Mur għall-kontenut ewlieni

Prattiki qarrieqa relatati mal-COVID-19

L-Azzjonijiet tan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) dwar kummerċjanti diżonesti matul it-tifqigħa tal-COVID-19.

Ħarsa ġenerali

Dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar l-azzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur rigward il-COVID-19 kontra l-prattiki qarrieqa u inġusti fil-qosor.

3 APRIL 2020
Questions & Answers

Pariri lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti*

Il-konsumaturi għandhom joqogħdu b'seba’ għajnejn meta jixtru online, u l-kummerċjanti għandhom ikunu kompletament konxji mir-regoli. Kif urew verifiki riċenti mwettqa mill-awtoritajiet tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), il-kummerċjanti diżonesti jużaw diversi mezzi biex jattiraw lill-konsumaturi, jeżisti numru sinifikanti ta’ prodotti li b’mod qarrieq jiddikjaraw li jistgħu jfejqu jew jipprevjenu l-infezzjonijiet tal-COVID-19 jew li għandhom ċertifikati ta’ konformità foloz u f’xi każijiet, il-frodaturi jużaw offerti biex jisirqu l-indirizzi tal-email u l-passwords.

Meta l-konsumaturi jiltaqgħu ma’ affermazzjonijiet mhux appoġġjati jew qarrieqa fuq pjattaformi online, għandhom jużaw l-għodod ta’ rappurtar ipprovduti mill-operatur tal-pjattaforma jew jikkuntattjaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC) ippubblika informazzjoni lill-konsumatur relatata mal-COVID-19 u joffri appoġġ lill-konsumaturi. Is-Safety Gate tista’ tgħin tidentifika prodotti perikolużi misjuba fl-UE.

Il-konsumaturi jistgħu jsibu informazzjoni ġenerali minn sorsi awtorevoli li ħafna pjattaformi u operaturi ta’ siti web jillinkjaw mas-siti web tagħhom sabiex jgħinu lill-konsumaturi jidentifikaw informazzjoni jew affermazzjonijiet foloz b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19.

Kif tidentifika prattiki qarrieqa potenzjali meta tixtri online?

Fl-UE, il-kummerċjanti għandhom jipprovdu l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom: il-konsumaturi għandhom jikkunsidraw li jixtru minn xi mkien ieħor jekk ma jsibux din l-informazzjoni b’mod faċli.

Oqgħod attent minn żbalji tal-ortografija bħal “C?V?D?19”, “cor/na?vir?s”: dawn jintużaw ta’ spiss biex jevitaw li jiġu identifikati minn algoritmi tal-operaturi tas-siti web. Aqra l-indirizzi web u t-titli tal-paġni bir-reqqa, u evita li tuża paġni bi żbalji sistematiċi tal-ortografija.

Ftakar li bħalissa ma hemm ebda prova xjentifika li kwalunkwe ikel jew suppliment tal-ikel jista’ jfejjaq jew jipprevjeni l-infezzjonijiet tal-COVID-19.

Il-prodotti għandhom ikunu identifikati b’mod ċar b’deskrizzjonijiet ta’ test preċiż u li jinftiehem: il-konsumaturi għandhom joqgħodu attenti meta jaraw ħafna elementi promozzjonali bħal:

  • slogans li ta’ spiss huma relatati mal-pandemija, eż. “#stay safe”, “stay at home”, “social distancing”;
  • immaġnijiet ta’ virus ħdejn l-immaġni tal-prodott;
  • approvazzjonijiet minn isem jew logo minn:
    • tobba, professjonisti tas-saħħa u esperti oħrajn;
    • artisti, atleti, bloggers jew ċelebritajiet;
    • awtoritajiet tal-gvern, esperti uffiċjali jew istituzzjonijiet internazzjonali;
    • artikli tal-aħbarijiet, reċensjonijiet akkademiċi u kontenut ieħor ippreżentat bħala li ġej minn sorsi awtorevoli;

Il-konsumaturi għandhom jidentifikaw it-tekniki ta’ bejgħ bi pressjoni u jevitaw li jaqgħu fin-nassa, bħal:

  • prodotti riklamati bħala “opportunità unika”
  • affermazzjonijiet li prodott hu “l-unika prodott li joffri protezzjoni effettiva”, “l-unika kitt tal-ittestjar għall-użu fid-dar” jew li qed jinbiegħ “bl-irħas prezz fis-suq”;
  • affermazzjonijiet ta’ skarsezza bħal “disponibbli llum biss” jew “qed jinbiegħ malajr”
  • skonti kbar ħafna.

Il-kundizzjonijiet tas-suq m’għandhomx jiġu ppreżentati b’mod falz:

  • il-konsumaturi għandhom ikunu konxji minn prezzijiet li huma bil-wisq ogħla jew aktar baxxi mill-prezz normali għal prodotti simili;
  • il-konsumaturi għandhom jiċċekkjaw aktar minn sit web wieħed għal fehim tal-prezzijiet medji;
  • u l-konsumaturi għandhom ikunu konxji li f’xi pajjiżi, il-gvernijiet attwalment irregolaw il-prezzijiet għal prodotti b’domanda għolja, bħall-maskri protettivi u/jew il-ġell idroalkoħoliku.

