Mur għall-kontenut ewlieni
Two workers outside of a factory
©christian42/AdobeStock
Azzjoni tal-UE biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija

L-aggressjoni militari mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-użu mir-Russja tal-provvisti tal-gass bħala arma pprovokaw kriżi tal-enerġija bla preċedent għall-UE. Dawn ikkawżaw żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u ħolqu tbatija għall-Ewropej. L-UE qed tieħu azzjoni b’saħħitha biex tindirizza dan.

X’għamlet l-UE biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija

  • AUSTRIA BAUMGARTEN GAS CONNECT - Man riding a bike through gas plant

    Il-Kummissjoni ilha din l-aħħar sena tindirizza l-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-użu tar-Russja tar-riżorsi tal-enerġija bħala arma, is-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija marret għall-agħar b’mod konsiderevoli.

    Minkejja t-tnaqqis sinifikanti fil-provvisti tal-enerġija Russi – minn 45% tal-importazzjonijiet tagħna tal-gass is-sena l-oħra, għal 14% biss f’Settembru 2022 – l-Ewropa rnexxielha ssib provvisti alternattivi u naqqset id-domanda tagħha biex tikkumpensa għan-nuqqas.

Ħadna wkoll miżuri biex intaffu l-volatilità tas-suq, u biex ngħinu liċ-ċittadini u lin-negozji billi nidderieġu mill-ġdid id-dħul eċċessiv tas-settur tal-enerġija lejhom.

  • alt=""

    Bis-saħħa tal-Għodda tal-Prezzijiet tal-Enerġija, l-Istati Membri implimentaw ħafna miżuri fil-livell nazzjonali biex itaffu l-pressjoni tal-prezzijiet fuq iċ-ċittadini u l-industrija. F’Mejju, adottajna l-Pjan REPowerEU biex intemmu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi mill-aktar fis possibbli.

  • alt=""

    Biex niżguraw is-sigurtà tal-provvista għax-xtiewi li ġejjin, implimentajna obbligi minimi ġodda għall-ħżin tal-gass u mira ta’ tnaqqis fid-domanda tal-gass ta’ 15% biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fl-Ewropa. L-isforzi biex tiġi ffrankata l-enerġija u jimtela l-ħżin s’issa taw riżultati tajbin.

  • alt=""

    F’Settembru 2022, ġew adottati miżuri ġodda biex inaqqsu d-domanda għall-elettriku u jużaw l-eċċessi tal-enerġija għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-industrija. 

  • alt=""

    Fit-18 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni pproponiet miżuri ġodda għax-xiri konġunt tal-gass, il-mekkaniżmi li jillimitaw il-prezzijiet, u l-użu trasparenti tal-infrastruttura, kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-ġestjoni tad-domanda. Dan se jipprovdi aktar stabbiltà lis-suq.

Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn www.flaticon.com

Fiġuri ewlenin

5%
obbligu għat-tnaqqis tad-domanda għall-elettriku matul is-sigħat tal-ogħla prezz
15%
mira għat-tnaqqis tad-domanda tal-gass
92 %
livell ta’ ħżin tal-gass fl-UE

Diversfikazzjoni tal-provvisti tagħna

L-UE ilha diversi xhur taħdem ma’ sħab internazzjonali biex tiddiversifika l-provvisti, u żgurat livelli rekord ta’ importazzjoni ta’ gass naturali likwifikat (LNG) u konsenji akbar ta’ gass mill-pipeline. 

Kisbiet

  • Memorandum ta’ Qbil trilaterali ffirmat bejn l-UE, l-Eġittu u l-Iżrael għall-esportazzjoni tal-gass naturali lejn l-Ewropa
  • Memorandum ta’ Qbil mal-Ażerbajġan dwar Sħubija strateġika fil-qasam tal-enerġija
  • L-impenn tal-Istati Uniti li jipprovdi lill-UE b’mill-inqas 15-il biljun metru kubu addizzjonali ta’ LNG din is-sena
  • Fl-ewwel nofs tal-2022, l-importazzjonijiet tal-LNG mhux Russi żdiedu b’19-il biljun metru kubu (bcm) meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Anki l-importazzjonijiet mill-pipelines mhux Russi żdiedu b’14-il bcm min-Norveġja, l-Ażerbajġan, ir-Renju Unit u l-Afrika ta’ Fuq

Tnaqqis fid-domanda

Barra minn hekk, il-Pjan jinkludi l-possibbiltà li jiġi ddikjarat stat ta’ twissija tal-UE li jwassal għal tnaqqis obbligatorju fil-konsum tal-gass fl-Istati Membri kollha. Dan huwa sinjal qawwi li l-UE se tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tagħha u tipproteġi lill-konsumaturi tagħha.

