Soluzzjonijiet innovattivi
Hekk kif qed isseħħ il-kriżi tal-coronavirus, l-Istrateġija Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea tikseb importanza mġedda peress li l-għodod diġitali jintużaw biex:
- jitwettaq monitoraġġ tat-tixrid tal-coronavirus
- issir riċerka u żvilupp ta’ dijanjostika, trattamenti u vaċċini
- jiġi żgurat li l-Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu konnessi u sikuri online
Hekk kif hemm fis-seħħ restrizzjonijiet, u l-attivitajiet soċjali u ekonomiċi jsiru aktar diġitali, iċ-ċittadini u n-negozji jiddependu fuq l-internet u l-konnettività. Bis-saħħa tan-networks tal-broadband u l-infrastruttura diġitali, nistgħu nkomplu nitgħallmu, nissoċjalizzaw u naħdmu.
Is-Servizzi fiduċjarji għan-negozji, il-Gvern elettroniku u s-Saħħa elettronika, jiżguraw il-kontinwità u d-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi filwaqt li sistemi ta’ sigurtà affidabbli jipproteġu l-identitajiet tagħna online u jiżguraw li l-attivitajiet tagħna jibqgħu privati.
Apps nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija
L-apps nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija jistgħu jiġu installati u użati b’mod volontarju biex iwissu lill-utenti, anke meta jaqsmu l-fruntiera, jekk kinux qrib persuna li ġiet irrappurtata li ttestjat pożittiva għall-coronavirus. F’każ ta’ twissija, l-app tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet tas-saħħa, bħal parir biex wieħed jittestja ruħu jew jagħmel awtoiżolament, u lil min jikkuntattja.
Aktar informazzjoni dwar l-apps għat-traċċar tal-kuntatti u t-twissija
L-apps għat-traċċar tal-kuntatti, jekk ikunu kompletament konformi mar-regoli tal-UE u kkoordinati sew, jistgħu jaqdu rwol ewlieni fil-fażijiet kollha tal-ġestjoni tal-kriżijiet. Dawn l-apps jistgħu jikkomplementaw it-traċċar tal-kuntatti manwali eżistenti u jgħinu biex tiġi interrotta l-katina tat-trażmissjoni tal-virus. B’hekk, jistgħu jikkontribwixxu sabiex isalvaw il-ħajjiet.
Intelliġenza artifiċjali
Is-setgħa analitika tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-computing ta’ prestazzjoni għolja huma assi ewlenin fir-rigward tad-detezzjoni tax-xejriet fit-tixrid tal-coronavirus. Bl-għajnuna tagħhom, is-setturi tas-saħħa pubblika jistgħu jimmonitorjaw it-tixrid tal-coronavirus u jfasslu malajr strateġiji effettivi ta’ rispons.
Fl-industrija tal-kura tas-saħħa, l-intelliġenza artifiċjali taqdi wkoll rwol fit-tħaddim tar-robots u għodod oħrajn li jintużaw meta jiġu f’kuntatt mal-pazjenti, peress li l-interazzjoni tal-bniedem għandha tinżamm f’livell minimu.
Supercomputers Ewropej li jiġġieldu l-coronavirus
Huma involuti tliet ċentri Ewropej tas-supercomputing b’saħħithom fl-istudju u fl-iżvilupp ta’ vaċċini, trattamenti u dijanjożi għall-coronavirus.
L-għan huwa li jiġu skoperti liema kombinazzjonijiet ta’ molekuli attivi jirreaġixxu għall-virus billi jitqabblu l-mudelli diġitali tal-proteini tal-coronavirus u jitqabblu ma’ bażi ta' data ta’ eluf ta’ drogi eżistenti. Is-supercomputers jikkomplementaw l-approċċ kliniku klassiku tal-fażijiet ta’ prova. Kumpanija farmaċewtika u bosta istituti bijoloġiċi u bijokimiċi kbar jipparteċipaw billi jipprovdu aċċess għall-bażijiet ta’ data tagħhom tal-mediċini. Il-proġett Exscalate4CoV, appoġġjat minn finanzjament tal-UE ta’ €3 miljun, qed iwettaq riċerka bl-użu ta’ pjattaforma ta’ supercomputing appoġġjata mill-UE biex jiġi vverifikat l-impatt potenzjali ta’ molekuli magħrufa fl-isfond tal-istruttura tal-coronavirus.
