Bi tweġiba għat-tbatija u t-tfixkil globali fis-suq tal-enerġija kkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pjan REPowerEU.
REPowerEU huwa pjan għal
- l-iffrankar tal-enerġija
- il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa
- id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija
Il-pjan hu appoġġjat b’miżuri finanzjarji u legali ħalli jinbnew l-infrastruttura u s-sistema l-ġdida tal-enerġija li teħtieġ l-Ewropa.
Azzjonijiet ta’ REPowerEU
Ir-realtajiet ġeopolitiċi u tas-suq tal-enerġija l-ġodda jeħtieġulna nħaffu drastikament it-tranżizzjoni tagħna lejn enerġija nadifa u nżidu l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa minn fornituri mhux affidabbli u fjuwils fossili volatili.
REPowerEU huwa l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
85% tal-Ewropej jemmnu li l-UE għandha tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-gass u ż-żejt Russi malajr kemm jista’ jkun b’sostenn għall-Ukrajna. L-Ewropa tista’ tikseb dan aktar malajr jekk taġixxi bħala Unjoni.
Il-pjan REPowerEU jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex titnaqqas b’mod rapidu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija fl-UE kollha. Huwa bbażat fuq:
L-UE qed taħdem ma’ sħab internazzjonali biex issib provvisti alternattivi tal-enerġija. Fuq medda qasira ta’ żmien, neħtieġu provvisti alternattivi ta’ gass, żejt u faħam malajr kemm jista’ jkun, u jekk inħarsu lejn il-futur se jkollna bżonn l-idroġenu rinnovabbli wkoll.
Iċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet kollha jistgħu jiffrankaw l-enerġija. Bidliet żgħar fl-imġiba, jekk nimpenjaw ruħna għalihom, jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti. Se jkunu meħtieġa wkoll miżuri ta’ kontinġenza għal interruzzjonijiet fil-provvista.
L-enerġija rinnovabbli hija l-irħas u l-aktar enerġija nadifa disponibbli, u tista’ tiġi prodotta domestikament, u b’hekk titnaqqas il-ħtieġa tagħna li nimportaw l-enerġija. REPowerEU se jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u se jixpruna investiment massiv fl-enerġija rinnovabbli. Jeħtieġ ukoll li nippermettu lill-industrija u t-trasport jissostitwixxu l-fjuwils fossili aktar malajr biex innaqqsu l-emissjonijiet u d-dipendenzi.
- Xiri komuni ta’ gass, LNG u idroġenu permezz tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw kif ukoll għall-Ukrajna, il-Moldova, il-Georgia u l-Balkani tal-Punent
- Sħubijiet ġodda tal-enerġija ma’ fornituri affidabbli, inkluża kooperazzjoni futura dwar l-enerġija rinnovabbli u l-gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
- Introduzzjoni rapida ta’ proġetti tal-enerġija solari u eolika flimkien mal-użu tal-idroġenu rinnovabbli biex jiġu ffrankati madwar 50 bcm ta’ importazzjonijiet tal-gass
- Żieda fil-produzzjoni tal-bijometan biex jiġu ffrankati 17-il bcm f’importazzjonijiet ta’ gass
- Approvazzjoni tal-ewwel proġetti tal-idroġenu fl-UE kollha sas-sajf
- Komunikazzjoni tal-UE Niffrankaw l-Enerġija b’rakkomandazzjonijiet dwar kif iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jiffrankaw madwar 13-il bcm f’importazzjonijiet ta’ gass
- Il-mili tad-depożiti tal-ħżin tal-gass, sa 80% tal-kapaċità, sal-1 ta’ Novembru 2022
- Il-koordinazzjoni tal-UE titlob pjanijiet ta’ tnaqqis tad-domanda f’każ ta’ interruzzjoni fil-provvista tal-gass
- Pjanijiet REPowerEU nazzjonali ġodda taħt il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza modifikat – b’appoġġ għall-investiment u r-riformi b’valur ta’ €300 biljun
- Spinta lid-dekarbonizzazzjoni industrijali bi €3 biljun ta’ proġetti ffinanzjati bil-quddiem taħt il-Fond għall-Innovazzjoni
- Leġiżlazzjoni u rakkomandazzjonijiet ġodda biex l-enerġija rinnovabbli tiġi permessa aktar malajr speċjalment f’“żoni go-to” iddedikati b’riskju ambjentali baxx
- Investimenti f’network ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku integrat u adattat
