Mur għall-kontenut ewlieni

Kwalità dupliċi tal-ikel

Kampanja ta’ ttestjar fl-UE kollha

Fit-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tat-tieni parti tal-kampanja ta’ ttestjar tagħha fl-UE kollha li tqabbel il-prodotti tal-ikel ikkummerċjalizzati bl-istess marka.

Fl-24 ta’ Ġunju 2019 ġiet ippubblikata l-ewwel parti ta’ din il-kampanja, li qabblet il-listi tal-ingredjenti u l-informazzjoni fuq il-qoxra tal-pakkett ta’ kważi 1,400 prodott tal-ikel fi 19-il Stat Membru tal-UE għal każijiet potenzjali ta’ kwalità dupliċi.

Il-kampanja ta’ ttestjar fl-UE kollha kienet ibbażata fuq metodoloġija komuni tal-ittestjar, żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha, sabiex tinġabar evidenza xjentifika u komparabbli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u d-dimensjoni tal-problema fis-Suq Uniku tal-UE. Din il-metodoloġija kellha l-objettivi li ġejjin:

Is-6 Prinċipji għall-għażla u għall-ittestjar tal-prodotti tal-ikel
1. It-trasparenza - Ħidma u komunikazzjoni aħjar bejn il-partijiet kollha
- Potenzjal anqas ta’ tilwim
2. L-istadji tal-valutazzjoni - Għażla tal-prodotti --> pjan ta’ kampjunar --> eżami ta’ kampjuni biex jinkisbu riżultati tat-testijiet --> deċiżjoni għal azzjoni ta’ segwitu
3. Il-komparabbiltà - Tingħata l-attenzjoni dovuta fl-għażla, fil-kampjunar u fl-ittestjar tal-prodotti biex ikun żgurat li r-riżultati jkunu kumparabbli u affidabbli
4. Il-kriterji tal-valutazzjoni - Ibbażati fuq ix-xjenza u applikati b’mod konsistenti
- Metodi prattiċi u kosteffettivi mfassla għall-ittestjar ta’ prodotti speċifiċi
- Laboratorji tal-ittestjar akkreditati u metodi tal-ittestjar validati
5. L-inklużività - Involviment ġust u ekwu mill-partijiet involuti: operaturi tan-negozji tal-ikel, awtoritajiet, rappreżentanti tal-konsumaturi
6. Il-ġustizzja - Kunsiderazzjoni tal-ishma tas-suq fl-għażla tad-ditta li tiġi ttestjata
- Rispett tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità

Il-Kummissjoni ffinanzjat l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni tal-ittestjar b’€1 miljun mill-Programm tal-Konsumatur tal-2017 bħala qasam importanti ta’ azzjoni li l-Kummissjoni bdiet wara d-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2017 biex tindirizza l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi, li għaliha l-Kummissjoni ddedikat kważi €5 miljun mill-baġit tal-UE. Ir-riżultati tal-kampanja ta’ ttestjar jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jibbażaw l-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-kwalità dupliċi fuq bażi ta’ evidenza soda.

Kjarifika tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-bini tal-kapaċità

B’mod parallel, il-Kummissjoni pproponiet li tiċċara l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħala parti mill-inizjattiva leġiżlattiva tagħha tal-2018 dwar il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi. Din l-emenda leġiżlattiva, li ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-28 ta’ Novembru 2019, tiċċara meta l-prattiki ta’ “kwalità dupliċi” jqarrqu bil-konsumaturi u jmorru kontra d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

Minbarra l-kjarifika leġiżlattiva u t-tqabbil mal-UE kollha tal-aspetti relatati mal-kwalità tal-prodotti tal-ikel, il-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha f’aktar ġbir ta’ informazzjoni u tipprovdi kofinanzjament għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-NGOs:

Tabella 1: Attivitajiet relatati mal-kwistjoni tal-kwalità dupliċi ffinanzjati mill-krediti tal-UE mill-2017 ’l hawn
Azzjoni/Għan Sitwazzjoni attwali/eżitu Finanzjament tal-UE
Studji biex jittejjeb l-għarfien dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi
Studju tal-JRC dwar ir-raġunament ekonomiku wara d-differenzjazzjonijiet tal-prodotti u l-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi F’Jannar 2020, il-JRC ippreżenta l-ewwel riżultati li juru li l-preferenzi tal-konsumaturi huma eteroġeni u jvarjaw bejn ir-reġjuni ġeografiċi u l-kategoriji ta’ prodotti. Sa Ġunju 2022, hija timmira wkoll li tanalizza l-perċezzjoni tal-konsumaturi dwar id-differenzi fid-disinn tal-imballaġġ ta’ prodotti tal-ikel li jidhru li huma identiċi. Se tirrevedi wkoll kif evolvew il-prodotti inklużi fit-2019 testijiet imsemmija hawn fuq. €1,430,000
Proġetti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet
Għotjiet għal azzjoni għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-konsumatur fl-2017 L-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (CPC) mill-Bulgarija, l-Ungerija, il-Litwanja u s-Slovakkja rċevew kofinanzjament, jiġifieri biex jixtru tagħmir tal-ittestjar u jwettqu testijiet. It-tlestija tal-proġetti kollha hija mistennija għal nofs l-2021. Madwar €421,000
Għotjiet ta’ azzjoni għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi sħubija ma’ entitajiet pubbliċi/privati mingħajr skop ta’ qligħ Ħames proġetti li jlaqqgħu flimkien diversi organizzazzjonijiet tal-konsumatur, entitajiet pubbliċi u NGOs minn Stati Membri differenti rċevew finanzjament għal attivitajiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-ittestjar u jippromwovu l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-atturi involuti. Dawn il-proġetti huma mistennija li jitlestew sat-tieni nofs tal-2021. Madwar €1,186,000
Studju tal-fattibbiltà biex jiġu ttestjati ċerti kategoriji ta’ prodotti minbarra l-ikel u biex jinħoloq ċentru ta’ monitoraġġ permanenti Il-JRC jinsab fil-proċess li jniedi proġett ġdid li għandu l-għan li jestendi l-metodoloġija komuni tal-ittestjar tal-2019 għall-kożmetiċi u d-deterġenti u li jevalwa l-mezzi biex tinġabar informazzjoni komparattiva b’mod regolari. Il-proġett huwa mistenni li jitlesta fl-2022.

€900,000

 

Kwalità Dupliċi tal-Ikel: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Rieżami tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur - Patt Ġdid għall-Konsumaturi