Mur għall-kontenut ewlieni

Il-coronavirus: Is-Solidarjetà Ewropea fl-azzjoni

Fl-Unjoni Ewropea kollha, il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-ibliet qed jagħmlu kull sforz biex jgħinu lill-pajjiżi ġirien tagħhom u lil dawk l-aktar fil-bżonn. Din hi s-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni.

Eżempji tas-Solidarjetà Ewropea

It-Tracker tas-Solidarjetà Ewropea

It-Tracker tas-Solidarjetà Ewropea hi għodda interattiva ta’ viżwalizzazzjoni tad-data li tivviżwalizza s-solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Abbażi ta’ sorsi pubblikament disponibbli miġburin mir-riċerkaturi assoċjati tal-ECFR u t-tim tar-Rethink: Europe, it-Tracker tas-Solidarjetà Ewropea ddokumenta network dens ta’ għajnuna u kooperazzjoni reċiproka fl-Ewropa kollha u jservi ta’ eżempju tar-rwol kritiku li l-UE kellha matul il-kriżi tal-coronavirus.

L-industrija tal-UE taġixxi biex tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej

Il-kumpaniji Ewropej wieġbu malajr għall-kriżi tal-coronavirus u wrew solidarjetà straordinarja biex niffaċċjaw il-pandemija flimkien għall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej.

Ħafna kumpaniji fl-Ewropa biddlu t-tagħmir u taw spinta mill-ġdid lill-produzzjoni biex jissodisfaw id-domanda għat-Tagħmir Protettiv Personali (PPE), għad-diżinfettanti u għat-tagħmir mediku. Minn distilleriji għal kumpaniji tat-tessuti, l-industrija poġġiet l-għarfien tagħha għas-servizz taċ-ċittadini biex tipproduċi maskri, ġagagi protettivi, sanitizzaturi tal-idejn u ventilaturi.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex l-industrija tbiddel it-tagħmir jew tagħti spinta lill-produzzjoni, inkluż billi titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex jagħmlu l-istandards għall-maskri tal-wiċċ u għal tagħmir protettiv ieħor disponibbli bla ħlas għall-partijiet interessati kollha.

Barra minn hekk, sabiex taċċellera l-approvazzjoni ta’ prodotti essenzjali u tgħin lill-kumpaniji jadattaw il-linji ta’ produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ppubblikat gwida fl-oqsma li ġejjin: PPE, prodotti għat-tindif tal-idejn li jitħallew fuq il-ġilda u diżinfettanti tal-idejn kif ukoll stampar 3D.

  • 26 MEJJU 2020
L-industrija tal-UE qed tingħaqad flimkien biex tgħin liċ-ċittadini ewropej

L-informazzjoni inkluża f’din l-għodda interattiva hija bbażata fuq sorsi disponibbli pubblikament. Din tippreżenta lista mhux eżawrjenti li turi sensiela ta’ eżempji biex turi kif l-industrija tal-UE wieġbet malajr għat-tifqigħa tal-coronavirus. Jekk kumpanija tixtieq tinfurmana bl-istorja tagħha, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq comm-spp-grow-defiatec [dot] europa [dot] eu (comm-spp-grow-defi[at]ec[dot]europa[dot]eu)

Is-solidarjetà Ewropea fil-kura lill-pazjenti

  • L-Awstrija

    11-il pazjent fil-kura intensiva mill-Italja u 3 pazjenti oħra fil-kura intensiva minn Franza ngħataw kura fi sptarijiet Awstrijaki. Fi stqarrija li ħarġu l-awtoritajiet Awstrijaki qalu, “Is-sitwazzjoni hi diffiċli wisq bħalissa; dan hu biss kontribut ċkejken, iżda simbolikament importanti biex nappoġġjaw lill-Ewropa”.

  • Il-Belġju

    Wara t-talba tas-Slovakkja għall-għajnuna medika biex tgħin fil-kura ta’ pazjenti tal-COVID-19, il-Belġju bagħat tabib wieħed, żewġ infermiera u mexxej tat-tim.

  • Id-Danimarka

    Wara t-talba tas-Slovakkja għall-għajnuna medika biex tgħin fil-kura ta’ pazjenti tal-COVID-19, id-Danimarka bagħtet tim wieħed ta’ tliet tobba u ħames infermieri.

