L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxu punt ta’ riferiment globali għoli għar-regolamentazzjoni tas-servizzi diġitali b’obbligi ċari mfassla apposta għall-importanza tal-pjattaformi online.
Obbligi ċari tal-gwardjani fl-UE kollha
Illum, il-mod kif il-gwardjani jmexxu n-negozji tagħhom hu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux regolat jew hu bbażat fuq settijiet ta’ regoli li ħafna minnhom kienu stabbiliti qabel l-ekonomija diġitali. Dan huwa l-każ fl-UE kollha.
Il-problemi relatati mal-gwardjani bħalissa mhumiex indirizzati b’mod effettiv mill-Istati Membri jew mill-UE fir-regolamentazzjoni eżistenti.
Ċertezza legali għall-pjattaformi
Illum il-ġurnata, l-inizjattivi leġiżlattivi nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE jistgħu jindirizzaw parzjalment il-problemi identifikati iżda jwasslu wkoll għal żieda fil-frammentazzjoni regolatorja fl-UE. Dan jista’ joħloq spejjeż addizzjonali ta’ konformità għall-pjattaformi li joperaw b’mod transfruntier.
- X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:
- Il-gwardjani se jkunu jafu minn qabel l-obbligi li għandhom jirrispettaw.
- Pjattaformi oħra mhux se jkunu soġġetti għal dawn ir-regoli iżda se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn imġiba aktar ġusta meta jagħmlu negozji mal-gwardjani.
- Inqas spejjeż tal-konformità għall-gwardjani u l-utenti kummerċjali tagħhom.
- X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:
- Sett wieħed ta’ regoli applikabbli fl-UE kollha
- Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu mekkaniżmi għall-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom u jiżguraw implimentazzjoni xierqa tal-qafas fl-UE kollha.
Obbligi asimmetriċi mfassla apposta
Illum, l-utenti huma esposti għal oġġetti, kontenut jew servizzi illegali, u d-deċiżjonijiet kollha huma l-aktar fid-diskrezzjoni tal-pjattaformi. L-ikbar impatt jiġi minn dawk il-pjattaformi li saru spazji kważi pubbliċi għall-komunikazzjoni u l-kummerċ.
X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:
- Miżuri kontra oġġetti, servizzi jew kontenut illegali online, bħal mekkaniżmu għall-utenti biex jissenjalaw dan il-kontenut u għall-pjattaformi biex jikkooperaw ma’ “senjalaturi fdati”.
- Obbligi ġodda dwar it-traċċabbiltà tal-utenti kummerċjali fi swieq online, biex jgħinu jidentifikaw il-bejjiegħa ta’ oġġetti illegali.
- Salvagwardji effettivi għall-utenti, inkluża l-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-moderazzjoni tal-kontenut tal-pjattaformi
- Miżuri ta’ trasparenza għall-pjattaformi online li jkopru firxa wiesa’, inkluż dwar l-algoritmi użati għar-rakkomandazzjonijiet
- Obbligi għall-pjattaformi kbar ħafna li jilħqu aktar minn 10% tal-popolazzjoni tal-UE biex jevitaw abbuż tas-sistemi tagħhom billi jieħdu azzjoni bbażata fuq ir-riskju u permezz ta’ awditi indipendenti tas-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom.
- Ir-riċerkaturi se jkollhom aċċess għad-data tal-pjattaformi ewlenin, biex jiskrutinaw kif jaħdmu l-pjattaformi.
- Kodiċijiet ta’ kondotta u standards tekniċi se jassistu l-pjattaformi u atturi oħrajn fil-konformità tagħhom mar-regoli l-ġodda. Kodiċijiet oħra se jsaħħu miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi għal persuni b’diżabbiltà, jew biex jiġu appoġġjati aktar miżuri dwar ir-reklamar.
- L-intermedjarji online kollha li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq uniku diġitali, kemm jekk huma stabbiliti fl-UE kif ukoll barra mill-UE, se jkollhom jikkonformaw mar-regoli l-ġodda.
- Struttura ta’ sorveljanza li taqbel mal-kumplessità tal-ispazju online: l-Istati Membri se jaqdu r-rwol ewlieni, bl-appoġġ ta’ Bord Ewropew ġdid għas-Servizzi Diġitali; għal pjattaformi kbar ħafna, superviżjoni u infurzar mill-Kummissjoni.