- Żieda fl-ambizzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija billi l-mira tal-effiċjenza għall-UE kollha għall-2030 tiżdied minn 9% għal 13%
- Żieda tal-mira Ewropea għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-2030 minn 40% għal 45%
- Proposti ġodda tal-UE biex jiġi żgurat li l-industrija jkollha aċċess għal materja prima kritika
- Miżuri regolatorji biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport
- Aċċelleratur tal-idroġenu biex sal-2025 jinbnew 17.5-il GW ta’ elettrolizzaturi biex tiġi alimentata l-industrija tal-UE bi produzzjoni domestika ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli
- Qafas regolatorju modern għall-idroġenu
Enerġija nadifa
It-tmiem tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi se jeħtieġ espansjoni enormi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll elettrifikazzjoni aktar rapida u sostituzzjoni tas-sħana u tal-fjuwil ibbażati fuq il-fossili fl-industrija, fil-bini u fis-settur tat-trasport. It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa se tgħin biex tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija maż-żmien u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni.
Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma l-iktar tip ta’ enerġija nadifa u rħisa disponibbli, u jistgħu jkunu ġġenerati b’mod domestiku, filwaqt li jnaqqsu l-bżonn tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-mira tal-UE tal-2030 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mill-40% attwali għal 45%. Il-Pjan REPowerEU se jwassal biex il-kapaċitajiet totali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jkunu 1,236 GW sal-2030, meta mqabbel ma’ 1,067 GW sal-2030 kif previst f’“Lesti għall-mira ta’ 55%” għall-2030.
L-Istrateġija għall-Enerġija Solari tal-UE se tagħti spinta lill-introduzzjoni tal-enerġija fotovoltajka. Bħala parti mill-pjan REPowerEU, din l-istrateġija għandha l-għan li aktar minn 320 GW ta’ fotovoltajċi solari installati ġodda sal-2025 ikunu online, jiġifieri d-doppju tal-livell tal-lum, u kważi 600 GW sal-2030. Dawn il-kapaċitajiet addizzjonali inizjali jċaqilqu l-konsum ta’ 9 bcm ta’ gass naturali annwali sal-2027.
Industrija nadifa
Is-sostituzzjoni tal-faħam, taż-żejt u tal-gass fil-proċessi industrijali se tkun qed tgħin biex jittaffew id-dipendenzi fuq il-fjuwils fossili Russi, filwaqt li nersqu lejn sorsi tal-enerġija aktar nodfa, insaħħu l-kompetittività industrijali tagħna u nappoġġjaw it-tmexxija teknoloġika tagħna fid-dinja.
- Bis-saħħa tal-elettrifikazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-industrija tkun tista’ tiffranka 35 bcm ta’ gass naturali sal-2030 u dan jisboq il-miri stabbiliti fil-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55%”
- Nistgħu niksbu l-akbar tnaqqis fil-gass, kważi 22 bcm, mill-produzzjoni u r-raffineriji tal-minerali mhux metalliċi, tas-siment, tal-ħġieġ u ċ-ċeramika, u tas-sustanzi kimiċi
- Madwar 30% tal-produzzjoni primarja tal-azzar fl-UE mistennija tiġi dekarbonizzata bis-saħħa tal-idroġenu rinnovabbli sal-2030
Is-settur industrijali se jaqdi rwol ukoll biex tiżdied il-produzzjoni tat-tagħmir u tal-komponenti meħtieġa biex nittrasformaw malajr is-sistema tal-enerġija tagħna.
L-iffrankar tal-enerġija
L-iffrankar tal-enerġija huwa l-irħas u l-aktar mod sikur u nadif biex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja. Ilkoll kemm aħna nistgħu nkunu involuti faċilment fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tagħna, mill-konsumaturi u n-negozji għas-setturi industrijali kollha. Flimkien mal-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, l-azzjonijiet individwali tagħna se jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet - billi jnaqqsu direttament il-kontijiet tagħna tal-enerġija, billi jagħmlu lill-ekonomija tagħna aktar reżiljenti u billi tkun aċċellarata t-tranżizzjoni tal-UE lejn enerġija nadifa.
