Mur għall-kontenut ewlieni

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-protezzjoni tad-<i>data</i>

5 prinċipji ewlenin ta’ reklamar ġust għat-tfal

In-Network tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), approva 5 prinċipji ewlenin ta’ reklamar ġust għat-tfal li ġew stabbiliti mir-rappreżentanti kemm mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll minn dawk tal-protezzjoni tad-data waqt is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

Waqt it-tfassil tat-tekniki tar-reklamar u tal-marketing tagħhom, in-negozjanti għandhom iqisu dawn il-prinċipji biex jipproteġu aħjar lit-tfal:

  • Meta jitfasslu tekniki tar-reklamar u tal-marketing li x’aktarx jarawhom it-tfal għandhom jitqiesu vulnerabbiltajiet speċifiċi tat-tfal. 
    - (Online) Il-fornituri ta' servizzi m’għandhomx ifasslu jew joperaw l-interface tagħhom b’mod li jqarraq bit-tfal jew jinfluwenzahom b’mod mhux xieraq biex jieħdu azzjoni partikolari.
    - Ċerti tekniki tal-marketing, eż. marketing personalizzat, jista’ jkun li ma jkunx xieraq li jintuża minħabba l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tat-tfal.
  • Il-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal minħabba l-età tagħhom jew il-fatt li jemmnu kollox m’għandhiex tiġi sfruttata.
  • Meta kontenut ġenerali tal-marketing ikun indirizzat lit-tfal jew x’aktarx li jarawh it-tfal, il-fini tal-marketing għandu jkun indikat b’mod li jkun xieraq u ċar għat-tfal. 
  • It-tfal m’għandhomx ikunu fil-mira, imħajra jew b’xi mod jew ieħor imħeġġa jixtru kontenut fl-app jew fil-logħba, u l-logħob kummerċjalizzat bla ħlas m’għandux jirrikjedi x-xiri fl-app jew fil-logħba biex wieħed ikun jista’ jilagħbu b’mod sodisfaċenti. 
  • M’għandux ikun hemm it-tfassil ta' profili tat-tfal għal finijiet ta’ reklamar.

Dawn il-5 prinċipji huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tad-data, inkluż, fejn applikabbli, ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw jew jeżegwixxu dawk ir-regoli. Id-deċiżjoni dwar il-legalità ta’ prattiki kummerċjali, operazzjonijiet ta’ pproċessar, eċċ... skont il-leġiżlazzjoni applikabbli hu dejjem biss għall-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati u dawn il-prinċipji għalhekk, bl-ebda mod ma jorbtu lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-Kummissjoni Ewropea, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew kwalunkwe entità oħra kompetenti taħt il-qafas legali applikabbli.

Sfond

Peress li mudelli ta’ negozju diġitali qegħdin dejjem iktar iserrħu fuq l-użu tad-data personali għal finijiet kummerċjali, l-infurzaturi tal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tal-UE jridu jikkooperaw b'mod effettiv biex jiżguraw parir koerenti lin-negozji u jridu jappoġġjaw il-ħidma ta’ infurzar b’mod reċiproku skont il-qafas legali rispettiv. 

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mas-Segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), torganizza b'mod regolari sessjonijiet ta’ ħidma konġunti biex jiġu diskussi każijiet ta’ interess komuni kemm għall-infurzaturi tal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll dawk tad-data u biex tkompli ssaħħaħ l-iskambju u l-kooperazzjoni bejniethom. 

Biex din il-kooperazzjoni ssir aktar profonda, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi u dawk għall-protezzjoni tad-data, f’Lulju 2020, iddeċidew li jistabbilixxu “grupp ta’ voluntiera fost l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi u dawk għall-protezzjoni tad-data” biex jippromwovi l-iskambju u jistabbilixxi l-aħjar prattika kif ukoll esperjenzi ta’ infurzar kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak tal-UE.

Il-5 prinċipji ewlenin ta’ reklamar ġust għat-tfal, stabbiliti u spjegati aktar f’dan id-dokument, huma r-riżultat tal-ħidma ta’ dan il-grupp ta’ voluntiera fost l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi u dawk għall-protezzjoni tad-data”:

14 ĠUNJU 2022
5 key principles of fair advertising to children