Mur għall-kontenut ewlieni

Azzjonijiet tal-UE biex tissaħħaħ is-sigurtà globali tal-ikel

Wheat ear close up and yellow field with blue sky like Ukrainian flag
© Mykola Mazuryk / Adobe Stock

It-tisħiħ tas-sistemi tal-ikel madwar id-dinja permezz ta’ assistenza umanitarja u kooperazzjoni internazzjonali

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Għarbi | العربية | bis-Swaħili | bil-Kiswaħili

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna qed tipperikola s-sigurtà tal-ikel għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja, b’mod partikolari f’pajjiżi bi dħul baxx li jiddependu fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u tal-fertilizzanti.

L-Unjoni Ewropea qed tieħu passi biex tiżgura li s-sigurtà globali tal-ikel tiġi restawrata permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Qed timmobilizza wkoll l-għajnuna umanitarja u l-appoġġ lill-bdiewa l-aktar affettwati.

ursula von der leyen

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna qed tħalli riperkussjonijiet madwar id-dinja. Qed nitkellmu dwar il-ħajjiet u l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja li qed jibżgħu li mhux se jkunu jistgħu jaffordjaw isaħħnu d-djar tagħhom jew jitimgħu lil uliedhom.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-aggressjoni tar-Russja qed tikkawża l-kriżi globali tal-ikel

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna kellha impatt immedjat fuq is-sigurtà tal-ikel għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja. L-ispejjeż tul il-katina tal-provvista tal-ikel żdiedu. Iż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u tal-fertilizzanti ddestabbilizzaw is-swieq agrikoli, u l-flussi kummerċjali lejn u mill-Ukrajna u r-Russja qed jiġu mfixkla.

alt=""

L-Ukrajna waħedha tipprovdi aktar minn nofs il-provvista tal-qamħ tal-Programm Dinji tal-Ikel. Il-bumbardamenti jagħmluha impossibbli għall-bdiewa Ukreni li jaħdmu r-raba.

alt=""

Ir-Russja qed timmira u teqred b’mod deliberat il-makkinarju agrikolu, l-istokkijiet tal-ikel, u l-kapaċitajiet tal-ipproċessar u tat-trasport fl-Ukrajna.

alt=""

Ir-Russja qed tillimita l-esportazzjonijiet tal-ikel tagħha u qed timblokka mijiet ta’ bastimenti mimlijin bil-qamħ fil-Baħar l-Iswed.

alt=""

Is-sanzjonijiet tal-UE imposti fuq ir-Russja u l-Belarussja m’għandhomx fil-mira s-settur agrikolu. Ix-xiri, l-importazzjoni u t-trasport ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel huma eżentati mill-projbizzjoni fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Russa.

Rispons tal-UE

L-UE, bħala sieħba dejjiema u affidabbli għall-pajjiżi madwar id-dinja, qed taħdem biex tiżgura s-sigurtà globali tal-ikel u tibni sistemi tal-ikel reżiljenti.

Bħalissa, id-disponibbiltà tal-ikel ma tinsabx f’riskju fl-UE, peress li l-kontinent hu fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għal ħafna prodotti agrikoli. Madankollu, is-settur agrikolu tagħna hu importatur nett ta’ prodotti speċifiċi bħall-proteini tal-għalf. Din il-vulnerabbiltà, flimkien mal-ispejjeż għoljin tal-input, bħall-fertilizzanti u l-enerġija fossili, qed joħolqu sfidi ta’ produzzjoni għall-bdiewa u qed jirriskjaw li jżidu l-prezzijiet tal-ikel.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi firxa ta’ azzjonijiet fuq terminu qasir u medju biex issaħħaħ is-sigurtà tal-ikel globali u biex tappoġġja lill-bdiewa u lill-konsumaturi fl-UE fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fl-ispejjeż tal-input.

Aħna qed:

alt=""

ngħinu biex il-qamħ joħroġ mill-Ukrajna

alt=""

nappoġġjaw il-popolazzjonijiet vulnerabbli

alt=""

insaħħu l-produzzjoni tal-ikel tagħna

alt=""

inneħħu r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-ikel u nippromwovu l-multilateraliżmu

Tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel globali

€18-il biljun
investiti mill-UE għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja kollha (2020-2024)
Aktar minn 70 pajjiż
se jkunu appoġġjati biex iżidu r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel tagħhom

Impatt globali ta’ tnaqqis fil-produzzjoni tal-għelejjel

Il-Kummissjoni hi impenjata li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-UE, bħala esportatur nett tal-ikel u produttur agroalimentari ewlieni, tikkontribwixxi għas-sigurtà globali tal-ikel. L-UE hi fornitur ewlieni ta’ assistenza umanitarja u għall-iżvilupp fir-rigward tal-ikel u tas-sistemi tal-ikel.