F’Ġunju, Exscalate4CoVħabbar li mediċina ġenerika li diġà hi rreġistrata u li tintuża biex tittratta l-osteoporożi, bl-isem ta’ Raloxifene, jaf tkun trattament effettiv għall-pazjenti tal-coronavirus b’infezzjoni b’sintomi ħfief. Il-konsorzju jinsab f’diskussjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex isir progress fil-provi kliniċi, li, jekk jirnexxu, jistgħu jagħmlu l-mediċina disponibbli aktar kmieni.
Fis-27 ta’ Ottubru, l-aġenzija regolatorja farmaċewtika Taljana, AIFA, approvat prova klinika tal-użu tar-Raloxifene f’pazjenti b’sintomi ħfief ikkawżati mill-coronavirus. L-istudju kliniku għandu jivvalida s-sikurezza u l-effiċjenza tar-Raloxifene fit-twaqqif tar-replikazzjoni tal-virus fiċ-ċelloli, u b’hekk iwaqqaf il-progress tal-marda. Fil-fażi inizjali, sa 450 parteċipant fi tliet gruppi ta’ trattament separati se jingħataw trattament permezz ta’ kapsuli Raloxifene għal 7 ijiem f’kampjun aleatorju. Exscalate4CoV skrinja 400,000 molekula u ttestja speċifikament 7,000 molekula in vitro bl-użu ta’ kombinazzjoni unika ta’ qawwa informatika ta’ prestazzjoni għolja u tal-IA mal-ipproċessar bijoloġiku.
Ir-rispons għall-coronavirus – id-<i>data</i> mill-ispazju
Bl-aktar minn 30 satellita tiegħu, il-Programm Spazjali tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-komponent tiegħu tal-Osservazzjoni tad-Dinja, Copernicus, u s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita tiegħu, Galileo, joffri data/informazzjoni bla ħlas u miftuħa li tgħin fil-monitoraġġ u potenzjalment fil-mitigazzjoni tal-impatt tat-tifqigħa tal-coronavirus.
Is-satelliti tal-UE ilhom mill-bidu tal-kriżi jimmonitorjaw il-konġestjonijiet tat-traffiku fil-qsim tal-fruntieri bejn l-Istati Membri u jidentifikaw il-faċilitajiet mediċi, l-isptarijiet u infrastruttura kritika oħra. Id-data li tinġabar mis-satelliti, flimkien mal-intelliġenza artifiċjali tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-UE u nazzjonali b’mudelli biex nifhmu aħjar l-emerġenza u biex nindirizzawha b’mod aktar effiċjenti.
Il-Programm Spazjali tal-UE joffri soluzzjonijiet għal diversi kwistjonijiet, bħal:
- is-salvagwardja tas-saħħa pubblika b’Galileo - l-aktar sistema ta’ pożizzjonament preċiża fid-dinja
- il-monitoraġġ ta’ kif inwettqu l-Patt Ekoloġiku ma’ Copernicus - l-aqwa sistema ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-klassi tagħha
- l-iżgurar ta’ mezz ta’ komunikazzjoni sigur għall-Istati Membri
Ir-rispons Spazjali tal-UE għall-coronavirus
Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-“Osservazzjoni tad-Dinja għall-Azzjoni Rapida għall-Coronavirus” f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea. L-għodda tal-Azzjoni Rapida tiddependi fuq data bis-satelliti biex tkejjel l-impatt tal-lockdown tal-coronavirus u tissorvelja l-irkupru ta’ wara l-lockdown fil-livelli lokali, reġjonali u globali. Id-data mbagħad tiġi analizzata bl-użu ta’ għodod diġitali ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali.
Osservazzjoni tad-Dinja għall-Azzjoni Rapida għall-Coronavirus ukoll
Networks u konnettività
Peress li l-Istati Membri tal-UE introduċew miżuri ta’ tbegħid soċjali biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-coronavirus, id-domanda għall-kapaċità tal-Internet żdiedet b’mod drastiku - għal skopijiet ta’ telexogħol, tagħlim elettroniku jew skopijiet ta’ divertiment – li sarraf f’piż qawwi fuq in-networks.
Biex tiġi evitata konġestjoni fin-network u biex kulħadd ikun jista’ jgawdi mid-divertiment diġitali, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-operaturi u lill-utenti tat-telekomunikazzjoni biex jieħdu azzjoni u ltaqgħet mas-CEOs tal-pjattaformi tal-istreaming. Il-pjattaformi tal-istreaming huma mħeġġa joffru servizzi standard aktar milli kontenut ta’ definizzjoni għolja, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni għandhom jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jippermettu t-traffiku kontinwu, u l-utenti għandhom japplikaw konfigurazzjonijiet li jnaqqsu l-konsum tad-data, inkluż l-użu tal-Wi-Fi.