  • Il-Ġermanja

    Xi bliet u stati fil-Ġermanja ttrattaw pazjenti f’qagħda kritika mill-Italja, minn Franza, min-Netherlands, mill-Belġju u miċ-Ċekja u qed joffru l-kapaċitajiet tal-kura intensiva tagħhom għal dawn il-pazjenti.

    Għall-Italja kienu riżervati 85 sodda tal-kura intensiva f’10 stati federali Ġermaniżi u fil-fatt, 44 pazjent Taljan kienu diġà ttieħdu l-Ġermanja.

    Għal Franza, 130 pazjent Franċiż ġew trasferiti lejn il-Ġermanja fir-rebbiegħa tal-2020, u ħafna aktar f’Novembru.

    Għal Franza, ġew riżervati 98 sodda tal-kura intensiva f’10 stati federali, u fil-fatt 130 pazjent Franċiż kienu diġà ttieħdu l-Ġermanja.

    46 pazjent min-Netherlands kienu trasferiti lejn il-Ġermanja għall-kura.

    L-ajruplani u l-ħelikopters tal-Forza tal-Ajru Ġermaniża ġabru l-pazjenti tal-kura intensiva biex jeħduhom għall-kura fil-Ġermanja. L-istaff mediku mill-klinika tal-Università Jena appoġġja lill-istaff ta’ klinika qrib Napli, f’Campania.

    23 pazjent mill-provinċja ta’ Liège fil-Belġju kienu trasferiti lejn il-Ġermanja għall-kura.  

    Il-Bavaria offriet 100 sodda fl-isptar lil pazjenti bil-COVID miċ-Ċekja

  • Il-Greċja

    500 unità medika mobbli kofinanzjati mill-UE ppermettew li ċ-ċittadini setgħu jiġu ttestjati fi djarhom.

  • L-Italja

    Tim Mediku ta’ Emerġenza ta’ 10 tobba u infermiera mill-Italja ppreparaw il-missjoni tagħhom lejn l-Armenja, permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

  • Il-Lussemburgu

    Fil-25 ta’ Marzu, seba’ pazjenti Franċiżi fil-kura intensiva minn Mulhouse, Franza, ittieħdu bl-ajru u ngħataw il-kura fil-Lussemburgu. Erbgħa oħra waslu minn Thionville.

    Il-kumpanija Luxembourg Air Rescue rripatrijat sitt pazjenti oħra li ġew mir-reġjun tal-Grand Est fi Franza u li ddaħħlu fil-kura intensiva fil-Lussemburgu u fil-Ġermanja

    Ambulanzi tal-ajru u żewġ ħelikopters tal-kumpanija Luxembourg Air Rescue kienu integrati fis-Servizz tal-Għajnuna Medika Urġenti Franċiża. Dawn wasslu pazjenti fil-kura intensiva Franċiżi lejn Hamburg u Dresden, fil-Ġermanja.

  • Il-Polonja

    Iċ-Ċentru Pollakk għall-Għajnuna Internazzjonali bagħat tim apposta ta’ 15-il tabib u paramediku Pollakki, iċċertifikati mid-WHO, fi sptar fil-qalba ta’ Brescia, il-Lombardija, waħda mill-aktar żoni milqutin fl-Italja

  • Ir-Rumanija

    Tobba u infermiera mir-Rumanija u n-Norveġja, dawn tal-aħħar parti mill-Korp Mediku tal-UE, ntbagħtu Bergamo u Milan. L-iskjerament tagħhom kien kofinanzjat permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u kkoordinat miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-UE

Is-Solidarjetà Ewropea fil-protezzjoni lill-ħaddiema tas-saħħa u liċ-ċittadini

  • L-UE

    Mis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea bdiet il-konsenja ta’ 1.5 miljun maskra lil 17-il Stat Membru u lir-Renju Unit għall-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-UE. Dan kien l-ewwel lott minn 10 miljun maskra mixtrija mill-Kummissjoni permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Il-konsenja ta’ dawn saret matul is-sitt ġimgħat ta’ wara f’konsenja kull ġimgħa ta’ 1.5 miljun maskra lill-Istati Membri u lir-reġjuni fil-bżonn. 

