Mur għall-kontenut ewlieni

Pagamenti rikorrenti tal-abbonamenti

Madwar 10% tal-konsumaturi fl-UE ġew imħajra jagħmlu abbonament mhux mixtieq fil-passat. Dan minħabba tekniki manipulattivi online li jġiegħlu lill-konsumaturi jemmnu li qed jaqblu biss ma’ prova b’xejn jew offerta rħisa ħafna, fejn fil-fatt - mingħajr ma jirrealizzaw - ikunu qed jidħlu f’abbonament li għalih se jħallsu perjodikament. Ħafna drabi, l-informazzjoni dwar il-pagamenti rikorrenti titħalla barra jew tindifen kompletament fl-informazzjoni b’tipa żgħira. In-Network CPC, ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea u taħt it-tmexxija tal-Ombudsman tal-Konsumatur Daniż, talab lil Mastercard, VISA u American Express biex jintroduċu sensiela ta’ bidliet fir-regoli tagħhom, sabiex jiġi żgurat li n-negozjanti jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar pagamenti rikorrenti qabel ma jidħlu f’abbonament.

L-awtoritajiet tas-CPC innutaw nassa online frawdolenti frekwenti li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ prodotti għal prova b’xejn jew bi prezz baxx ħafna, iżda moħbija fl-informazzjoni b’tipa żgħira jkun hemm li l-aċċettazzjoni ta’ offerta bħal din twassal għal abbonament b’pagamenti rikorrenti. Tali skemi jimmanipulaw lill-konsumaturi li jintalbu jdaħħlu l-kredenzjali tal-kard tagħhom iżda bl-informazzjoni murija tirreferi biss għall-prezz tal-ewwel prodott ippruvat jew mixtri u mhux għall-ammonti li se jiġu imposti b'mod regolari wara. 

Il-prattiki ta’ MasterCard, VISA u American Express ġew rieżaminati mill-awtoritajiet bħala mexxejja tas-suq. L-analiżi kienet tikkonċerna kif huma jimplimentaw regoli speċifiċi rigward l-awtorizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet bil-kard permezz tan-network ta’ pagament tagħhom. L-Awtoritajiet tas-CPC sabu li r-regoli tagħhom ma żgurawx li t-tranżazzjonijiet bil-kard kienu awtorizzati b’mod korrett meta kienu jinkludu pagamenti sussegwenti regolari.  Konsegwentement, huma qajmu kwistjonijiet ta’ konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament u d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.
 
Ħarsa ġenerali lejn ir-regoli modifikati tal-iskemi ta’ kards ta’ pagament:
 
Matul din l-azzjoni, American Express introduċiet regoli aktar stretti għan-negozjanti, inkluż l-obbligu li tintbagħat notifika ta’ tfakkira tal-ewwel tariffa ta’ abbonament. MasterCard u VISA, min-naħa l-oħra, marru lil hinn minn dan billi taw struzzjonijiet fid-dettall f’liema paġna web in-negozjanti għandhom juru l-informazzjoni dwar il-pagamenti ta’ abbonament, sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli. B’mod aktar speċifiku huma qablu - kif kien irrakkomandat mill-Awtoritajiet tas-CPC - dwar l-obbligu tal-kummerċjanti li dejjem jipprovdu informazzjoni dwar it-tariffi ta’ abbonament rikorrenti anke fil-paġna web fejn il-konsumaturi jdaħħlu l-informazzjoni tal-kard ta’ kreditu tagħhom għall-ewwel xiri jew prova tagħhom li twassal għal abbonament.

  • MasterCard: In-negozjanti issa jridu jiżvelaw it-termini tal-abbonament simultanjament ma’ talba għall-kredenzjali tal-kard. L-obbligu ta’ divulgazzjoni għandu jinkludi:
    1) il-prezz li se jiġi ffatturat;
    2) il-frekwenza tal-kontijiet;
    3) jekk rilevanti, it-termini tal-prova, inklużi kwalunkwe imposti inizjali, it-tul tal-perjodu ta’ prova, u l-prezz u l-frekwenza tas-sottoskrizzjoni sussegwenti.
     
