ġodda ta’ riklami relatati mal-coronavirus.

Fit-2 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar is-Safety Gate, is-sistema ta’ twissija rapida għal prodotti tal-konsumatur perikolużi li tgħin biex prodotti perikolużi mhux għall-ikel jitneħħew mis-suq. Is-sejbiet tar-rapport juru numru rekord ta’ 5,377 azzjoni meħuda mill-awtoritajiet fl-2020, meta mqabbla ma’ 4,477 fl-2019. 9% tas-sejbiet kollha tal-2020 huma dwar prodotti relatati mal-COVID-19 bħal maskri tal-wiċċ ineffiċjenti, diżinfettanti tossiċi u bozoz UV bħala sanitizzaturi.

L-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni u tad-dibattitu demokratiku pluralistiku

L-approċċ tal-UE biex tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni hu bbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-coronavirus ma jistax jintuża bħala skuża biex tiddgħajjef il-libertà tal-espressjoni, titnaqqas ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi jew jiġi limitat bla bżonn l-aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza. Il-kriżi wriet ir-rwol essenzjali tal-ġurnalisti li jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni affidabbli u verifikata li tikkontribwixxi biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-Istati Membri fuq il-liġi u l-valuri tal-UE u se tkompli tagħmel dan sakemm jitneħħew gradwalment il-miżuri kollha.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod sikur, fil-kundizzjonijiet xierqa, u biex jagħmlu l-aħjar użu mir-rispons ekonomiku u l-pakkett ta’ rkupru tal-coronavirus tal-UE biex jappoġġjaw il-media filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza tagħhom.

L-UE se tkompli ssaħħaħ l-appoġġ lis-soċjetà ċivili, il-media indipendenti u l-ġurnalisti fid-dinja kollha u ssaħħaħ l-azzjonijiet biex iżżid il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u jinħoloq ambjent tal-media iktar sikur.

L-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini, is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u ż-żieda fir-reżiljenza soċjetali

L-UE għandha bżonn tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, iżżid l-għarfien u żżid ir-reżiljenza tas-soċjetà.

L-UE se tikkondividi l-aħjar prattiki dwar miżuri għall-bini tar-reżiljenza fil-kuntest tal-coronavirus.

Il-Kummissjoni se tappoġġja u tippromwovi l-proġetti ta’ litteriżmu tal-media, il-ħsieb kritiku u l-ħiliet diġitali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Se ssaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet, in-networks u l-Istati Membri biex jikkondividu materjal ta’ sensibilizzazzjoni u l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli, partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, li jiffaċċjaw riskju akbar li jiġu żgwidati.

Dokumenti

10 ĠUNJU 2020
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI - Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti
Malti
(236.36 KB - HTML)
Iddawnlowdja
10 ĠUNJU 2020
Factsheet: fighting coronavirus disinformation
English
(167.62 KB - PDF)
Iddawnlowdja
26 MEJJU 2021
European Commission Guidance on Strengthening the Code of Practice on Disinformation
English
(273.36 KB - HTML)
Iddawnlowdja