    Wara konsenji preċedenti ta’ madwar 330,000 maskra protettiva lill-Italja, lil Spanja u lill-Kroazja, saru konsenji ta’ aktar lottijiet ta’ maskri protettivi lil-Litwanja (20,000), lill-Maċedonja ta’ Fuq (10,000) u lill-Montenegro (10,000) permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Ir-riżerva ta’ tagħmir mediku tar-rescEU hi kompletament iffinanzjata mill-baġit tal-UE. Il-Ġermanja u r-Rumanija kienu l-ewwel Stati Membri li ospitaw ir-riżerva tar-rescEU, segwiti mid-Danimarka, mill-Greċja, mill-Ungerija u mill-Iżvezja f’Settembru.

    Fit-18 ta’ Ġunju 2020, operazzjoni pilota rnexxielha tikkonsenja aktar minn seba’ tunnellati ta’ tagħmir protettiv personali lill-Bulgarija. Il-merkanzija kienet tinkludi aktar minn 500,000 maskra protettiva, mixtrija mill-Bulgarija bl-ispejjeż tat-trasport koperti mill-UE.

    Fis-7 ta’ Lulju 2020, l-UE kkonsenjat 65,000 maskra addizzjonali lill-Kroazja, lill-Montenegro, lill-Maċedonja ta’ Fuq u lis-Serbja kkonsenjati diġà permezz tar-riżerva strateġika tar-rescEU.

    Fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, aktar lottijiet ta’ maskri protettivi kienu distribwiti lill-Kroazja, lill-Montenegro, u lill-Maċedonja ta’ Fuq mir-riżerva komuni tar-rescEU. F’Ottubru ġew ikkonsenjati aktar minn 130,000 maskra u ġagaga protettiva ta’ grad mediku lill-Montenegro u lill-Maċedonja ta’ Fuq, minbarra l-520,000 maskra diġà kkonsenjati mir-riżerva tar-rescEU, kif ukoll assistenza in natura mogħtija lill-pajjiżi fil-bżonn permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

    Wara talba minn Franza permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, f’Ottubru u f’Novembru 2020 ġew ikkonsenjati żewġ lottijiet ta’ żewġ miljun ingwanta kirurġika offruti min-Norveġja.

    Fit-22 ta’ Ottubru, l-UE bagħtet l-ewwel lott ta’ 30 ventilatur liċ-Ċekja mir-riżerva Ewropea komuni ta’ tagħmir mediku, ir-rescEU. Flimkien mal-kontribuzzjonijiet min-Netherlands u mill-Awstrija, it-talba taċ-Ċekja għal 150 ventilatur twieġbet bis-sħiħ.

    Imbagħad, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili kkoordina wkoll l-iskjerament ta’ Tim Mediku ta’ Emerġenza ta’ sitt esperti mediċi lill-Ażerbajġan biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

    F’Jannar 2021, ir-riżervi mediċi tar-rescEU ospitati mill-Greċja u l-Ġermanja kkonsenjaw 107,000 maskra protettiva lill-Maċedonja ta’ Fuq u 78,000 lill-Montenegro. Il-Maċedonja rċeviet ukoll 35,000 ġagaga protettiva u 140,000 overall, u l-Montenegro, 15,000 ġagaga medika.

    Fi Frar 2021, wara talba għall-assistenza mill-Moldova, ir-Rumanija bagħtet 1.5 miljun maskra kirurġika, 100,000 maskra FFP3, 100,000 libsa protettiva u 100,000 ingwanta. Fi Frar 2021, ir-riżerva medika tar-rescEU ospitata mill-Greċja kkonsenjat 600,000 maskra protettiva FFP2 u 650,000 par ingwanti lis-Serbja.

    Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili wieġeb għal 25 talba matul il-pandemija u pprovda tagħmir personali protettiv, mediċini u esperti tas-saħħa.

  • Il-Latvja

    Il-Latvja pprovdiet 478,500 maskra lill-Estonja taħt il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

    Hi offriet 60,000 maskra tal-wiċċ lil-Litwanja, ukoll taħt il-Mekkaniżmu.

  • L-Awstrija

    L-Awstrija ttrasportat 1.5 miljun maskri lejn l-Italja.

