Mur għall-kontenut ewlieni

Niksbu Ewropa Soċjali b’saħħitha

Ewropa Soċjali b’saħħitha hija l-pedament tal-prosperità

In-nies u n-negozji fl-UE jistgħu jirnexxu biss jekk l-ekonomija taħdem għalihom. Ewropa Soċjali b’saħħitha hija l-pedament tal-prosperità u l-benesseri, kif ukoll ta’ ekonomija kompetittiva u ġusta. Ħaddiema tas-sengħa, li kapaċi jisfruttaw l-innovazzjoni u jadattaw għat-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali, huma kruċjali għal dan.

F’dawn l-aħħar erba’ snin, l-Unjoni Ewropea ffaċċjat sfidi bla preċedent li kellhom impatt profond fuq l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-ekonomija, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-ħajja soċjali tagħna, u amplifikaw l-ostakli u l-inugwaljanzi. Minkejja xokkijiet soċjoekonomiċi suċċessivi, l-UE baqgħet reżiljenti, b’rati ta’ qgħad baxxi rekord u żieda fl-impjiegi, bis-saħħa ta’ azzjoni deċiżiva mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

L-Unjoni Ewropea qed tibni ekonomija ġusta, inklużiva, li toffri l-opportunitajiet, u li twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha tal-UE.

Portrait of Ursula von der Leyen, President of the European Commission

Hekk kif qed negħlbu l-pandemija, hekk kif qed inħejju r-riformi meħtieġa u hekk kif qed naċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji, nemmen li wasal iż-żmien li nadattaw ukoll il-ġabra ta’ regoli soċjali. Ġabra ta’ regoli li tiżgura s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Ġabra ta’ regoli li tippremja lill-imprendituri li jieħdu ħsieb l-impjegati tagħhom. Li tiffoka fuq l-impjiegi u tiftaħ l-opportunitajiet. Li tpoġġi l-ħiliet, l-innovazzjoni u l-protezzjoni soċjali fuq l-istess livell.

Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea

Nibnu Ewropa aktar ġusta

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jibni fuq 20 prinċipju u dritt ewlenin li huma essenzjali biex jiġu żgurati swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali aktar ġusti u li jiffunzjonaw aħjar. Il-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, ippreżentat fl-2021, kien il-gwida tagħna biex dawn il-prinċipji jinbidlu f’azzjonijiet konkreti li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini. Hu jiffoka fuq:

  • il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u ta’ kwaltà aħjar
  • l-għoti tas-setgħa lin-nies biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu
  • l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-opportunitajiet
  • il-ġlieda kontra l-faqar u l-ħolqien ta’ soċjetà aktar inklużiva

Sabiex tkompli tikseb riżultati konkreti u dejjiema li se jkunu ta’ benefiċċju għall-UE kollha, il-Kummissjoni stabbiliet tliet miri ewlenin għall-2030:

78%
Impjiegi
mill-anqas 78% tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena għandha tkun f’impjieg
60%
Taħriġ
mill-anqas 60% tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena;
15-il miljun
Tnaqqis tal-faqar
tnaqqis ta’ mill-anqas 15-il miljun fin-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali

Sors: Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-mexxejja tal-pajjiżi u l-gvernijiet tal-UE impenjaw ruħhom għal dawn it-tliet miri fis-Summit Soċjali ta’ Porto tal-2021. Kull pajjiż tal-UE ppreżenta l-kontribut nazzjonali tiegħu biex dawn jintlaħqu. 

Ninvestu fil-ħiliet u fl-edukazzjoni

It-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali qed jixprunaw domandi ġodda għall-ħiliet fl-Ewropa. Pereżempju, it-tranżizzjoni nadifa qed toħloq impjiegi ġodda fl-UE f’setturi bħall-enerġija mir-riħ u mix-xemx, il-vetturi elettriċi, u l-pompi tas-sħana.

Hu importanti li jkun hemm forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa biex jinkisbu t-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività fit-tul.

90%
tal-impjiegi fil-futur se jeħtieġu ħiliet diġitali
Sa 40%
tal-ħaddiema Ewropej qed jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni nadifa
Aktar minn €65 biljun
tal-fondi tal-UE huma investiti fit-taħriġ

Sors: Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet – Fatti u ċifri

Minkejja dan, in-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diskrepanzi fil-ħiliet għadhom ta’ tħassib. In-nuqqasijiet huma partikolarment prevalenti fil-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. In-nisa huma sottorappreżentati fi professjonijiet u studji relatati mat-teknoloġija, bi speċjalista waħda biss minn kull 5 fl-ICT u gradwata waħda minn kull 3 fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) jkunu nisa.

Sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet u jingħata appoġġ lit-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali, l-2023 ntgħażlet bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Dan qed jagħti s-setgħa lill-forza tax-xogħol u lis-soċjetà billi jindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet fl-Unjoni Ewropea u jagħti spinta lill-aġenda tal-ħiliet tal-UE. Qed tgħin ukoll lin-nies jiksbu l-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità u tappoġġja lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet.

Riżultat ewlieni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet huwa l-pjan ta’ azzjoni biex jindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet, ippreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu 2024. Il-pjan jistabbilixxi miżuri ewlenin f’ħames oqsma ta’ azzjoni li l-UE, l-Istati Membri, u s-sħab soċjali għandhom jieħdu fi żmien qasir u medju. 

Id-dritt għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun realtà għal kulħadd fl-Ewropa kollha, mill-bliet saż-żoni remoti u rurali. In-negozji jeħtieġu ħaddiema bil-ħiliet neċessarji biex iwettqu t-tranżizzjonijiet diġitali u nodfa, u n-nies iridu jkunu jistgħu jirċievu l-edukazzjoni u t-taħriġ xierqa biex jirnexxu fil-ħajja.

Biex tindirizza r-rekwiżiti tal-ħiliet u tal-edukazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet:

Insibu opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ

Iż-żgħażagħ spiss isibuha diffiċli biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom. L-UE tgħin liż-żgħażagħ jiżguraw impjiegi ta’ kwalità permezz ta’ finanzjament u inizjattivi inkluża l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, taħt il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ. Mill-2013, madwar 50 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fil-programmi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ kisbu impjiegi, apprendistati, traineeships, u edukazzjoni u taħriġ kontinwi.

Noħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar

Nappoġġjaw liċ-ċittadini u lin-negozji matul il-pandemija

Il-pandemija globali kellha impatt qawwi fuq in-nies, is-soċjetà tagħna, u l-ekonomija tagħna. Permezz ta’ miżuri u inizjattivi ta’ emerġenza ekonomiċi biex tgħin lill-ħaddiema u lill-impjegaturi matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata u mmobilizzat il-finanzjament tal-UE. Il-Kummissjoni stabbiliet l-istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) biex tgħin lill-Istati Membri jipproteġu l-impjiegi u n-negozji, u tappoġġja liċ-ċittadini kontra r-riskju tal-qgħad u t-telf tal-introjtu.

Bis-saħħa tax-SURE:

Madwar 31.5 miljun
impjegat u persuna li taħdem għal rasha rċevew l-appoġġ
Madwar 2.5 miljun
negozju ngħataw l-għajnuna, bil-maġġoranza tmur għand l-SMEs
Total ta’ €98.4 biljun
tal-assistenza finanzjarja tax-SURE ġiet żborżata lil 19-il Stat Membru

Sors: SURE

Inizjattivi bħax-SURE kienu kruċjali fit-tnaqqis tal-impatt ekonomiku u soċjali negattiv tal-pandemija, biex taw protezzjoni effettiva lil madwar 1.5 miljun persuna mill-qgħad fl-2020, u saħħew ir-reżiljenza tal-UE fid-dawl ta’ kriżijiet bla preċedent.

Kif in-nies u n-negozji jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE

In-NextGenerationEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) huma fil-qalba tal-baġit tal-UE, u juru kif l-infiq tal-UE huwa ta’ benefiċċju għall-UE kollha. Dawn il-fondi jixprunaw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi jappoġġjaw l-intraprenditorija, il-kompetittività u l-industrijalizzazzjoni.

Il-finanzjament tal-UE huwa disponibbli permezz ta’ diversi programmi ta’ finanzjament, inkluż l-InvestEU, li jippromwovi l-investiment sostenibbli, l-innovazzjoni, u l-ħolqien tal-impjiegi. In-negozji u l-proġetti ż-żgħar jistgħu jaċċessaw opportunitajiet ta’ investiment permezz tal-Portal InvestEU. Ħafna kumpaniji fl-Unjoni Ewropea kollha diġà rċevew il-finanzjament.

Pagi minimi adegwati fl-UE

Il-Kummissjoni tippromwovi paga ġusta u biżżejjed għall-għajxien għall-ħaddiema kollha fl-UE. F’Ottubru 2022, l-UE adottat direttiva li tistabbilixxi qafas biex tiżgura pagi minimi adegwati fl-UE kollha filwaqt li tippromwovi n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali. L-iżgurar li l-impjiegi jħallsu paga adegwata huwa essenzjali biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien diċenti għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom, kif ukoll biex jinbnew ekonomiji ġusti u reżiljenti u biex jingħata appoġġ lit-tkabbir inklużiv.

Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi

Permezz ta’ dawn ir-regoli l-ġodda, l-UE hija impenjata li tagħti prijorità lill-ġustizzja, lir-responsabbiltà, u lis-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema f’dan ix-xenarju diġitali li dejjem qed jevolvi.

L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-opportunitajiet

Paga ugwali u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Paga ugwali għal xogħol ugwali hija wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, u l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri huwa fokus ewlieni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025. Permezz tar-regoli tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi, l-UE ssaħħaħ il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

L-UE hija impenjata wkoll li tappoġġja l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata permezz tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, li tħeġġeġ il-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura u tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li tipprovdi wkoll drittijiet addizzjonali bħal arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

4 xhur
liv minimu tal-ġenituri għal kull ġenitur
10 ijiem ta’ xogħol
ta’ liv tal-paternità waqt il-perjodu tat-twelid ta’ wild
5 ijiem ta' xogħol
ta’ liv tal-persuni li jindukraw kull sena għall-ħaddiema kollha

Sors: Skeda informattiva dwar drittijiet ġodda ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Insaħħu s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa wieħed mill-oqsma fejn l-UE kellha l-akbar impatt; huma meħtieġa kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għal forza tax-xogħol sostenibbli u b’saħħitha. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni adottat approċċ ambizzjuż ta’ Viżjoni Żero biex telimina totalment l-imwiet relatati max-xogħol fil-Qafas Strateġiku tagħha dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027. Hija tressaq ħames proposti biex tipproteġi lill-ħaddiema minn kanċers okkupazzjonali u mard serju ieħor billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-esponiment fuq il-post tax-xogħol, pereżempju, għall-asbestos u ċ-ċomb.

Is-Summit dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali f’Mejju 2023 ikkonferma l-effettività tal-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza. Identifika wkoll kwistjonijiet ta’ tħassib dejjem akbar li jeħtieġu aktar kunsiderazzjonijiet, bħar-riskji psikosoċjali u s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, u l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Intejbu l-aċċess għall-opportunitajiet għall-persuni b’diżabbiltà

Taħt l-istrateġija, fl-2022 ġie adottat Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabbiltà. Peress li fl-UE huma impjegati biss nofs tat-42.8 miljun persuna b’diżabbiltà fl-età tax-xogħol, inizjattivi bħal dawn qed jipprovdu gwida lill-impjegaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jgħinu lil aktar persuni b’diżabbiltà jaċċessaw is-suq tax-xogħol.

Wara l-proposta tal-Kummissjoni f’Settembru 2023, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar l-introduzzjoni ta’ Kard Ewropea tad-Diżabbiltà standardizzata, kif ukoll it-titjib tal-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà. 

Niġġieldu kontra l-faqar u l-ħolqien ta’ soċjetà aktar inklużiva

Introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva

Kulħadd jistħoqqlu jgħix ħajja dinjituża fl-istadji kollha tal-ħajja. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma ostakli għal dan id-dritt u aħna, bħala soċjetà, jeħtiġilna nsibu modi biex negħlbuhom. Dan ifisser il-ħolqien ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali robusti li jipprovdu appoġġ adegwat għall-introjtu lill-persuni li għandhom bżonn urġenti tiegħu. Dan ifisser ukoll li jiġi żgurat aċċess effettiv għal servizzi abilitanti u essenzjali, u għajnuna lil dawk li jistgħu jaħdmu biex isibu impjieg. L-UE adottat Rakkomandazzjoni f’Jannar 2023 biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet.

Intemmu l-problema tal-persuni mingħajr dar

L-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli huwa tħassib dejjem akbar fl-UE kollha. Fil-21 ta’ Ġunju 2021, f’konferenza ta’ livell għoli f’Liżbona, il-mexxejja Ewropej nedew il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar u ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar biex tinġabar id-data u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki biex titnaqqas drastikament il-problema tal-persuni mingħajr dar.

Niksru ċ-ċiklu tal-faqar fost it-tfal

L-ebda tifel u tifla m’għandhom jgħixu fil-faqar fl-Ewropa. Sabiex niżguraw li t-tfal f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jkollhom aċċess effettiv għal servizzi ewlenin bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, l-UE adottat l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

Il-passi li jmiss

Filwaqt li kien hemm progress sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ Ewropa aktar soċjali f’dawn l-aħħar snin, il-ħidma tagħna għadha mhijiex lesta.

Biex tiżgura li nibqgħu fit-triq it-tajba, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-2025. Ir-rieżami se jippermettilna nfasslu l-passi li jmiss li rridu nieħdu sabiex nilħqu l-miri tagħna għall-2030 u nimplimentaw bis-sħiħ il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.