Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Miżuri kontra l-frodi tal-UE

Ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti ewlenin għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE: l-OLAF, l-uffiċċju li jinvestiga l-frodi u l-irregolaritajiet possibbli, u l-EDES, is-sistema li tidentifika u tikkastiga operaturi ekonomiċi mhux affidabbli.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

L-użu mhux xieraq tal-fondi pprovduti mill-baġit tal-UE jew l-evażjoni tat-taxxi, id-dazji u l-imposti, li jiffinanzjaw il-baġit tal-UE, jagħmlu ħsara diretta liċ-ċittadini Ewropej. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jinvestiga l-frodi fil-baġit tal-UE, il-korruzzjoni u l-imġiba ħażina serja fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, u jiżviluppa politika kontra l-frodi.

L-OLAF jagħmel parti mill-Kummissjoni Ewropea, iżda għandu indipendenza operazzjonali. Huwa jirċievi informazzjoni dwar frodi u irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, u jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, il-korruzzjoni u reati oħra li jikkonċernaw:

  • in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji prinċipali ta’ nefqa huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
  • xi oqsma ta’ dħul tal-UE, l-aktar id-dazji tad-dwana;
  • is-suspetti ta’ mġiba ħażina serja mill-persunal tal-UE u minn membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE.

Irrapporta frodi

Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES)

Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni hija s-sistema stabbilita mill-Kummissjoni fl-2016 biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba.

Hi tieħu post is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u l-Bażi tad-Data Ċentrali dwar l-Esklużjoni. Ir-regoli tal-EDES huma applikabbli għall-kuntratti, l-għotjiet, il-ftehimiet, il-premjijiet, l-istrumenti finanzjarji u l-esperti remunerati kollha, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni indiretta.

L-għan tagħha huwa li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi mhux affidabbli billi tidentifikahom u teskludihom milli jirċievu fondi, u billi timponi penali finanzjarji fuqhom. Ir-raġunijiet għall-esklużjoni jikkonċernaw:

  • sitwazzjonijiet ta’ falliment u insolvenza
  • nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
  • kondotta professjonali ħażina serja
  • frodi, korruzzjoni, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali eċċ.
  • ksur serju tal-kuntratt
  • irregolarità
  • entitajiet maħluqa bl-intenzjoni li jevitaw obbligi fiskali, soċjali jew obbligi legali oħra (ħolqien ta’ kumpaniji fittizji).

Il-bażi tad-data tal-EDES hija stabbilita u operata mill-Kummissjoni, u l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni bikrija jew l-esklużjoni u/jew il-penali finanzjarja hija pprovduta mill-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi tagħha, istituzzjonijiet oħra, korpi jew uffiċċji Ewropej.

The list of operators excluded from access to EU funding or subject to financial penalty and the workings and legal basis of the EDES system.