    L-Awstrija kkonsenjat aktar minn 3,360 litru ta’ diżinfettant mediku lill-Italja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

    L-Awstrija bagħtet ingwanti u diżinfettant lill-Kroazja, lill-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Montenegro, lill-Moldova u lill-Albanija permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Il-Maċedonja ta’ Fuq irċeviet oġġetti ta’ kenn u sanitarji, u s-Serbja rċeviet kutri, saqqijiet u tined għall-migranti fil-pajjiż permezz tal-Mekkaniżmu. L-Awstrija bagħtet ukoll 181 kontejner abitabbli li jistgħu jintużaw bħala kenn jew faċilitajiet mobbli għall-kura tas-saħħa għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Griegi għall-kampijiet tal-migranti fil-Greċja. 

    L-Awstrija bagħtet 15-il ventilatur liċ-Ċekja u offriet 30 apparat ta’ terapija tal-ossiġenu nażali bi fluss għoli permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

  • Iċ-Ċekja

    Iċ-Ċekja kkonsenjat 10,000 libsa protettiva lill-Italja u 10,000 oħra lil Spanja

    Iċ-Ċekja bagħtet ukoll oġġetti ta’ kenn, sanitarji u mhux tal-ikel lill-Greċja għar-refuġjati u għall-migranti f’riskju tal-coronavirus permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. F’Jannar 2021, iċ-Ċekja bagħtet 126,000 maskra u 5,000 overall lill-Maċedonja ta’ Fuq.

  • Id-Danimarka

    Id-Danimarka bagħtet kontejners maħdumin apposta għall-kenn u għall-kura medika lill-Greċja għar-refuġjati u għall-migranti li jinsabu f’riskju tal-coronavirus permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.  Hi offriet ukoll ventilaturi mediċi lill-Italja u tagħmir protettiv lill-Georgia.

  • L-Estonja

    L-Estonja offriet diżinfettant, kutri u bjankerija tas-sodda lill-Maċedonja ta’ Fuq, lill-Montenegro u lill-Georgia permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

  • Franza

    Franza tat b’donazzjoni miljun maskra u 20,000 libsa protettiva lill-Italja. Franza bagħtet ukoll kontejners maħdumin apposta għall-kenn u għall-kura medika lill-Greċja għar-refuġjati u għall-migranti li jinsabu f’riskju tal-coronavirus permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. F’Jannar 2021, Franza bagħtet 400 maskra tal-ossiġenu, 200 kannula nażali, ġeneraturi u oġġetti relatati oħra lill-Mongolja.

  • Il-Ġermanja

    Il-Ġermanja kkonsenjat 7.5 tunnellati ta’ tagħmir mediku lill-Italja li jinkludu ventilaturi u maskri anestetiċi. Hija kkonsenjat ukoll 50 ventilatur lil Spanja u 25 ventilatur lil Franza.

  • L-Ungerija

    L-Ungerija kkonsenjat aktar minn 1,700,000 maskra, 200,000 ingwanta u tagħmir ieħor lil, fost oħrajn, il-Kroazja, is-Slovenja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Italja, is-Serbja, il-Maċedonja ta' Fuq, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro.

  • Il-Lussemburgu

    Il-Lussemburgu kkonsenja 1.440 kg ta’ materjal lil Spanja biex tagħmel ilbies protettiv individwali għall-istaff mediku tagħha; iffaċilita wkoll il-konsenja ta’ 100 tunnellata ta’ tagħmir mediku miċ-Ċina lil-Litwanja.

  • In-Netherlands

    In-Netherlands bagħat ukoll kontejners maħdumin apposta għall-kenn u għall-kura medika lill-Greċja għar-refuġjati u għall-migranti li jinsabu f’riskju tal-coronavirus permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

    In-Netherlands bagħat 105 ventilatur liċ-Ċekja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

  • Il-Polonja

    Il-Polonja offriet diżinfettant, maskri kirurġiċi, tarki tal-wiċċ u tagħmir protettiv personali ieħor lill-Moldova u lill-Ukrajna.