*Aġġornat fis-26 ta’ Mejju 2020 wara r-riżultati tal-iskrinjar (“indaġni”) ta’ pjattaformi u riklami online mniedi fit-30 ta’ April 2020.

Pożizzjoni Komuni

Hekk kif il-virus qed jinfirex fl-UE kollha, xi kummerċjanti diżonesti qed jirreklamaw u jbigħu prodotti, bħal maskri protettivi, brieret u sanitizzaturi tal-idejn lill-konsumaturi, li allegatament jipprevjenu jew jikkuraw infezzjoni. Hu fl-interess ġenerali li jiġi ggarantit ambjent online sikur fejn il-konsumaturi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ dan il-mument diffiċli kkawżat mill-kriżi attwali, iħossuhom protetti sew kontra kwalunkwe prattika illegali li potenzjalment tqiegħed is-saħħa tagħhom f’riskju.

Fl-20 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (CPC) tal-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, ħarġu Pożizzjoni Komuni tas-CPC dwar il-COVID19 dwar il-prattiki qarrieqa u inġusti l-aktar irrapportati f’dan il-kuntest. L-objettiv hu li titlob u tgħin lill-operaturi ta’ pjattaformi online jidentifikaw aħjar prattiki illegali ta’ dan it-tip, ineħħuhom u jipprevjenu oħrajn simili milli jerġgħu jitfaċċaw.

20 MARZU 2020
CPC common position COVID19

Ittri mibgħuta lill-pjattaformi online

Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Kummissarju għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi Didier Reynders kiteb lil numru ta’ pjattaformi, media soċjali, magni tat-tiftix u postijiet tas-suq online biex jitlob il-kooperazzjoni tagħhom biex ineħħu l-prattiki qarrieqa mill-pjattaformi tagħhom, skont il-pożizzjoni komuni approvata min-network tas-CPC. Il-pjattaformi wieġbu għas-sejħa tiegħu għall-kooperazzjoni u l-Kummissarju Reynders jilqa' l-approċċ pożittiv tagħhom. Il-Kummissjoni u l-pjattaformi jkomplu bl-iskambji ta’ informazzjoni fuq bażi regolari. Tista’ ssib it-tweġibiet tagħhom hawn taħt. 

3 APRIL 2020
Covid 19 - Scams - Letter to Platforms (March 2020)
29 APRIL 2020
Covid 19 - Scams - Letter to Platforms (April 2020)

Tweġibiet mill-pjattaformi online, inklużi l-miżuri meħuda

3 APRIL 2020
Summary of the platforms’ measures

Skrinjar (“indaġni”) tal-pjattaformi online u tar-reklami

Fit-30 ta’ April 2020, in-network tas-CPC, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, nieda skrinjar wiesa’ (“indaġni”) ta’ prodotti relatati mal-coronavirus riklamati fuq siti web u pjattaformi online. Aktar dettalji dwar l-indaġni tinsab fid-dokument sommarju hawn taħt. Is-sejbiet ewlenin juru li l-kummerċjanti diżonesti qed ikomplu jqarrqu bil-konsumaturi b’varjetà ta’ prattiki illegali iżda li l-pjattaformi online qed jieħdu miżuri biex jindirizzaw dan. Il-Kummissjoni se tkompli żżomm lill-konsumaturi infurmati kull meta neċessarju b’pariri aġġornati lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti.

L-indaġni ta’ livell għoli għall-għarrieda ta’ pjattaformi online kienet ripetuta min-network tas-CPC f’Ġunju u l-aħħar riżultati tagħha juru li l-awtoritajiet tas-CPC, f’numru ta’ każijiet, xorta waħda sabu numru sinifikanti ta’ offerti u reklami potenzjalment qarrieqa relatati mal-COVID-19 fuq il-pjattaformi. Filwaqt li r-rapporti mill-operaturi ewlenin tal-pjattaforma jissuġġerixxu li n-numru ta’ offerti bħal dawn naqas, l-awtoritajiet tas-CPC ikomplu d-djalogu mill-qrib ma’ dawn il-pjattaformi online u jibqgħu viġilanti. 

29 APRIL 2020
CPC sweep on COVID-19 related consumer scams and unfair marketing

Kuntest

Id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (UCPD) tipprojbixxi prattiki kummerċjali li jqarrqu lill-konsumaturi dwar il-benefiċċji jew ir-riżultati mistennija mill-użu ta’ prodott; jew meta kummerċjant jiddikjara li prodott jista’ jikkura marda jew li l-prodott huwa disponibbli biss għal żmien limitat ħafna meta dan ma jkunx minnu. Meta kummerċjant jiddikjara li l-prodott tiegħu jista’ jikkura marda, irid ikun lest li jipprovdi l-evidenza rilevanti dwar l-eżattezza ta’ tali dikjarazzjoni. Skont ir-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali skont il-UCPD u d-Direttiva 2000/31/KE, l-operaturi ta’ pjattaformi li huma attivi fl-UE għandhom jieħdu miżuri korrettivi xierqa kull meta jsiru jafu b’xi attività illegali li sseħħ fuq is-siti web tagħhom. In-network tas-CPC, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, jinvestiga l-ksur potenzjali ta’ dawn ir-regoli u jieħu l-miżuri ta’ infurzar koordinati neċessarji.