Il-bidliet fil-klima, iż-żieda fil-pass tat-teknoloġiji, jew il-bidliet ġeopolitiċi, huma kollha eżempji ta’ xejriet li għandhom effett profond fuq il-ħajja tal-Ewropej. Dawn it-trasformazzjonijiet qed iseħħu fil-livelli kollha, mill-politika lokali sal-istrutturi tal-poter globali. Biex tantiċipa u tħejji għal dawk il-bidliet u tappoġġja t-tranżizzjonijiet lejn Ewropa ekoloġika, diġitali u aktar ġusta, il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-kultura ta’ tħejjija tagħha u t-tfassil ta’ politika antiċipatorja bbażata fuq l-evidenza. Hu għalhekk li l-Kummissjoni tinvesti fi sforzi biex tinkorpora l-prospettiva strateġika fil-ħidma tagħha.
![foresight-strategic-planning.jpg](https://commission.europa.eu/sites/default/files/styles/oe_theme_medium_no_crop/public/2020-08/foresight-strategic-planning.jpg?itok=MG3dX8jo)
X’inhi l-prospettiva strateġika?
Il-prospettiva hi d-dixxiplina tal-esplorazzjoni u l-antiċipazzjoni ta’ żviluppi possibbli futuri biex jissawwar il-futur preferibbli. Biex tagħmel dan, hi tuża l-intelliġenza kollettiva b’mod strutturat u sistemiku. Min-naħa l-oħra, il-prospettiva strateġika tfittex li tinkorpora għarfien futur fit-tfassil tal-politika, l-ippjanar strateġiku u t-tħejjija tal-Unjoni Ewropea. Dan jgħin lill-UE tħejji u tantiċipa xokkijiet u opportunitajiet futuri, u ssawwar il-futur li rridu.
Il-Prospettiva strateġika mhix dwar kif jitbassar il-futur; tesplora futuri differenti possibbli, flimkien mal-opportunitajiet u l-isfidi li dawn jistgħu jippreżentaw. Fl-aħħar mill-aħħar, tgħin lil dawk li jfasslu l-politika biex jaġixxu fil-preżent biex isawru l-futur.
Atturi ewlenin
Fil-livell politiku, il-prospettiva strateġika taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju għall-Ekwità Interġenerazzjonali, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport. Is-Segretarjat Ġenerali u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jmexxu l-implimentazzjoni tal-mandat (dan tal-aħħar juża l-kapaċitajiet ta’ prospettiva interni tiegħu). In-Network ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni jiżgura koordinazzjoni tal-politika fit-tul bejn id-Direttorati Ġenerali kollha. Il-Kummissjoni se tibni kooperazzjoni u alleanzi ta’ prospettiva ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, l-aktar fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS). Hi taħdem ukoll ma’ sħab internazzjonali, u tiżviluppa sħubijiet li jibbażaw fuq il-kapaċitajiet ta’ prospettiva pubblika tal-Istati Membri permezz tan-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha.
Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika
Il-Kummissjoni tipproduċi Rapport annwali ta’ Prospettiva Strateġika, li jinforma lill-Programmi ta’ Ħidma tal-Kummissjoni u lill-eżerċizzji ta’ programmazzjoni pluriennali. Dan l-eżerċizzju jitwettaq permezz ta’ proċess ta’ prospettiva parteċipattiv u transsettorjali, immexxi mis-servizzi tal-Kummissjoni f’konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, diskussjoni mas-sħab tal-ESPAS u partijiet ikkonċernati esterni.
Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2023, “Is-sostenibbiltà u l-benesseri fil-qalba tal-Awtonomija Strateġika Miftuħa tal-Ewropa” jixħet dawl fuq l-aktar sfidi soċjali u ekonomiċi rilevanti u interkonnessi li l-UE se tiltaqa’ magħhom fit-triq tagħha lejn is-sostenibbiltà. Abbażi ta’ dan, tipproponi għaxar oqsma fejn l-UE teħtieġ tieħu azzjoni biex tinnaviga t-tranżizzjoni b’suċċess. Fl-aħħar mill-aħħar dan għandu jsaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa u l-pożizzjoni globali fit-tellieqa lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti.
Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2023
Ir-Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2022: “Il-ġemellaġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid”, jiffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tranżizzjoni doppja tal-Ewropa, filwaqt li jqis ukoll ix-xenarju ġeopolitiku ta’ tfixkil u li qed jinbidel li fih qed iseħħu dawn it-tranżizzjonijiet. Hu jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom it-teknoloġiji diġitali fil-ħames setturi strateġiċi u l-aktar emittenti ta’ gassijiet serra tal-Ewropa: l-enerġija, it-trasport, l-industrija, il-kostruzzjoni u l-agrikoltura. Hu jiddeskrivi wkoll 10 oqsma ta’ azzjoni ewlenin biex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn iż-żewġ tranżizzjonijiet lejn l-2050.
Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2022
Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021, “Il-kapaċità u l-libertà tal-UE li taġixxi”, jippreżenta perspettiva li tħares ’il quddiem u multidixxiplinari dwar tendenzi importanti li se jaffettwaw lill-UE lejn l-2050, inklużi: it-tibdil fil-klima u sfidi oħrajn, it-trasformazzjonijiet teknoloġiċi, il-pressjoni fuq id-demokrazija u l-valuri, kif ukoll bidliet fl-ordni globali u d-demografija. Hu identifika wkoll 10 oqsma fejn l-UE tista’ ssaħħaħ il-kapaċità u l-libertà tagħha li taġixxi.
Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021
Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2020, “Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti” iddiskuta l-ewwel tagħlimiet strutturali meħudin mill-kriżi tal-COVID-19, u spjega kif il-prospettiva tista’ tgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul tal-Ewropa f’era ta’ bidla fundamentali u rapida. Dan għamlu billi analizza r-reżiljenza tal-UE f’erba’ dimensjonijiet: soċjali u ekonomika, ġeopolitika, ekoloġika u diġitali. Ir-rapport introduċa dashboards tar-reżiljenza li jaġixxu bħala għodod ta’ monitoraġġ għal dawk li jfasslu l-politiki.
Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2020
Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha
It-tnedija ta’ Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha tħabbret fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni tal-2020. L-objettiv tiegħu hu li jiġu żviluppati sinerġiji li jibnu fuq il-kapaċitajiet ta’ prospettiva tal-amministrazzjoni pubblika, billi jiġbru flimkien l-għarfien espert tal-intelliġenza u tal-prospettiva mill-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni Ewropea għal skambji strateġiċi u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jħarsu ’l quddiem rilevanti għall-Ewropa.
In-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha għandu żewġ livelli. Il-“Ministri għall-Futur” magħżulin minn kull Stat Membru, jiltaqgħu b’mod informali mill-anqas darba fis-sena. Huma jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin ta’ rilevanza għall-futur tal-Ewropa.
Il-ħidma tal-Ministri għall-Futur hi appoġġjata minn network ta’ uffiċjali għolja mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, li jiltaqgħu mill-anqas darbtejn fis-sena biex iħejju l-laqgħat ministerjali, jieħdu kont tas-segwitu tal-konklużjonijiet tagħhom u jikkooperaw fi gruppi ta’ ħidma tematiċi.
Appoġġ għat-tfassil tal-politika tal-UE
Il-Prospettiva strateġika tgħin ittejjeb it-tfassil tal-politika, l-iżvilupp ta’ strateġiji li jibqgħu validi għall-futur u tiżgura li l-azzjonijiet fuq terminu qasir ikunu koerenti mal-objettivi fit-tul bl-użu ta’ numru ta’ tekniki differenti, inklużi:
Analiżi tal-prospettivi: analiżi sistematika u ġabra ta’ avvenimenti u tendenzi, bl-output ikun xenarju tal-futur jew immappjar viżwali ta’ sinjali ġodda ta’ bidla
Analiżi tal-megatendenzi: analiżi u diskussjoni ta’ ċaqliq fit-tendenzi u interazzjoni tat-tendenzi, bl-output ikun il-ħolqien ta’ storja tal-futur (waħda) u pjan ta’ azzjoni
Ippjanar tax-xenarju: proċess interattiv u iterattiv, li jinvolvi intervisti, analiżi u mmudellar, bl-output ikun il-ħolqien ta’ sett ta’ stejjer ta’ futuri plawżibbli, jogħġbuniex jew le, u kif dawn jistgħu jseħħu
Ivviżjonar: identifikazzjoni ta’ direzzjoni ppreferuta, bl-output ikun fehim kondiviż u deskrizzjoni espliċita tal-futur preferut u pjan direzzjonali fuq terminu medju li jagħti dettalji dwar azzjonijiet speċifiċi biex isir progress lejn il-viżjoni
Il-prospettiva strateġika tiggwida lill-Kummissjoni fil-kisba ta’ prijoritajiet strateġiċi billi:
- Twettaq eżerċizzji ta’ prospettiva dwar kwistjonijiet li jħarsu ’l quddiem biex jiġu esplorati modi kif jinkisbu l-aspirazzjonijiet imsemmija fil-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, jiġu analizzati t-tendenzi, ir-riskji u l-kwistjonijiet emerġenti ewlenin u jiġu definiti suġġetti ta’ interess għall-UE. Dawn l-eżerċizzji jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika annwali jew l-użu tax-xenarji ta’ prospettiva ta’ referenza.
- Appoġġ għall-"Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni. L-inizjattivi ta’ politika ewlenin għandhom ikunu infurmati minn prospettiva strateġika, li tiżgura li l-politiki tal-UE jkunu bbażati fuq fehim ċar ta’ tendenzi futuri u kwistjonijiet emerġenti, xenarji possibbli u sfidi u opportunitajiet relatati. Pereżempju, il-Kummissjoni żviluppat xenarji ta’ prospettiva li jippreżentaw subset ta’ futuri possibbli fl-2040 biex jinfurmaw direttament il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali.
- L-appoġġ għall-ħsieb futur fost dawk li jfasslu l-politika u l-ispirazzjoni ta’ strateġiji fit-tul dwar kwistjonijiet ta’ politika ewlenin permezz ta’ ħidma ddedikata fuq diversi suġġetti, bħar-Rwoli professjonali futuri tal-Bdiewa sal-2040, il-futur tad-Dwana fl-UE u l-Futur tal-Impjiegi huwa Ekoloġiku.
- Tinforma rieżamijiet taħt il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni, li jidentifika opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż regolatorju tal-Ewropa, u jinforma l-valutazzjoni dwar jekk il-liġijiet eżistenti tal-UE għadhomx “adatti għall-futur”.
Il-passi li jmiss
- It-tisħiħ ta’ kooperazzjoni fi ħdan in-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha, biex tinbena kapaċità ta’ prospettiva fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fl-UE kollha.
- L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni u r-riflessjoni dwar l-inizjattivi futuri.
- Ħidma ma’ Istituzzjonijiet oħrajn tal-UE taħt is-Sistema Ewropea ta’ Analiżi Strateġika u Politika (ESPAS).
Kuntatt
Għal kwalunkwe mistoqsija, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq SG-FORESIGHT@ec.europa.eu; JRC-FORESIGHT@ec.europa.eu