Hemm bosta metodi kif jista’ jonqos il-konsum tal-enerġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum:
- Tnaqqis tat-temperaturi tat-tisħin jew l-użu ta’ inqas arja kkondizzjonata
- L-użu ta’ apparat domestiku b’mod aktar effiċjenti
- Sewqan aktar ekonomiku
- Bidla lejn aktar trasport pubbliku u mobbiltà attiva
- It-tifi tad-dawl
L-utenti kollha tal-enerġija jeħtieġ li jkunu konxji tal-aħjar opportunitajiet ta’ ffrankar u tal-passi l-aktar effettivi li jistgħu jieħdu. Il-Kummissjoni se tappoġġja liċ-ċittadini b’informazzjoni mmirata biex tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati u xiri effiċjenti fl-enerġija.
Qed naħdmu flimkien ukoll ma’ organizzazzjonijiet bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex nidentifikaw u nippromwovu l-azzjonijiet l-aktar effettivi għall-iffrankar tal-enerġija.
Il-finanzjament ta’ REPowerEU
Huma meħtieġa investimenti addizzjonali ta’ €210 biljun bejn issa u l-2027 biex intemmu gradwalment l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi, li bħalissa qed jiswew lill-kontribwenti Ewropej kważi €100 biljun fis-sena.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU, u se tipprovdi finanzjament addizzjonali mill-UE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu kapitlu għal REPowerEU mal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom biex jidderieġu l-investimenti lejn il-prijoritajiet ta’ REPowerEU u jagħmlu r-riformi meħtieġa.
L-Istati Membri jistgħu jużaw is-self li jifdal mill-RRF (attwalment €225 biljun) u l-għotjiet ġodda mill-RRF iffinanzjati mill-irkantar tal-kwoti tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, li attwalment jinsabu fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, b’valur ta’ €20 biljun.
Sorsi oħra ta’ finanzjament ta’ REPowerEU jinkludu:
- il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni
- il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
- il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
- il-Fond għall-Innovazzjoni
- il-finanzjament mill-UE u dak nazzjonali b’appoġġ għall-objettivi ta’ REPowerEU
- il-miżuri fiskali nazzjonali
- l-investiment privat
- il-Bank Ewropew tal-Investiment
Ħidma mas-sħab internazzjonali
Irridu nibnu sħubijiet fit-tul li huma ta’ benefiċċju reċiproku – b’hekk nagħtu spinta lill-enerġija rinnovabbli u nżidu l-effiċjenza enerġetika fid-dinja u nikkooperaw fuq it-teknoloġija ekoloġika u l-innovazzjoni. Il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE l-ġdida se jkollha rwol ewlieni fil-ġbir flimkien tad-domanda u se tikkoordina l-użu tal-infrastruttura, tinnegozja mas-sħab internazzjonali u tħejji biex il-gass u l-idroġenu jibdew jinxtraw b’mod konġunt.
Azzjonijiet:
- Żieda fil-konsenji ta’ gass naturali likwifikat (LNG) mill-Istati Uniti u l-Kanada u pipeline u gass LNG min-Norveġja
- Intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Ażerbajġan, speċjalment dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar
- Ftehimiet politiċi ma’ fornituri tal-gass bħall-Eġittu u l-Iżrael biex jiżdiedu l-provvisti tal-LNG
- Jinbeda mill-ġdid id-djalogu dwar l-enerġija mal-Alġerija
- Kooperazzjoni kontinwa ma’ produtturi ewlenin fil-Golf, inkluż il-Qatar, kif ukoll mal-Awstralja
- Koordinazzjoni ma’ xerrejja tal-gass bħall-Ġappun, iċ-Ċina u l-Korea
- Esplorazzjoni tal-potenzjal tal-esportazzjoni tal-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana bħan-Niġerja, is-Senegal u l-Angola
L-UE se tkompli taħdem ukoll mal-G7, mal-G20 u ma’ fora internazzjonali oħra, inklużi l-OPEC u l-AIE, biex tiżgura swieq globali taż-żejt li jiffunzjonaw tajjeb.