  • VISA: Mill-2023 ’il quddiem, in-negozjanti se jkollhom jiżguraw li t-tul ta’ kwalunkwe perjodu ta’ prova, l-offerta introduttorja, jew il-perjodu promozzjonali, kif ukoll l-ammont(i) tat-tranżazzjoni(jiet) jidhru b’mod ċar kemm fuq il-paġna web fejn il-kredenzjali tal-kard huma mitluba u mdaħħla, kif ukoll fuq l-iskrin taċ-checkout. L-ammont(i) tat-tranżazzjoni(jiet) li għandu/hom jintwerew b’mod ċar jinkludi/u speċifikament l-ammont dovut fil-ħin tax-xiri (anki jekk żero), u l-ammont u d-data fissa jew l-intervall dovut għal kull tranżazzjoni rikorrenti.
     
  • American Express: In-negozjanti issa jridu jiżvelaw b’mod ċar it-termini materjali kollha tal-offerta inkluż, jekk applikabbli, il-fatt li l-Imposti Rikorrenti tal-Kont se jkomplu sakemm l-għażla tiġi kkanċellata mill-membru tal-Kard. Jekk dan jinkludi offerta introduttorja, huma għandhom jibagħtu notifika ta’ tfakkira bil-miktub lill-membru tal-Kard qabel ma jissottomettu l-ewwel Imposta Rikorrenti tal-Kont, li tippermetti lill-membru tal-Kard ammont raġonevoli ta’ żmien biex jikkanċella. 

Bħala l-passi li jmiss, in-Network CPC se jimmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji, u l-awtoritajiet nazzjonali se jipproċedu b’azzjoni ulterjuri jekk jiġu identifikati problemi addizzjonali.

COVID-19

Il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni relatati mal-COVID-19 laħqu livell għoli ħafna matul l-ewwel stadji tal-pandemija. Il-konsumaturi għandhom joqogħdu attenti għall-iscams online relatati ma’ prodotti li allegatament jistgħu jfejqu jew jipprevjenu l-infezzjoni tal-COVID-19. Negozjanti diżonesti jieħdu vantaġġ mill-biżgħat tal-konsumaturi biex jirreklamaw u jbigħu prodotti foloz jew ta’ standard inferjuri, biex jipproponu prezzijiet għaljin ħafna għal oġġetti bażiċi bħal maskri protettivi jew sanitizzaturi tal-idejn u jbigħu supplimenti tal-ikel mhux awtorizzati li jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa tan-nies.  

Biex jiġġieldu kontra dawn il-prattiki, l-awtoritajiet adottaw pożizzjoni komuni tas-CPC dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-iscams relatati mal-COVID-19 u rrikjedew il-kooperazzjoni ta’ pjattaformi ewlenin fil-livell dinji (ara hawnhekk Scams relatati mal-COVID-19).

Frodi tal-konsumatur

L-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur qed jeżaminaw bir-reqqa l-kwistjoni ta’ frodi u scams esperjenzati mill-konsumaturi. Illum, il-konsumaturi huma fil-mira ta’ prattiki u scams qarrieqa jew frodulenti dejjem aktar sofistikati, permezz ta’ mezzi differenti, kemm offline kif ukoll online. Il-konsumaturi jistgħu jkunu fil-mira waqt li jkunu qed jixtru online, fuq il-media soċjali, permezz tat-telefown, messaġġi testwali, emails jew wiċċ imb wiċċ permezz ta’ bejgħ bieb bieb. Dan potenzjalment għandu konsegwenzi estensivi u dannużi kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà usa’.

29 JANNAR 2020
Factsheet for survey on "fraud and scams experienced by consumers"
28 JANNAR 2020
Survey on "fraud and scams experienced by consumers"