  • Is-Slovakkja

    Is-Slovakkja bagħtet maskri u diżinfettant lill-Italja, u offriet ambulanzi, maskri, diżinfettant u kutri lill-Ukrajna taħt il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

Is-Solidarjetà Ewropea fir-ripatrijazzjoni tan-nies*

  • L-UE

    Sa mill-bidu tat-tifqigħa, aktar minn 90,000 ċittadin tal-UE nġiebu lura f’pajjiżhom abbord ta’ aktar minn 360 titjira ta’ ripatrijazzjoni ffaċilitati u kkofinanzjati mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Wieħed minn kull tliet passiġġieri ripatrijati kien ċittadin Ewropew ta’ nazzjonalità differenti mill-pajjiż li kien qed jorganizza t-titjira tar-ripatrijazzjoni.

    Bosta titjiriet intra-Ewropej oħrajn, ukoll barra l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, iżda mikrija direttament mill-Istati Membri, ġabu liċ-ċittadini lura lejn pajjiżhom.

  • L-Awstrija

    L-Awstrija rripatrijat ċittadini ta’ 25 Stat Membru tal-UE b’titjiriet organizzati mill-Awstrija minn dawn il-pajjiżi: l-Arġentina, l-Awstralja, iċ-Ċilì, Kuba, ir-Repubblika Dominicana, l-Eġittu, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Maldivi, il-Mauritius, il-Messiku, il-Marokk, il-Perù, il-Filippini, l-Afrika t’Isfel, Spanja, it-Tajlandja, it-Tuneżija, ir-Renju Unit, l-Amerka u l-Vjetnam. 

  • Il-Belġju

    Il-Belġju rripatrija ċittadini ta’ 20 pajjiż tal-UE.

  • Iċ-Ċekja

    Iċ-Ċekja rripatrijat mijiet ta’ ċittadini ta’ 22 pajjiż tal-UE.

  • Id-Danimarka

    Id-Danimarka ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-UE fuq titjira mill-Mali, li kienet qed iġġorr ukoll għajnuna umanitarja fuq it-titjira ’l barra mill-pajjiż.

  • Il-Finlandja

    Il-Finlandja ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini ta’ 10 pajjiżi tal-UE.

  • Franza

    Franza rripatrijat ċittadini ta’ 26 pajjiż tal-UE. Titjira minn Wuhan, iċ-Ċina, fil-bidu ta’ Frar trasportat 64 ċittadin Franċiż u 135 ċittadin ieħor tal-UE.

  • Il-Ġermanja

    Il-Ġermanja rripatrijat eluf ta’ ċittadini mill-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE.

  • L-Ungerija

    L-Ungerija ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn erba’ pajjiżi tal-UE. 

  • L-Irlanda

    L-Irlanda ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn 17-il pajjiż tal-UE.

  • L-Italja

    L-Italja rripatrijat ċittadini ta’ sitt Stati Membri minn Tokyo, il-Ġappun.

  • Il-Latvja

    Il-Latvja ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn erba’ pajjiżi tal-UE.

  • Il-Litwanja

    Il-Litwanja ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn tmien pajjiżi tal-UE.

  • Il-Lussemburgu

    Il-Lussemburgu rripatrija ċittadini ta’ 14-il pajjiż tal-UE. Titjira minn Cabo Verde fil-25 ta’ Marzu ttrasportat 20 ċittadin Lussemburgiż biss u 131 ċittadin ieħor tal-UE.

  • Il-Portugall

    Il-Portugall ġab lura f’pajjiżhom mijiet ta’ ċittadini minn 17-il pajjiż tal-UE.

  • Spanja

    Spanja ġabet lura f’pajjiżhom aktar minn 600 ċittadin Ewropew minn 19-il pajjiż tal-UE.

  • L-Iżvezja

    L-Iżvezja ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn 15-il pajjiż tal-UE.

Bosta ċittadini tal-UE oħrajn ġew ripatrijati b’titjiriet Ewropej ukoll barra l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Pereżempju:

  • Il-Kroazja

    Il-Kroazja għenet biex iċ-ċittadini ta’ 5 Stati Membri jinġiebu lura f’pajjiżhom.

  • Id-Danimarka

    Titjira Daniża ġabet lura f’pajjiżhom 105 Daniżi u 179 Ewropew ieħor mill-Filippini; għenet ukoll fir-ripatrijazzjoni ta’ 324 ċittadin Ewropew fuq erba’ titjiriet speċjali mill-Marokk, mill-Italja, mill-Filippini u mill-Perù.

  • Il-Ġermanja

    Għenet 600 Estonjan, Latvjan u Litwan biex imorru lura f’pajjiżhom bil-vapur.