Skeda ta’ żmien
- 14 ta’ Diċembru 2022
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu qbil politiku dwar il-finanzjament tar-REPowerEU u li jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu kapitoli tar-REPowerEU fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza
- 9 ta’ Diċembru 2022
Tnediet Alleanza industrijali ġdida li tagħti spinta lill-enerġija solari u lis-sigurtà tal-enerġija tal-UE
- 9 ta’ Novembru 2022
Il-Kummissjoni tintensifika t-tranżizzjoni ekoloġika lil hinn mill-gass Russu billi taċċellera l-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli
- 26 ta’ Lulju 2022
Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jilħaq qbil biex jiżgura tnaqqis ordnat u kkoordinat tal-konsum tal-gass fl-UE kollha bi tħejjija għax-xitwa li ġejja.
- 20 ta’ Lulju 2022
Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura: Il-Kummissjoni tipproponi pjan biex tnaqqas id-domanda għall-gass ħalli l-UE tkun ippreparata għall-qtugħ fil-provvista
- 18 ta’ Lulju 2022
L-UE u l-Ażerbajġan jiffirmaw Memorandum ta’ Qbil ġdid dwar Sħubija Strateġika fil-Qasam tal-Enerġija, li jistabbilixxi l-pedamenti għal sħubija fit-tul dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija nadifa. Bis-saħħa ta’ dan, il-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar se tiġi rduppjata biex twassal mill-anqas 20 biljun metru kubu lill-UE kull sena sal-2027.
- 15 ta’ Lulju 2022
Il-Kummissjoni tapprova l-“IPCEI Hy2Tech”, l-ewwel Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni li qatt sar fis-settur tal-idroġenu. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa teknoloġiji innovattivi għall-katina tal-valur tal-idroġenu għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali u l-mobbiltà. Dan jinvolvi 35 kumpanija u 41 proġett minn 15-il Stat Membru.
- 27 ta’ Ġunju 2022
Jiġu adottati regoli ġodda dwar il-ħżin tal-gass. Huma se jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE fid-dawl tax-xitwa li jmiss. Ir-regoli l-ġodda se jirrikjedu li l-Istati Membri tal-UE jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin sa 80% tal-kapaċità sa Novembru ta’ din is-sena – u sa 90% fis-snin sussegwenti.
- 23 ta’ Ġunju 2022
L-UE u n-Norveġja jaqblu li japprofondixxu s-sħubija tagħhom biex iżidu l-provvisti tal-gass fuq terminu qasir u twil, jindirizzaw il-prezzijiet għaljin tal-enerġija, u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar l-enerġija nadifa, inkluż dwar l-idroġenu.
- 17 ta’ Ġunju 2022
L-UE, l-Istati Uniti u 11-il pajjiż ieħor iniedu l-Perkors tal-Enerġija relatat mal-Wegħda Globali b'rabta mal-Metan biex jikkatalizzaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur taż-żejt u l-gass, billi javvanzaw kemm il-progress fil-klima kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija.
- 15 ta’ Ġunju 2022
L-UE, l-Eġittu u l-Iżrael jiffirmaw Memorandum ta’ Qbil trilaterali għall-esportazzjoni tal-gass naturali lejn l-Ewropa. Il-gass naturali mill-Iżrael, l-Eġittu u sorsi oħrajn fir-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran se jintbagħat lejn l-Ewropa permezz tal-infrastruttura tal-esportazzjoni tal-LNG tal-Eġittu.
- 25 ta’ Mejju 2022
Il-Kummissjoni tistabbilixxi t-Task Force tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE biex tiżgura provvisti alternattivi.
- 18 ta’ Mejju 2022
Il-Kummissjoni tippreżenta REPowerEU, pjan biex titnaqqas b’mod rapidu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.
Dokumenti
- Communication
REPowerEU related documents
A clear and complete repository of the thematic areas that are shaping the REPowerEU initiative
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)
- Iddawnlowdjafrançais(5.95 KB - HTML)