Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Bord Fiskali Ewropew: Mistoqsijiet u Tweġibiet

X’inhu dan il-Bord u x’jagħmel?

Bħala segwitu tar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, f’Ottubru 2015 il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf Bord Fiskali Ewropew (EFB, European Fiscal Board) bħala bord konsultattiv indipendenti dwar il-kwistjonijiet fiskali. Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-EFB huma

L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1263

  1.  il-forniment ta’ evalwazzjoni ex post f’waqtha tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza fiskali tal-Unjoni
  2. l-għoti ta’ pariri dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, kif ukoll dwar il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali xierqa li huma konsistenti miegħu skont ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir
  3. l-għoti ta’ pariri fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill, dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, inkluż dwar l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263
  4. il-kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti kif imsemmi fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 2011/85/UE
  5. l-għoti ta’ suġġerimenti għall-evoluzzjoni futura tal-qafas fiskali.

Il-Bord Fiskali Ewropew huwa magħmul minn President u erba’ Membri, u huwa assistit minn Segretarjat. Il-President u l-Membri huma esperti magħrufa internazzjonalment dwar il-politika fiskali, il-finanzi pubbliċi u l-makroekonomija, b’esperjenza fil-governanza ekonomika Ewropea u r-regoli fiskali tal-UE.

Għaliex ġie stabbilit?

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta’ wara l-2007 enfasizzat l-importanza li l-Istati Membri jimplimentaw politiki fiskali responsabbli, li jirrikonċiljaw l-importanza tal-finanzi pubbliċi sostenibbli mal-ħtieġa għall-istabbilizzazzjoni ekonomika. Dan huwa partikolarment importanti għaż-żona tal-euro. Il-Bord jagħti evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali tal-UE, inkluż l-adegwatezza tal-pożizzjoni fiskali attwali fil-livell taż-żona tal-euro u dik nazzjonali, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

Meta ġie stabbilit il-Bord?

Il-Bord ġie stabbilit fil-21 ta’ Ottubru 2015 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti

Fid-29 ta’ Lulju 2024 ġiet adottata Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2115 tad-29 ta’ Lulju 2024 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/1937. B’mod ġenerali, il-Bord jiltaqa’ darba f’xahar jew aktar jekk ikun meħtieġ.

Kif jintgħażlu l-membri?

Il-proċess strutturat u trasparenti biex jintgħażlu l-ħames membri tal-Bord jibda b’sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess. Kumitat tal-għażla, magħmul minn uffiċjali ta’ livell għoli mill-Kummissjoni, jagħmel l-intervisti u jippreżenta l-lista tal-kandidati magħżula biex iservu bħala l-President u l-membri tal-Bord. Il-Kummissjoni mbagħad tikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri dwar il-kandidati magħżula

X’inhuma l-kriterji biex jintgħażlu l-membri tal-Bord?

Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet jinkludu:

  • Prova tal-kompetenza u tal-esperjenza rilevanti tal-applikanti li turi li huma esperti internazzjonali rispettati fdak li għandu x’jaqsam mal-makroekonomija, mal-finanzi pubbliċi, mal-politika fiskali u mal-ġestjoni baġitarja;
  • Għarfien profond tar-regoli fiskali tal-UE u tar-rwol tagħhom fil-funzjonament tal-UE u tal-UEM;
  • Prova tal-kompetenza u l-esperjenza rilevanti fit-tfassil tal-politika ekonomika; preferibbilment miksuba mix-xogħol f’istituzzjonijiet li jfasslu l-politika, f’istituzzjonijiet ta’ konsulenza politika jew f’istituzzjonijiet akkademiċi;
  • Għarfien tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u tar-rwol tal-Kummissjoni Ewropea.
  • Esperjenza fit-twettiq tal-analiżi ekonomika minn perspettiva orizzontali u transnazzjonali tkun ta’ vantaġġ.

Kemm jista’ jkun possibbli, l-għażla tipprova jilħaq bilanċ f’termini tar-rappreżentanza tal-applikanti, tal-ġeneru u tal-oriġini ġeografika tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kompiti speċifiċi tal-Bord Fiskali Ewropew u t-tip ta’ kompetenza meħtieġa. 