  • L-Ungerija

    L-Ungerija ġabet lura f’pajjiżhom ċittadini minn sitt pajjiżi tal-UE.

  • Il-Litwanja

    Il-Litwanja għenet biex aktar minn 400 ċittadin minn sitt pajjiżi tal-UE jirritornaw f’pajjiżhom mill-Vjetnam, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Amerika t’Isfel.

  • In-Netherlands

    In-Netherlands ġab lura aktar minn 230 ċittadin ta’ bosta pajjiżi tal-UE lura lejn pajjiżhom minn Spanja, mill-Portugall, mill-Gambja, minn Cabo Verde, mill-Perù u mit-Turkija.

  • Il-Polonja

    Il-linji tal-ajru Pollakki LOT għenu biex jiġu ripatrijati ċittadini minn 18-il pajjiż tal-UE. Il-Polonja ħejjiet vapuri u ferroviji apposta għal ċittadini Estonjani, Latvjani u Litwani biex tiżgura li jaslu f’pajjiżhom b’wiċċ il-ġid. Il-Polonja organizzat ukoll 18-il konvoj ta’ aktar minn 800 vettura, skortati mill-Pulizija Pollakka, biex tgħin lil aktar minn 2,000 ċittadin Estonjan, Latvjan u Litwanjan jirritornaw pajjiżhom b’wiċċ il-ġid.

  • Il-Portugall

    Il-Portugall għen biex mijiet ta’ ċittadini minn 15-il pajjiż tal-UE jirritornaw f’pajjiżhom.

  • Is-Slovakkja

    Is-Slovakkja rranġat titjira mill-Istati Uniti biex tirripatrija 300 ċittadin tal-UE minn erba’ Stati Membri. 

*19-il Stat Membru tal-UE użaw il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fl-isforzi tar-ripatrijazzjoni tagħhom. L-isforzi bilaterali tas-solidarjetà biex iċ-ċittadini jitwasslu lejn f’pajjiżhom huma inklużi meta dawn ġew indikati espliċitament lill-Kummissjoni.

Ċaħda ta' responsabbiltà: L-eżempji f’din il-paġna mhumiex eżawrjenti. Iċ-ċifri huma bbażati fuq l-aktar sorsi reċenti disponibbli mill-Istati Membri tal-UE permezz tas-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (CECIS). Filwaqt li l-Kummissjoni tfittex li żżomm l-informazzjoni aġġornata, aħna ma nieħdu l-ebda tip ta’ responsabbiltà, espressa jew impliċita, dwar il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinsab f’din il-paġna.

Is-solidarjetà Ewropea fl-appoġġ għall-applikanti għall-ażil

Sa mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni appoġġjat lill-Greċja biex tipproteġi lill-persuni vulnerabbli milli jiġu infettati bil-virus u tevita kriżi tas-saħħa pubblika fil-kampijiet tar-refuġjati. Barra minn hekk, ġie pprovdut rispons immedjat biex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus fil-gżejjer tal-Eġew, fejn jinsabu ċ-Ċentri ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni.

F’konformità mal-impenn tal-President von der Leyen matul iż-żjara tagħha fil-Greċja fil-bidu ta’ Marzu, saru disponibbli immedjatament €350 miljun biex jappoġġjaw ħames proġetti għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni, taħt l-Assistenza ta’ Emerġenza. Dawn il-proġetti koprew il-kontinwazzjoni ta’ assistenza għall-kapaċità ta’ akkoljenza fil-Greċja kontinentali u fuq il-gżejjer tagħha, billi pprovdew skema ta’ kiri għall-akkomodazzjoni u appoġġ.

F’April 2020 saru disponibbli €350 miljun addizzjonali f’assistenza finanzjarja. Iż-żieda fil-finanzjament appoġġjat żieda fil-kapaċità ta' akkoljenza fuq il-gżejjer Griegi, il-provvista ta' servizzi u oġġetti ta’ emerġenza (eż. ikel) fil-kampijiet, il-provvista ta’ timijiet mediċi addizzjonali, assistenza akbar għas-Servizz tal-Ażil Grieg, u l-istazzjonament ta’ gwardji tal-fruntiera u uffiċjali tal-pulizija fil-fruntieri esterni tal-Greċja.