L-operaturi tal-UE jindikaw li hemm domanda akbar għall-konnettività. Għalkemm s’issa ma kien hemm l-ebda konġestjoni tan-network, il-Kummissjoni u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) stabbilixxew mekkaniżmu ta’ rappurtar speċjali u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tat-traffiku tal-internet f’kull Stat Membru biex ikunu jistgħu jirrispondu għal kwistjonijiet ta’ kapaċità.
Pjattaformi online li jiġġieldu d-diżinformazzjoni
Id-diżinformazzjoni qed tinfirex malajr online, b’mod partikolari fuq il-media soċjali. Xi drabi, dan imur lil hinn minn sempliċi gideb. “Rimedji” foloz jew allegati jistgħu jwasslu għal periklu jew riskji serji għas-saħħa.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha fi djalogu mal-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni (Google, Facebook, Twitter u Microsoft) tal-UE, li qablu li jippromwovu b’mod attiv sorsi awtoritattivi, iwarrbu l-kontenut falz jew qarrieqi, u jniedu għodod ġodda li jwasslu lill-utenti direttament għal sorsi awtorevoli jew li jipprovdu informazzjoni multilingwi preċiża dwar il-kriżi.
Fl-10 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni enfasizzat azzjonijiet importanti biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 u stabbilixxiet programm biex tissorvelja l-azzjonijiet li l-pjattaformi qed jieħdu biex jillimitaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19.
Riżultati mill-ewwel rapporti ta’ referenza:
- Google Search ta prominenza lill-artikli ppubblikati mill-organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti tal-UE, li ġġeneraw aktar minn 155 miljun impressjoni matul l-ewwel nofs tal-2020.
- Iċ-“Ċentru ta’ Informazzjoni” dwar il-COVID-19 ta’ Facebook u Instagram wassal aktar minn 2 biljun persuna globalment lejn riżorsi mid-WHO u minn awtoritajiet tas-saħħa oħrajn.
- Aktar minn 160 miljun persuna żaru l-paġni kkontrollati dwar il-COVID-19 ta’ Twitter, aktar minn 2 biljun darba. Paġni bħal dawn jiġbru flimkien l-aħħar Tweets minn għadd ta’ sorsi awtorevoli u affidabbli tal-gvern, tal-media u tas-soċjetà ċivili bil-lingwi lokali
- YouTube wera panels ta’ informazzjoni b’links għal uffiċjali tas-saħħa globali u lokali rilevanti fuq il-paġna ewlenija tiegħu, u f’panels li jidhru fuq videos u tfittxijiet dwar il-COVID-19. B’mod ġenerali, dawn il-panels servew aktar minn 300 biljun impressjoni fid-dinja kollha
- Il-paġna ta’ informazzjoni dwar il-COVID-19 ta’ TikTok ġiet ikkonsultata aktar minn 52 miljun darba fil-ħames swieq Ewropej ewlenin tiegħu (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja).
Il-pjattaformi qegħdin jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex ineħħu d-diżinformazzjoni relatata mal-coronavirus. Huma neħħew kontenut illegali jew kontenut li jista’ jikkawża ħsara fiżika (rimedji foloz u dannużi għall-virus) jew jaffettwaw l-ordni pubblika (diżinformazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-5G li qed jiġi allegat li hi l-kawża tal-coronavirus).
Ir-rwol tal-pjattaformi u d-diżinformazzjoni online fir-rispons għall-coronavirus.
Il-Kummissjoni Ewropea tiskredita stejjer qarrieqa b'mod regolari.
Nibqgħu sikuri online
Il-pandemija tal-coronavirus wasslet għal bidla f’daqqa u kbira lejn is-servizzi online. In-nies qed iqattgħu aktar ħin online u qed jiddependu aktar fuq il-komunikazzjoni diġitali. Attività online akbar bħal din tista’ tattira nies malizzjużi u żżid il-potenzjal ta’ attakki ċibernetiċi.
Dan jikkonċerna wkoll lit-tfal, li issa jqattgħu aktar ħin online minn qabel, possibbilment mhux sorveljati. Filwaqt li dan jippermettilhom ikomplu l-edukazzjoni u jibqgħu f’kuntatt ma’ sħabhom, hemm sinjali ta’ riskju akbar. Għalhekk, l-EUROPOL ikkollabora ma’ sħab internazzjonali biex jiżviluppa Pariri ta’ Sikurezza Online għall-Ġenituri u għall-Persuni li Jindukraw biex jgħinu biex it-tfal jinżammu sikuri online waqt il-pandemija tal-coronavirus.