Kemm il-ħtiġijiet umanitarji kif ukoll l-ispejjeż x’aktarx li jiżdiedu u jpoġġu pressjoni addizzjonali fuq l-assistenza umanitarja. Mill-2015 ’l hawn, l-UE nefqet mhux anqas minn €350 miljun fis-sena għall-assistenza umanitarja tal-ikel. Bejn l-2020 u l-2024, l-UE qed tinvesti €18-il biljun għas-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja. Fil-perjodu 2021-27, l-UE se tappoġġja s-sistemi tal-ikel f’madwar 70 pajjiż sieħeb.

  • Fis-6 ta’ April 2022, l-UE u l-Istati Membri wiegħdu aktar minn €1 biljun biex jindirizzaw is-sigurtà tal-ikel fis-Saħel. 
  • Fis-26 ta’ April 2022, l-UE u l-Istati Membri wiegħdu €633 miljun għal appoġġ urġenti u għat-tisħiħ tas-sistemi tal-ikel u r-reżiljenza fil-Qarn tal-Afrika.
  • Fl-24 ta’ Settembru 2022, l-UE allokat €600 miljun lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku l-aktar vulnerabbli milquta mill-kriżi tal-ikel.
  • Fl-14 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ġdid ta’ għajnuna umanitarja ta’ €210 miljun għal 15-il pajjiż l-aktar affettwati mill-effetti devastanti taż-żieda fl-insigurtà tal-ikel.

Għar-reġjun tal-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE adottat pakkett ta’ appoġġ ta’ €225 miljun biex ittaffi l-effetti ta’ kriżijiet potenzjali emerġenti tal-ikel minħabba dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet tal-ikel imfixkla mill-gwerra.

Barra minn hekk, l-UE se tkompli tippromwovi bis-saħħa l-evitar tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ikel kif ukoll suq uniku li jiffunzjona sew.

Din il-kriżi profonda tikkonferma l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel lejn is-sostenibbiltà u r-reżiljenza fuq livell globali biex issir tħejjija aħjar għall-kriżijiet futuri. Bħala segwitu għas-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021, il-Kummissjoni impenjat ruħha fi tmien koalizzjonijiet globali li kollha għandhom bħala għan it-trasformazzjoni tas-sistema tal-ikel, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli tal-produttività.

Appoġġ għall-Ukrajna

wheatfield

L-UE qed taħdem qatigħ biex il-qamħ li jinsab imblukkat fl-Ukrajna jasal fis-swieq globali, biex tkun tista’ tipprovdi lill-Ukreni bi dħul tant meħtieġ u l-Programm Dinji tal-Ikel bil-provvisti li tant għandu bżonn.

L-UE fetħet Korsiji ta’ Solidarjetà u appoġġjathom finanzjarjament sabiex il-qamħ tal-Ukrajna jkun jista’ jilħaq l-aktar pajjiżi vulnerabbli tad-dinja.

Korsiji ta’ Solidarjetà tal-UE: Kurituri ewlenin għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Ukrajna

Madwar 68 miljun tunnellata
ta’ prodotti agrikoli esportati mill-Ukrajna bis-saħħa tal-Korsiji ta’ Solidarjetà tal-UE
Aktar minn €2 biljun
mobilizzati mill-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jittejbu l-konnessjonijiet transfruntieri bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna/il-Moldova

L-UE qed iżżid ukoll il-produzzjoni tagħha stess biex tnaqqas il-pressjoni fuq is-swieq globali tal-ikel, u taħdem mal-Programm Dinji tal-Ikel sabiex l-istokkijiet disponibbli u l-prodotti addizzjonali jkunu jistgħu jaslu fil-pajjiżi vulnerabbli bi prezzijiet affordabbli.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja wkoll lill-Ukrajna fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ strateġija għas-sigurtà tal-ikel fuq terminu qasir u medju biex meta jkun possibbli, tiżgura li l-kontribuzzjonijiet jaslu għand l-azjendi agrikoli u li jinżammu l-faċilitajiet tat-trasport u tal-ħżin sabiex il-pajjiż ikun jista’ jitma’ liċ-ċittadini tiegħu u eventwalment jerġa’ jikseb il-kontroll tas-swieq tal-esportazzjoni tiegħu.

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Appoġġ għall-bdiewa tal-UE

A woman checking the progress of the harvest in real time on her smartphone

Se jitqassmu €500 miljun f’allokazzjonijiet nazzjonali biex jappoġġjaw direttament lill-bdiewa l-aktar affettwati minn spejjeż ogħla tal-input u l-għeluq tas-swieq tal-esportazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jikkomplementaw dan l-appoġġ sa 200% b’fondi nazzjonali.

Biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet fil-fluss tal-flus li bħalissa qed jiffaċċjaw il-bdiewa, il-pajjiżi tal-UE se jitħallew iħallsu bil-quddiem livelli ogħla ta’ pagamenti diretti tal-PAK.

Il-Kummissjoni diġà:

  • tat deroga eċċezzjonali u temporanja biex tippermetti l-produzzjoni ta’ għelejjel fuq art imwarrba fl-UE, filwaqt li jinżammu pagamenti sħaħ ta’ ekoloġizzazzjoni għall-bdiewa
  • ipproponiet Qafas Temporanju ġdid għall-Kriżijiet li jkopri wkoll il-bdiewa, il-produtturi tal-fertilizzanti u s-settur tas-sajd

Il-Kummissjoni se tintroduċi wkoll miżuri ta’ xibka ta’ sikurezza tas-suq biex jappoġġjaw is-suq tal-laħam tal-majjal fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli li qed jiffaċċja s-settur.

Miżuri preventivi fuq importazzjonijiet limitati mill-Ukrajna

F’Mejju 2022, l-UE qablet li tissospendi d-dazji tal-importazzjoni, il-kwoti u l-miżuri ta’ difiża kummerċjali fuq l-esportazzjonijiet Ukreni lejn l-Unjoni Ewropea – magħrufa bħala Miżuri Kummerċjali Awtonomi – biex tgħin ittaffi d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-produtturi u l-esportaturi Ukreni wara l-aggressjoni militari mhux ġustifikata tar-Russja.

Wara li feġġew ostakli loġistiċi fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja, ikkawżati miż-żerriegħa tal-qamħ, tal-qamħirrum, taż-żerriegħa tal-kolza u tal-ġirasol li joriġinaw mill-Ukrajna, fit-2 ta' Mejju 2023 daħlu fis-seħħ miżuri eċċezzjonali u preventivi fuq l-importazzjoni tagħhom fuq bażi temporanja. Id-distorsjonijiet tas-suq m'għadhomx perċepiti fil-5 stat li jmissu mal-Ukrajna, u għalhekk dawn il-miżuri preventivi skadew fil-15 ta’ Settembru 2023. Madankollu, l-Ukrajna qablet li mis-16 ta’ Settembru se ddaħħal fis-seħħ miżuri effettivi biex tikkontrolla l-esportazzjoni tal-erba’ gruppi ta’ merkanzija sabiex tipprevjeni distorsjonijiet tas-suq fl-Istati Membri ġirien. Hi qablet ukoll li tintroduċi miżuri legali biex tevita żidiet qawwija fil-qamħ fi żmien 30 jum.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni biex tkun tista’ tirreaġixxi għal kwalunkwe sitwazzjoni mhux prevista. Hi se toqgħod lura wkoll milli timponi kwalunkwe restrizzjoni sakemm il-miżura effettiva mill-Ukrajna tkun fis-seħħ u qed taħdem bis-sħiħ.

Appoġġ għall-konsumaturi tal-UE

A woman in the fruit and vegetable department of a supermarket

Il-miżuri biex tittejjeb il-provvista tal-ikel bażiku se jgħinu biex itaffu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet.

L-Istati Membri tal-UE jistgħu jimplimentaw ukoll rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u jħeġġu lill-operaturi ekonomiċi biex irażżnu l-prezzijiet bl-imnut.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi tal-UE bħall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) li jappoġġja l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu ikel u/jew assistenza materjali bażika lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Reżiljenza u sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel tagħna

It-tisħiħ tar-reżiljenza billi titnaqqas id-dipendenza tal-agrikoltura Ewropea fuq l-enerġija, l-importazzjonijiet intensivi fl-enerġija u l-importazzjonijiet tal-għalf issa hu aktar neċessarju minn qatt qabel. Ir-reżiljenza teħtieġ sorsi ta’ importazzjoni u swieq disponibbli diversifikati permezz ta’ politika kummerċjali multilaterali u bilaterali robusta.