Servizzi intermedjarji (obbligi kumulattivi) |
Servizzi ta’ hosting (obbligi kumulattivi) |
Pjattaformi online (obbligi kumulattivi) |
Pjattaformi kbar ħafna (obbligi kumulattivi) |
|
---|---|---|---|---|
Rapportar ta’ trasparenza | ● | ● | ● | ● |
Rekwiżiti dwar it-termini ta’ servizz filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali | ● | ● | ● | ● |
Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali skont l-ordnijiet | ● | ● | ● | ● |
Punti ta’ kuntatt u, fejn meħtieġ, rappreżentant legali | ● | ● | ● | ● |
Avviż u azzjoni u obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni lill-utenti | ● | ● | ● | |
Rapportar ta’ reati kriminali | ● | ● | ● | |
Mekkaniżmu ta’ lment u rimedju u soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti | ● | ● | ||
Senjalaturi fdati | ● | ● | ||
Miżuri kontra avviżi u kontroavviżi abbużivi | ● | ● | ||
Obbligi speċjali għas-swieq, eż. il-verifika tal-kredenzjali ta’ fornituri terzi ("KYBC"), il-konformità skont id-disinn, kontrolli aleatorji | ● | ● | ||
Projbizzjonijiet fuq reklami mmirati lejn it-tfal u dawk ibbażati fuq karatteristiċi speċjali tal-utenti | ● | ● | ||
Trasparenza tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni | ● | ● | ||
Trasparenza tar-reklamar online li jiffaċċja l-utent | ● | ● | ||
Obbligi ta’ ġestjoni tar-riskju u rispons għall-kriżijiet | ● | |||
Awditjar estern u indipendenti, funzjoni ta’ konformità interna u responsabbiltà pubblika | ● | |||
Għażla tal-utent biex ma jirċevix rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ tfassil ta’ profil | ● | |||
Ixxerjar tad-data mal-awtoritajiet u r-riċerkaturi | ● | |||
Kodiċijiet ta’ kondotta | ● | |||
Kooperazzjoni fir-rispons għall-kriżijiet | ● |
Responsabbiltà ċċarata u mekkaniżmu ta’ konformità effiċjenti
L-eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-intermedjarji online hija pedament tar-regolamentazzjoni tal-internet, li tiżgura li jkun possibbli li l-kontenut, l-oġġetti jew is-servizzi illegali jiġu indirizzati malajr, iżda wkoll li l-pjattaformi ma jiġux inċentivati biex ineħħu kontenut leġittimu u ma jkunux obbligati jimmonitorjaw l-utenti tagħhom. Illum, uħud mir-regoli wasslu għal frammentazzjoni fis-suq uniku, u hemm inċertezzi għal pjattaformi diliġenti li jridu jieħdu miżuri u jipproteġu lill-utenti tagħhom minn kontenut illegali.
X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:
- Tisħiħ u aktar ċarezza dwar il-kundizzjonijiet għal eżenzjonijiet mir-responsabbiltà: il-pjattaformi u intermedjarji oħra mhumiex responsabbli għall-imġiba illegali tal-utenti sakemm ma jkunux konxji ta’ atti illegali u jonqsu milli jneħħuhom.
- Ir-regoli għall-eċċezzjoni tar-responsabbiltà issa se jkunu armonizzati u uniformi fl-UE kollha bis-saħħa ta’ Regolament li se japplika direttament.
- Kjarifiki ġodda dwar kif dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għar-responsabbiltà tal-protezzjoni tal-konsumatur.
- Soluzzjoni tal-paradoss ta’ miżuri volontarji meħuda minn pjattaformi żgħar: il-pjattaformi diliġenti mhumiex responsabbli għall-kontenut illegali li jidentifikaw huma stess.
- Aktar ċertezza legali dwar l-interazzjoni mal-awtoritajiet: il-pjattaformi se jkollhom jikkooperaw mal-awtoritajiet li joħorġu ordnijiet legali li jkollhom kriterji komuni minimi.
Espansjoni ta’ pjattaformi online żgħar fl-UE
Hemm aktar minn 10,000 pjattaforma fl-UE, li 90% minnhom huma intrapriżi żgħar u medji, skont l-istimi tal-Kummissjoni. Is-servizzi diġitali fl-UE bħalissa jridu jittrattaw ma’ 27 sett differenti ta’ regoli nazzjonali. L-ikbar kumpaniji biss jistgħu jittrattaw mal-ispejjeż tal-konformità li jirriżultaw.
X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:
- Żgurar li l-pjattaformi online ż-żgħar ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat iżda jibqgħu responsabbli.
- L-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi huma eżentati mill-obbligi l-aktar għaljin, iżda huma liberi li japplikaw l-aħjar prattiki, għall-vantaġġ kompetittiv tagħhom.
- Sett uniku ta’ regoli għall-UE kollha se joħloq il-kundizzjonijiet it-tajbin biex is-servizzi diġitali transfruntiera jirnexxu. Dan jista’ joħloq sa 2% aktar kummerċ diġitali transfruntier fis-suq uniku.
- L-atturi ż-żgħar se jkollhom ċertezza legali biex jiżviluppaw is-servizzi u jipproteġu lill-utenti minn attivitajiet illegali peress li se jkunu appoġġjati minn standards u linji gwida.