Il-liġi primarja: it-Trattati tal-UE
Kull azzjoni li tieħu l-UE hija bbażata fuq it-trattati. Dawn il-ftehimiet, li jintrabtu bihom l-Istati Membri tal-UE, u li b’mod partikolari huma t-Trattat ta’ Ruma u t-Trattat ta’ Maastricht, jistabbilixxu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli li jridu jimxu bihom l-istituzzjonijiet tal-UE, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, u r-relazzjoni bejn l-UE u l-membri tagħha.
It-trattati huma l-punt tat-tluq tal-liġi tal-UE u għalhekk jissejħu l-liġi primarja. L-UE tista’ tgħaddi l-liġijiet biss fl-oqsma ta’ politika fejn l-Istati Membri jkunu awtorizzawha tagħmel dan permezz tat-trattati tal-UE. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi.
L-Istati Membri kollha jinnegozjaw it-Trattati tal-UE bejniethom u jilħqu qbil fuqhom, biex imbagħad jirratifikawhom fil-parlamenti tagħhom, ġieli wara referendum. Maż-żmien, it-trattati tal-UE ġew emendati biex jilqgħu stati membri ġodda, jirriformaw l-istituzzjonijiet tal-UE u biex jagħtu lill-UE oqsma ġodda ta’ responsabbiltà.
Leġiżlazzjoni sekondarja: atti legali
Il-corpus ta’ liġijiet li jiġi mill-prinċipji u l-għanijiet tat-trattati hu magħruf bħala l-liġi sekondarja. Dawn jinkludu atti legali vinkolanti u mhux vinkolanti.
Atti legali vinkolanti
L-atti leġali vinkolanti huma deċiżjonijiet li jiġu adottati skont waħda mill-proċeduri leġiżlattivi stipulati fit-trattati tal-UE (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali). Dawn l-atti huma regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet.
Atti legali mhux vinkolanti
Atti leġali mhux vinkolanti huma deċiżjonijiet li ma jiġux adottati bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali, iżda b’regoli speċifiċi. Dawn huma rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.
Atti delegati u ta’ implimentazzjoni
F’ċerti ċirkostanzi l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati jew ta’ implimentazzjoni.
L-atti delegati huma atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali adottati mill-Kummissjoni, li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Is-setgħa li jiġu adottati tali atti hija soġġetta għal limiti stretti:
- l-elementi essenzjali tal-liġi ma jistgħux jinbidlu
- l-att leġiżlattiv għandu jiddefinixxi l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta' żmien tad-delega tas-setgħa
- il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega ta’ espressjoni ta’ oġġezzjonijiet għall-att delegat
L-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni (jew eċċezzjonalment mill-Kunsill) f’oqsma fejn huma meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni (bħat-tassazzjoni, l-agrikoltura, is-suq intern, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel eċċ.).