Kisbiet

  • Tnaqqis fil-konsum tal-gass tagħna b’madwar 15%
  • Il-provvisti tal-gass Russi naqsu minn 40% għal 9% tal-gass mill-pipeline

Il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib il-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda. Analiżi preliminari abbażi tar-rappurtar minn 15-il Stat Membru turi li f’Awwissu u f’Settembru 2022 il-konsum tal-gass tal-UE kien 15% inqas mill-medja tal-5 snin preċedenti. Se jkunu meħtieġa sforzi simili kull xahar sa Marzu 2023. L-Istati Membri se jirrappurtaw kull xahrejn dwar il-progress tagħhom. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tiskatta t-Twissija tal-UE jew tirrevedi tali miri jekk il-miżuri attwali ma jkunux biżżejjed.

Regoli ġodda dwar il-ħżin tal-gass

Il-ħżin tal-gass għandu rwol importanti x’jaqdi biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-UE, u jkopri, f’xitwa normali, 25-30% tal-gass ikkunsmat fl-UE.

Minn Ġunju 2022, hemm leġiżlazzjoni ġdida li tirrikjedi li l-ħżin tal-gass taħt l-art tal-UE jimtela sa 80% tal-kapaċità sal-1 ta’ Novembru 2022 – u sa 90% fis-snin ta’ wara - biex tiġi żgurata l-provvista għax-xitwa li ġejja.

Ara l-aħħar ċifri.

Kisbiet

  • Il-ħżin tal-gass fl-UE issa hu ta’ aktar minn 90%. Fi Frar 2022 kien 30%, u minn dak iż-żmien ħdimna mal-pajjiżi tal-UE biex inżidu r-riżervi tal-enerġija tal-Ewropa

Xiri ta’ enerġija flimkien

Tnaqqis tal-kontijiet għall-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej

L-ewwel rispons biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin huwa li titnaqqas id-domanda. Dan jista’ jkollu impatt fuq il-prezzijiet tal-elettriku u miegħu jġib effett kumplessiv ta’ kalma fis-suq. Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri qablu dwar;

  • mira għat-tnaqqis fid-domanda kumplessiva tal-elettriku b’mill-inqas 10%
  • obbligu ta’ tnaqqis fid-domanda matul is-sigħat bl-ogħla prezz b’mill-inqas 5%

Billi nnaqqsu d-domanda għall-elettriku b’5% matul is-sigħat bl-ogħla prezz, innaqqsu l-użu tal-gass għall-enerġija b’madwar 4% matul ix-xitwa u nnaqqsu l-pressjoni fuq il-prezzijiet.

Limitu fuq id-dħul għall-ġenerazzjoni tal-enerġija bi prezz baxx

Il-produtturi tal-elettriku “inframarġinali” qed jagħmlu profitti eċċezzjonali peress li l-prezzijiet għoljin tal-gass għollew il-prezz tal-elettriku bl-ingrossa, filwaqt li l-kostijiet tal-ġenerazzjoni tagħhom baqgħu baxxi. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet limitu massimu temporanju fuq id-dħul tal-UE ta’ €180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott minn dawk it-teknoloġiji: nukleari, linjite u sorsi rinnovabbli, fost l-oħrajn.
Kwalunkwe dħul ’il fuq minn dan il-livell se jinġabar mill-Istati Membri u jiġi ridirett lejn il-konsumaturi tal-enerġija biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija.

Kontribuzzjoni ta’ solidarjetà mill-kumpaniji tal-fjuwils fossili

Il-kumpaniji taż-żejt, tal-gass, tal-faħam u tar-raffineriji għamlu wkoll profitti kbar f’dawn l-aħħar xhur, l-aktar minħabba t-tfixkil fis-suq tal-enerġija xprunat mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, aktar milli minħabba deċiżjonijiet jew investimenti kummerċjali. Dawn il-kumpaniji mhumiex affettwati mill-miżuri msemmija hawn fuq. Fl-interess tas-solidarjetà u l-ġustizzja, is-sorsi kollha tal-enerġija jridu jgħinu biex jittaffa l-impatt li kellhom il-prezzijiet għoljin fuq il-kontijiet tal-konsumatur. Biex tikseb dan, il-Kummissjoni pproponiet kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq il-profitti surplus iġġenerati minn attivitajiet fis-setturi tal-fjuwils fossili fl-2022.

Tisħiħ tas-solidarjetà tal-UE

Is-solidarjetà hija l-pedament tal-Unjoni, u tirfed l-effiċjenza tal-azzjoni tagħha. Ħames snin wara li ntlaħaq qbil dwar ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista, ġew iffirmati biss 6 ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, mill-40 possibbli. Dan huwa bil-mod wisq, u l-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi regoli prestabbiliti dwar is-solidarjetà, li se jiżguraw li Stat Membru li jkun qed jiffaċċja emerġenza jirċievi l-gass mill-oħrajn bi skambju għal kumpens ġust.

L-obbligu li tiġi pprovduta solidarjetà se jiġi estiż għall-Istati Membri mhux konnessi li għandhom faċilitajiet tal-LNG diment li l-gass ikun jista’ jiġi ttrasportat lejn l-Istat Membru fejn ikun meħtieġ.

Investiment fl-infrastruttura

Kisbiet

Appoġġ lill-unitajiet domestiċi u n-negozji: Eżempji reċenti

  • Il-Kummissjoni approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, skema Pollakka biex tikkumpensa parzjalment lill-kumpaniji intensivi fl-enerġija għal prezzijiet ogħla tal-elettriku li jirriżultaw minn kostijiet indiretti tal-emissjonijiet.
  • Il-Kummissjoni approvat miżura Spanjola ta’ €220 miljun biex tappoġġja lil Cobra Instalaciones y Servicios, S.A. fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. Il-miżura tikkontribwixxi għall-kisba tal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu u l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika f’konformità mal-Pjan REPowerEU.
  • Il-Kummissjoni approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, mekkaniżmu ta’ kapaċità Finlandiż ta’ €150 miljun biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-Finlandja. Il-miżura se tgħin ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-elettriku, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku tal-UE, u se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pjan REPowerEU biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi.

Azzjonijiet ta’ ffrankar tal-enerġija: kif tista’ tikkontribwixxi

Azzjonijiet ta’ ffrankar tal-enerġija - skeda taż-żmien

  1. 22 ta' Novembru 2022

    Il-Kummissjoni tipproponi strument ġdid biex tillimita ż-żidiet qawwija u eċċessivi fil-prezzijiet tal-gass

  2. 30 ta' Settembru 2022

    Ftehim tal-Ministri tal-Enerġija fuq ir-Regolament dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija

  3. 14 ta' Settembru 2022

    Proposta għal regolament ġdid ta’ emerġenza biex jindirizza l-prezzijiet għoljin tal-gass fl-UE u jiżgura s-sigurtà tal-provvista matul din ix-xitwa.

  4. 26 ta' Lulju 2022

    Ftehim tal-Ministri tal-Enerġija fuq ir-Regolament dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass

  5. 20 ta' Lulju 2022

    Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass u Komunikazzjoni “Insalvaw il-gass għal xitwa sikura”

  6. 27 ta' Ġunju 2022

    Adozzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass

  7. 18 ta' Mejju 2022

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-Pjan REPowerEU

  8. 23 ta' Marzu 2022

    Proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u Komunikazzjoni “Sigurtà tal-provvista u prezz affordabbli tal-enerġija”

  9. 8 ta' Marzu 2022

    Komunikazzjoni “REPowerEU”: Azzjoni konġunta tal-UE għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli”

  10. 13 ta' Ottubru 2021

    Il-Komunikazzjoni “L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta' għodod għall-azzjoni u l-appoġġ”

Dokumenti

 

  • 18 OTTUBRU 2022
Factsheet on EU’s response to the high energy prices and security of supply

 

  • 18 OTTUBRU 2022
Factsheet - Energy Emergency: preparing, purchasing and protecting the EU together

 

  • 14 SETTEMBRU 2022
Emergency Intervention

 

  • 18 MEJJU 2022
Factsheet on the International Energy Strategy

 

  • 18 MEJJU 2022
Factsheet on Energy Savings

 

  • 18 MEJJU 2022
Factsheet on Clean Energy

 

  • 13 OTTUBRU 2021
Tackling rising energy prices: A toolbox for action and support

 

  • 18 OTTUBRU 2022
EU Energy Market and Energy Prices