Attent(a) għall-prattiki qarrieqa online
Oqgħod attent(a) għall-prattiki qarrieqa online relatati ma’ prodotti li allegatament jistgħu jfejqu jew jipprevjenu l-infezzjoni tal-coronavirus. Aħsibha darbtejn qabel tixtri mediċina jew rimedji oħra, inklużi kits tat-testijiet, online. Tista’ tirċievi kemm testijiet kif ukoll vaċċini mill-prattikant mediku liċenzjat tiegħek.
Evita li tiffinanzja l-kriminalità billi tixtri sustanzi li ma jiswew xejn, li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal saħħtek. Biex l-attivitajiet kriminali jiġu indirizzati b’mod effettiv, huwa importanti li l-vittmi jirrapportaw ir-reati lill-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali, u għandek tuża l-għodod ta’ rappurtar ipprovduti mill-operatur tal-pjattaforma biex tissenjala kontenut mhux xieraq.
Parir dwar kif jiġu identifikati u evitati prattiki qarrieqa potenzjali
Il-Kummissjoni Ewropea qed tissorvelja kwalunkwe sinjal ta’ theddid għal ambjent online sikur matul dan iż-żmien vulnerabbli billi taħdem mill-qrib ma’
- l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà
- l-EUROPOL (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi)
- l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters,
- l-awtoritajiet nazzjonali
- l-istituzzjonijiet oħra tal-UE
- il-korpi u l-aġenziji oħra tal-UE
Huma qed isegwu s-sitwazzjoni, filwaqt li jipprovdu rapporti ta’ theddid u gwida kif ukoll rapporti regolari dwar iċ-ċibersigurtà.
L-EUROPOL appoġġja l-investigazzjoni b'suċċess fil-prattika qarrieqa tal-bejgħ tal-maskri mmirata lejn il-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u għen biex jixxejjen attentat ieħor biex l-awtoritajiet jiġu ffrodati minn miljuni ta’ euro għall-provvisti mediċi.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem mal-Europol u mal-fornituri tal-ismijiet tad-dominju biex tipprevjeni l-għoti ta’ ismijiet tad-dominju lill-kriminali u biex trawwem kooperazzjoni rapida bejn il-fornituri u l-awtoritajiet biex jiġu identifikati u diżattivati s-siti web qarrieqa. Il-fornituri diġà ħarġu gwida.
Il-Kummissjoni taħdem ma’ pjattaformi online li jipparteċipaw fid-djalogu strutturat dwar l-indirizzar ta’ prattiki qarrieqa online relatati mal-pandemija tal-coronavirus, flimkien mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-Kummissjoni u n-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur huma f’kuntatt regolari ma’ 11-il pjattaforma online ewlenin: Allegro, Amazon, Alibaba/AliExpress, CDiscount, Ebay, Facebook, Google, Microsoft/Bing, Rakuten, Verizon Media/Yahoo u Wish biex jiddiskutu xejriet u prattiki kummerċjali ġodda marbuta mal-pandemija. B’riżultat ta’ dan, il-pjattaformi online rrappurtaw it-tneħħija ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ offerti u reklami illegali u kkonfermaw tnaqqis kostanti fil-listi ġodda relatati mal-coronavirus.
Skrinjar tal-pjattaformi online u tar-reklami
Biex jiġu protetti l-konsumaturi online, il-Kummissjoni Ewropea u n-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur qed jikkoordinaw skrinjar tal-pjattaformi online, tal-e-shops u tar-reklami biex jiżguraw li l-konsumaturi fl-UE ma jkunux soġġetti għal kontenut bi ksur tar-regoli tal-konsumatur tal-UE. Dan jikkonsisti f’żewġ partijiet: skrinjar ta’ livell għoli tal-pjattaformi online, u analiżi fil-fond ta’ reklami u siti web speċifiċi b’rabta mal-prodotti li għalihom hemm domanda qawwija minħabba l-coronavirus.
Il-Kummissjoni twettaq skambju ta’ informazzjoni mal-pjattaformi online ewlenin (Allegro, Amazon, AliExpress, Microsoft/Bing, CDiscount, Ebay, Facebook, Google, Rakuten, Wish u l-media Yahoo/Verizon). Dawn il-pjattaformi kollha wieġbu b’impenn qawwi għall-protezzjoni tal-konsumaturi, u kkonfermaw l-isforzi kontinwi tagħhom biex b’mod proattiv ineħħu r-reklami qarrieqa, inklużi s-supplimenti tal-ikel “mirakolużi” reklamati illegalment b’dikjarazzjonijiet relatati mal-coronavirus.
L-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tal-Konsumatur ta’ 27 pajjiż ippreżentaw 126 tweġiba li jikkonċernaw kemm il-kumpaniji li l-Kummissjoni kienet f’kuntatt regolari magħhom kif ukoll atturi nazzjonali oħrajn. Ingħatat prijorità lil offerti ta’ skrinjar marbuta ma’
- maskri u tagħmir protettiv għar-ras
- ġellijiet tas-sanitizzazzjoni
- kits għall-ittestjar
- ikel, supplimenti tal-ikel u prodotti mhux tal-ikel b’allegati effetti ta’ fejqan relatati mal-coronavirus
Din l-azzjoni konġunta diġà wriet riżultati tajbin. F’Marzu,
- AliExpress neħħiet aktar minn 250,000 elenkar suspettuż
- eBay imblukkat jew neħħiet aktar minn 15-il miljun elenkar li jiksru l-politiki tagħhom dwar il-coronavirus
F’Mejju, miljuni ta’ reklami jew elenkar ta’ prodotti qarrieqa ġew imblukkati jew imneħħija minn fuq
- Google, aktar minn 80 miljun reklam relatat mal-coronavirus
- eBay, aktar minn 17-il miljun elenkar mis-suq globali tagħha
- Amazon, tnaqqis ta’ 77% fin-numru ta’ elenkar ġdid tal-prodotti kull ġimgħa b’dikjarazzjonijiet relatati mal-coronavirus meta mqabbel ma’ Marzu 2020.
Il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera u twettaq skambju ta’ informazzjoni mal-korpi awtoregolatorji tar-reklamar dwar l-iżvilupp ta’ għodod awtomatiċi biex jiġu individwati r-reklami qarrieqa.
Prattiki qarrieqa relatati mal-Covid-19
Skeda informattiva dwar ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-konsumatur
It-titjib tal-ħiliet għall-ħajja wara l-pandemija
It-tbegħid soċjali ttrasforma l-mod kif niġu konnessi, nirriċerkaw u ninnovaw fuq il-post tax-xogħol. Biex tgħin lill-impjegaturi, lil min jirrekluta u lill-edukaturi jiżguraw li l-Ewropej ikunu mgħammra b’ħiliet diġitali fil-kuntest ta’ wara l-coronavirus, fit-13 ta’ Lulju, il-Kummissjoni nedietlinji gwida ġodda dwar il-kompetenzi diġitali li jinkludu passi prattiċi, azzjonijiet ewlenin, pariri u riżorsi online għall-utenti diġitali. Dawn se jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu l-aħjar użu mill-kompetenzi diġitali tagħhom mill-perspettiva tal-“perkors għall-impjegabilità” - mill-edukazzjoni sal-impjieg sostenibbli, u l-intraprenditorija.
Tagħlim online
It-tifqigħa tal-coronavirus fl-Ewropa kkawżat tfixkil sinifikanti fl-għoti tal-edukazzjoni. Metodi ġodda ta’ tagħlim u ta’ apprendiment jeħtieġu soluzzjonijiet li huma innovattivi, kreattivi u inklużivi.
Il-Programm Erasmus+ immobilizzat għal rispons qawwi għall-pandemija
Il-Kummissjoni Ewropea adottat reviżjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali ta’ Erasmus+ 2020. Se jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali ta’ €200 miljun għal proġetti li jappoġġjaw
- l-edukazzjoni diġitali u t-taħriġ
- il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ
- il-ħiliet kreattivi u l-inklużjoni soċjali
Il-finanzjament se jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għall-iskejjel, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet tat-tagħlim għall-adulti biex
- jappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet
- jagħti spinta lill-kreattività
- itejjeb l-inklużjoni soċjali permezz tal-arti
Sejħiet għall-proposti ta’ proġett f’dawn l-oqsma se jkunu ppubblikati kmieni fil-ħarifa.
Organizzazzjonijiet interessati jistgħu jikkuntattjaw l-aġenziji nazzjonali ta’ Erasmus+.
Bħala għajnuna biex tiġi żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, hi disponibbli firxa wiesgħa ta’ materjali ta’ tagħlim online :
- Pjattaformi online
- Proġetti ffinanzjati mill-UE
- Is-Sett ta’ għodod Diġitali Stay at Home
- SELFIE - għodda ta’ awtoriflessjoni, bla ħlas biex tgħin lill-iskejjel jibbenefikaw kemm jistgħu mit-teknoloġija diġitali. L-għodda tista’ tintuża biex tingħata stampa tal-punti b’saħħiethom u dgħajfin billi jinġabru l-opinjonijiet anonimi mill-istudenti, l-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali. SELFIE hi disponibbli b’31 lingwa.
- Ikkowdjar mid-dar