Il-bord huwa indipendenti jew parti mill-Kummissjoni?

Il-membri tal-Bord huma marbutin li jaġixxu b’mod indipendenti u li la jfittxu u lanqas jieħdu ordnijiet mingħand kwalunkwe istituzzjoni, korp jew gvern tal-UE jew nazzjonali, inkluża l-Kummissjoni Ewropea. Huma obbligati joħorġu fid-dieher kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali. L-imparzjalità tal-pariri tal-Bord hija salvagwardjata mill-kompożizzjoni bbilanċjata tiegħu, li tippreżenta diversità ta’ esperjenzi, sfondi u fehmiet.

Il-membri tal-Bord mhumiex impjegati tal-Kummissjoni u jintrabtu li jipprovdu għarfien espert indipendenti. Filwaqt li, għal raġunijiet amministrattivi prattiċi, jeħtieġ li s-Segretarjat tal-Bord ikun marbut mal-Kummissjoni, pereżempju għall-aċċess ta’ data simili, il-Bord tfassal bir-reqqa bħala korp kompletament awtonomu.

Il-mandat tal-Bord u l-mod kif inhu magħmul huma ppreżentati b’mod trasparenti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2115 tad-29 ta’ Lulju 2024 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/1937. Għalhekk, il-mandat u l-indipendenza tiegħu għandhom bażi legali ċara, skont l-aħjar prattiki għall-korpi indipendenti.

Għaliex il-Bord ma jiħux deċiżjonijiet fiskali?

Ir-rapport tal-Ħames Presidenti jiddikjara b’mod ċar li l-Bord: “għandu jagħti pariri, mhux jimplimenta politika. L-infurzar tar-regoli għandu jibqa’ l-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea.”

Il-mandat tal-Kummissjoni huwa msejjes fuq it-Trattat tal-UE, fejn ir-rwoli ta’ kull istituzzjoni fit-tfassil tal-politika ekonomika u monetarja huma deskritti b’mod ċar. “Korp espert kompletament indipendenti” ma jistax jieħu deċiżjonijiet fiskali minħabba li dan jikser il-prerogattivi tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-proċeduri tal-irfigħ tar-responsabbiltà u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li r-rwol tal-Bord stabbilit fil-livell tal-UE biex jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ma jiġix mfixkel ma’ dak tal-kunsilli fiskali nazzjonali stabbiliti fil-livell nazzjonali.

L-opinjonijiet tal-Bord jiġu ppubblikati?

Fi qbil mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Bord (l-Artikolu 7), ir-rapporti u l-pariri kollha tal-EFB jiġu ppubblikati.

Il-Bord għandu riżorsi adegwati?

Ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn il-Bord u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni. Hemm segretarjat jipprovdi assistenza teknika u prattika lill-Bord.

X’inhi r-relazzjoni bejn il-Bord u l-kunsilli fiskali nazzjonali?

L-Istati Membri kollha huma marbutin li jkollhom kunsilli fiskali nazzjonali skont ir-regolamenti tat-“two-pack”. Il-Kunsilli fiskali nazzjonali huma korpi indipendenti, li jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli fiskali nazzjonali fl-Istati Membri.

L-Istati Membri kollha yal-UE huma marbutin li jkollhom kunsilli fiskali nazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85. Il-Kunsilli fiskali nazzjonali huma korpi indipendenti, li jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli fiskali nazzjonali fl-Istati Membri u jevalwaw/jipproduċu tbassir makroekonomiku li jirfed il-baġits nazzjonali.

Il-Bord ma jindaħalx fil-ħidma tal-kunsilli fiskali nazzjonali, iżda jikkoopera magħhom, b’mod partikolari fl-iskambju tal-aħjar prattiki u biex jiffaċilita fehim komuni dwar il-kwistjonijiet relatati mar-regoli fiskali tal-UE. Din il-kooperazzjoni hija ta’ benefiċċju u ssaħħaħ kemm il-Bord kif ukoll il-kunsilli fiskali nazzjonali.