
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali joħolqu spazju diġitali aktar sikur u miftuħ għall-utenti kollha, fejn id-drittijiet fundamentali tagħhom huma protetti u fejn għandhom aċċess għal servizzi diġitali ta’ kwalità bi prezz orħos.
Ambjent online aktar sikur
Illum il-ġurnata, il-pjattaformi online jistgħu jintużaw ħażin biex ixerrdu kontenut illegali bħal diskors ta’ mibegħda, kontenut terroristiku jew materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll biex ibigħu oġġetti perikolużi u prodotti ffalsifikati, jew biex joffru servizzi illegali, u b’hekk jesponu liċ-ċittadini għall-ħsara.
61% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jgħidu li ltaqgħu ma’ kontenut illegali online u 65% jgħidu li ma jaħsbux li l-Internet huwa sikur għall-użu, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2018.
- Modi faċli u ċari kif tirrapporta kontenut, oġġetti jew servizzi illegali fuq pjattaformi online
- Obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-pjattaformi u obbligi aktar b’saħħithom għal pjattaformi kbar ħafna, fejn iseħħu l-aktar ħsarat serji
- L-awtoritajiet se jkunu mgħammra aħjar biex jipproteġu liċ-ċittadini billi jissorveljaw il-pjattaformi u jinfurzaw ir-regoli flimkien fl-Unjoni kollha

Konsumaturi protetti aħjar
Illum il-ġurnata, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej mhumiex protetti b’mod adegwat online. Il-pjattaformi jistgħu pereżempju jiddeċiedu li jħassru l-kontenut tal-utenti, mingħajr ma jinfurmaw lill-utent jew jipprovdu possibbiltà ta’ rimedju. Dan għandu implikazzjonijiet qawwija għal-libertà tal-espressjoni tal-utenti.
92% ta’ dawk li wieġbu jemmnu li t-trasparenza mill-fornituri tas-servizzi hija importanti biex tiġi protetta l-libertà ta' espressjoni tal-utenti, abbażi tar-rapport tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.
X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:
- L-utenti se jkunu informati dwar it-tneħħija ta’ kontenut mill-pjattaformi u jistgħu jikkontestawha
- L-utenti se jkollhom aċċess għal mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim f’pajjiżhom stess
- Termini u kundizzjonijiet trasparenti għall-pjattaformi
- Aktar sikurezza u għarfien aħjar tal-bejjiegħa reali tal-prodotti li jixtru l-utenti
- Obbligi aktar b’saħħithom għal pjattaformi online kbar ħafna biex jiġu vvalutati u mmitigati r-riskji fil-livell tal-organizzazzjoni ġenerali tas-servizzi tagħhom għad-drittijiet tal-utenti, fejn ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet u r-riskji ta’ tixrid virali ta’ kontenut illegali jew ta’ ħsara għandhom impatt kbir
- Mekkaniżmi ta’ rispons rapidu għall-kriżijiet b’miżuri addizzjonali ta’ ġestjoni tar-riskju għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà
- Protezzjonijiet ġodda għall-minorenni
- Projbizzjonijiet fuq reklami mmirati fuq pjattaformi online mmirati lejn il-minorenni jew li jużaw data personali sensittiva
- Aċċess għad-data tal-pjattaformi għar-riċerkaturi biex jifhmu r-riskji fuq is-soċjetà u d-drittijiet fundamentali
Setgħa liċ-ċittadini u lill-utenti
Illum il-ġurnata, il-pjattaformi jottimizzaw il-preżentazzjoni tal-informazzjoni biex jiġbdu l-attenzjoni u jixprunaw id-dħul, iżda l-utenti tagħhom spiss ma jkunux konxji kif is-sistemi tagħhom jissortjaw il-kontenut u kif il-pjattaformi jfasslu l-profil tagħhom. Il-manipulazzjoni tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni u l-abbuż tas-sistemi ta’ riklamar jistgħu jżidu d-diżinformazzjoni perikoluża u l-propagazzjoni ta’ kontenut illegali.
70% ta’ dawk li wieġbu jemmnu li d-diżinformazzjoni qed tinfirex billi jiġu mmanipulati l-proċessi algoritmiċi fuq il-pjattaformi online, skont ir-rapport tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.
Servizzi diġitali ta’ kwalità bi prezz orħos
Ir-rwol sistemiku ta’ ftit pjattaformi online jaffettwa l-ħajjiet ta’ biljuni ta’ utenti u miljuni ta’ kumpaniji fl-Ewropa. Xi kumpaniji għandhom impatt kbir fuq is-swieq diġitali, jikkontrollaw l-aċċess għalihom u huma stabbiliti fihom. Jistgħu jimponu kundizzjonijiet inġusti “jew hekk, jew xejn” kemm fuq l-utenti kummerċjali tagħhom kif ukoll fuq il-konsumaturi.
60% ta’ dawk li wieġbu jgħidu li l-konsumaturi m’għandhomx biżżejjed għażliet u alternattivi fir-rigward tal-pjattaformi online, skont ir-rapport tal-konsultazzjoni pubblika dwar Għodda Ġdida għall-Kompetizzjoni.
X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:
- Projbizzjoni ta’ prattiki inġusti, ftuħ tal-possibbiltà għall-utenti kummerċjali li joffru lill-konsumaturi aktar għażliet ta’ servizzi
- Interoperabbiltà aħjar mas-servizzi li huma alternattivi għal dawk tal-gwardjani
- Possibbiltajiet aktar faċli għall-konsumaturi biex jibdlu l-pjattaformi jekk jixtiequ jagħmlu dan
- Servizzi aħjar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi